2010-2019
Dan Fejn se Jwassal?
April 2019 Konferenza Ġenerali


Dan Fejn se Jwassal?

Aħna nagħmlu għażliet u deċiżjonijiet aħjar jekk inħarsu lejn l-alternattivi u nixtarru fejn jistgħu jwassluna.

L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu jħeġġiġna biex naħsbu dwar il-futur. Jispjegalna l-għan tal-ħajja mortali u r-realtà tal-ħajja li għad trid tiġi. Jgħallimna ideat importanti dwar il-futur biex jiggwida l-għemejjel tagħna llum.

B’kuntrast għal dan, aħna lkoll nafu b’ nies li jimpurtahom biss mill-preżent; onfoq illum, gawdi llum u toqgħodx taħseb dwar il-futur.

Il-preżent u l-futur tagħna jkunu ferm aktar hienja jekk aħna nkunu dejjem konxji tal-futur. Hekk kif illum aħna nieħdu ċerti deċiżjonijiet, għandna dejjem nistaqsu, “Din fejn se twassalni?”

I.

Ċerti deċiżjonijiet huma għażliet bejn li nagħmlu xi ħaġa jew li ma nagħmlu xejn. Bosta snin ilu, waqt li kont qed nattendi konferenza tal-wited ġewwa l-Istati Uniti jiena smajt xi ħadd jagħti eżempju ta’ din it-tip ta’ għażla.

Aħna konna ninsabu ġo kampus sabiħ tal-università. Grupp kbir ta’ studenti kienu bilqiegħda fuq il-ħaxix. Il-kelliem li ddeskriva din iċ-ċirkustanza qal li huma kienu qegħdin iħarsu lejn skwiril mill-aktar ħelu b’denbu kbir u sufi jilgħab man-naħa t’isfel ta’ siġra mill-aktar sabiħa. Xi kultant kien ikun mal-art, xi kultant jitla’ u jinżel u jdur maz-zokk. Iżda għalfejn dehra familjari bħal dik kellha tattira grupp daqstant kbir ta’ studenti?

Mixħut fuq il-ħaxix fil-qrib kien hemm kelb tar-razza Irish setter. Kien hu li qed jiġbed l-attenzjoni tal-istudenti, u l-iskwiril kien dak li kien qed jiġbed l-attenzjoni tal-kelb. Kull darba li l-iskwiril ma jkunx jidher waqt li jkun qed idur mas-siġra, il-kelb, bil-kalma kollha, kien jinġibed ftit pulzieri ‘l quddiem u mbagħad apparentament jerġa’ jieħu l-istess poża li kellu qabel. Dan kien li kien qed jattira daqshekk l-interess tal-istudenti. Siekta u bla ma jitħarku, għajnejhom kienu ffokati fuq dak li kien għaddej li l-eżitu tiegħu beda aktar ma jmur isir wieħed ovvju.

Finalment, il-kelb kien jinsab viċin biżżejjed biex seta’ jinxteħet fuq l-iskwiril u jigdmu. L-istudenti ġibdu nifs il-ġewwa bil-qatgħa li ħadu u telqu jiġru ‘l quddiem u ppruva jeħilsu l-annimal ċkejken mill-kelb, iżda kien tard wisq. L-iskwiril kien mejjet.

Kull min kien fost dik il-folla seta’ widdeb lill-iskwiril b’tixjira tal-id jew b’għajta, iżda ħadd m’għamel dan. Huma baqgħu jħarsu sakemm l-eżitu inevitabbli beda jersaq aktar fil-viċin. Ħadd ma staqsa, “Dan fejn se jwassal?” Meta dak li kien prevedibbli seħħ, kollha kemm huma marru jiġru biex jippruvaw iwaqqfu dan li kien qed jiġri, iżda kien tard wisq. Kull ma kellhom x’joffru kien biss dispjaċir u sogħba.

Dik l-istorja vera hija bħal parabbola. Hija tapplika għal ċerti ħwejjeġ li aħna naraw f’ħajjitna u fil-ħajja u ċ-ċirkustanzi ta’ dawk ta’ madwarna. Hekk kif aħna naraw ċertu nies u affarijiet li nħobbu qed jiġu mhedda, aħna għandna l-għażla li nitkellmu jew naġixxu jew li nibqgħu siekta. Ikun tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, “Dan fejn se jwassal?” Meta l-konsegwenzi huma immedjati u serji, ma naffordjawx li ma nagħmlu xejn. Għandna nagħmlu ċerti twissijiet xierqa jew nissapportjaw ċerti sforzi preventivi kif għad għandna ċ-ċans.

Id-deċiżjonijiet li għadni kif iddiskrevejt jinvolvu għażla bejn li nieħdu xi azzjoni jew li ma nieħdu l-ebda azzjoni. Aktar komuni huma dawk l-għażliet bejn azzjoni u oħra. Dawn jinkludu għażla bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, iżda ħafna drabi jkunu għażla bejn żewġ affarijiet tajbin. Hawnhekk ukoll xieraq li aħna nistaqsu fejn dawn se jwassluna. Aħna nagħmlu għadd ta’ għażliet bejn żewġ affarijiet li huma tajbin, li ħafna drabi jinvolvu kif aħna lesti nqattgħu l-ħin tagħna. M’hemm xejn ħażin li nilagħbu l-logħob tal-kompjuter jew li nibagħtu l-messaġġi jew naraw it-TV jew nitkellmu fuq il-mowbajl. Iżda dan kollu jinvolvi dak li aħna nsejħulu “prezz tal-opportunità,” jiġifieri jekk aħna nqattgħu l-ħin tagħna nagħmlu ħaġa waħda, nitilfu l-opportunità li nagħmlu ħaġa oħra. Jiena ċert li intom tistgħu taraw li hemm bżonn li aħna nkejlu sew xi nkunu qed nitilfu bil-ħin li nkunu qed inqattgħu fuq attività partikolari anke jekk m’hemm assolutament xejn ħażina fiha.

Ftit taż-żmien ilu, jiena għamilt diskors bl-isem “Tajjeb, Aħjar, Aqwa.” Fid-diskors jien għidt li “sempliċiment għaliex xi ħaġa hija tajba mhijiex raġuni suffiċjenti biex nagħmluha. In-numru ta’ affarijiet tajbin li nistgħu nagħmlu huwa ferm akbar mill-ħin li għandna biex nagħmluhom. Ċerti affarijiet huma aħjar minn tajjeb, u dawn huma l-affarijiet li għandhom ikunu ta’ prijorità f’ħajjitna. … Jeħtieġ li aħna npoġġu fil-ġenb ċerti affarijiet sabiex nagħżlu oħrajn li huma aħjar jew aqwa.”1

Ikkunsidraw kollox minn perspettiva fit-tul. X’se jkun l-effett fuq il-futur tagħna tad-deċiżjonijiet li nagħmlu fil-preżent? Ftakru l-importanza tal-istudju edukattiv, l-istudju tal-evanġelju, li nġeddu l-patti tagħna billi nieħdu sehem fis-sagrament, u li nattendu t-tempju.

II.

“Dan fejn se jwassalni?” hija wkoll mistoqsija importanti meta niġu biex nagħżlu kif se niddeskrivu lilna nfusna jew naħsbu dwarna nfusna. L-aktar importanti, ilkoll kemm aħna aħna wlied Alla b’destin u potenzjal li niksbu l-ħajja eterna. Kull tikketta oħra, inkluż l-impjieg, ir-razza, il-karatteristiċi fiżiċi jew l-unuri tagħna, hija temporanja jew trivjali f’termini eterni. Tippruvawx tagħżlu li tiddefinixxu lilkom infuskom jew tħarsu lejkom infuskom f’termini li jpoġġu xi limitu fuq xi għan li qed tittamaw għalih.

Intom, l-aħwa tiegħi, kif ukoll ħuti n-nisa, li tafu taraw jew taqraw dak li qed ngħid hawnhekk, nittama li tafu għalfejn il-mexxejja tagħkom iwasslulkom it-tagħlim u l-kunsill li jwasslulkom. Aħna nħobbukom, u Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, iħobbukom. Il-pjan Tagħhom għalina hu “il-pjan kbir ta’ ferħ” (Alma 42:8). Dak il-pjan u l-kmandamenti u l-ordinanzi u l-patti Tagħhom iwassluna sa l-akbar ferħ u hena f’din il-ħajja u fil-ħajja li jmiss. Bħala qaddejja tal-Missier u tal-Iben, aħna ngħallmu u nikkunsiljaw kif qalulna biex nagħmlu Huma permezz tal-Ispirtu s-Santu. Aħna m’għandna l-ebda xewqa oħra ħlief li ngħidu dak li hu veru u li nħeġġukom biex tagħmlu dak li Huma qalulna li hi l-mogħdija li twassal għall-ħajja eterna, “l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla” (Doctrine and Covenants 14:7).

III.

Se nagħtikom eżempju ieħor dwar x’effett id-deċiżjonijiet li nagħmlu bħalissa jista’ jkollhom fuq il-futur tagħna. Dan l-eżempju jirrigwarda l-għażla li fil-preżent nagħmlu ċertu sagrifiċċju biex niksbu għan importanti għall-futur.

Waqt konferenza tal-wited ġewwa Cali, fil-Kolumbja, waħda oħt tkellmet kif hija u l-għarus tagħha kellhom ix-xewqa li jiżżewġu fit-tempju, iżda dak iż-żmien l-aktar tempju viċin tagħhom kien ħafna ‘l bogħod, fil-Peru. Għal żmien twil, huma bdew ifaddlu biex ikollhom flus għall-karozza tal-linja. Finalment huma qabdu l-karozza tal-linja għal Bogotá, iżda meta huma waslu hemm, saru jafu li l-postijiet kollha fuq il-karozza tal-linja għal-Lima, fil-Peru kienu mimlijin. Huma setgħu marru lura d-dar mingħajr ma żżewġu jew inkella żżewġu barra t-tempju. Fortunatament, kien hemm alternattiva oħra. Huma setgħu jitilgħu fuq il-karozza tal-linja għal-Lima jekk kienu lesti li joqogħdu bilqiegħda mal-art għall-vjaġġ li kien se jieħu ħamest ijiem u ħamest iljieli. Huma għażlu li jagħmlu dan. Hija qalet li din kienet ħaġa diffiċl, minkejja li xi nies oħra li kienu qed jivvjaġġaw magħhom kultant kienu jċedulhom posthom ħalli huma jkunu jistgħu jitmattru ftit mal-art.

L-aktar ħaġa li impressjonatni fid-diskors tagħha kienet id-dikjarazzjoni ta’ din l-oħt li hija kienet grata li hi u żewġha kellhom l-opportunità li jmorru t-tempju b’dan il-mod, għaliex dan wassalhom biex seħħet bidla fil-mod kif huma jħossuhom dwar l-evanġelju u l-mod kif huma ħassewhom dwar iż-żwieġ fit-tempju. Il-Mulej ippremjahom bil-barkiet li huma riżultat tas-sagrifiċċju. Hija osservat ukoll li l-vjaġġ tagħhom ta’ ħamest ijiem sat-tempju wassalhom biex ikabbru l-ispiritwalità tagħhom ferm aktar mill-bosta żjarat fit-tempju li għamlu wara mingħajr wisq sagrifiċċju.

Minn dak iż-żmien li jien smajt dik it-testimonjanza, staqsejt lili nnifsi kemm kienet tkun differenti l-ħajja ta’ dik il-koppja żagħżugħa jekk huma għamlu għażla oħra minflok—kieku evitaw li jagħmlu s-sagrifiċċju neċessarju biex jiżżewġu fit-tempju.

L-Aħwa, f’ħajjitna aħna nagħmlu għadd kbir ta’ għażliet, uħud kbar u oħrajn ikunu jidhru żgħar. Jekk inħarsu lura, naraw x’differenza kbira dawk l-għażliet għamlu f’ħajjitna. Aħna nagħmlu għażliet u deċiżjonijiet aħjar jekk inħarsu lejn l-alternattivi u nixtarru fejn jistgħu jwassluna. Jekk nagħmlu dan, aħna nkunu qed nimxu wara l-kunsill tal-President Russell M. Nelson li nibdew b’viżjoni ċara tal-għan aħħari tagħna.2 Għalina, l-għan aħħari huwa dejjem fit-triq tal-patt permezz tat-tempju sal-ħajja eterna, l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.

Jiena nixhed dwar Ġesù Kristu u dwar l-effett tal-Att tal-Fidwa Tiegħu u l-veritajiet l-oħra tal-evanġelju etern Tiegħu f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Dallin H. Oaks, “Good, Better, Best,” Liahona, Nov. 2007, 104, 107.

  2. Ara Russell M. Nelson, “Hekk Kif Nimxu ’l Quddiem Flimkien,” Liahona, Apr. 2018, 7.