2010-2019
“Ejja, Imxi Warajja”
April 2019 Konferenza Ġenerali


“Ejjew, Imxu Warajja”

Ġesù Kristu jistedinna biex nieħdu t-triq tal-patt li twassalna lura d-dar għand il-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet u hemm inkunu ma’ dawk li nħobbu.

Għeżież ħuti, jien u marti Wendy ninsabu verament ferħanin li qegħdin hawn magħkom f’din l-għodwa tas-Sabbath. Mill-aħħar konferenza ġenerali ‘l hawn ġraw ħafna affarijiet. Ġew iddedikati tempji ġodda ġewwa Concepción, iċ-Ċili; Barranquilla, il-Kolumbja; u Ruma, l-Italja. Aħna esperjenzajna l-qawwa tant kbira tal-Ispirtu f’dawn l-avvenimenti sagri.

Jiena nifraħ lil ħafna nisa (u rġiel) li riċentiment qraw il-Ktieb ta’ Mormon u skoprewferħ u teżori moħbija. Jiena nħossni verament ispirat mir-rapporti li smajt dwar il-mirakli li ħafna esperjenzaw.

Nimmeravilja ruħi b’ġuvintur ta’ 11-il sena li, illum bħala djakni, jgħaddu b’mod den is-sagrament kull nhar ta’ Ħadd. Huma jmorru t-tempju flimkien mat-tfajliet ta’ 11-il sena tagħna, li issa jinsabu ħerqanin li jitgħallmu u jservu bħala Beehives. Kemm il-ġuvintur kif ukoll it-tfajliet qegħdin ixandru l-veritajiet tal-evanġelju b’ċarezza u konvinzjoni.

Jiena nħossni kuntent bit-tfal u ż-żgħażagħ li qegħdin jgħinu fit-tagħlim tal-evanġelju fid-djar tagħhom hekk kif huma qed jaħdmu mal-ġenituri tagħhom biex jimxu mal-kurrikulu ċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja.

Aħna rċevejna dan ir-ritratt ta’ Blake, tifel ta’ erba’ snin, li, kmieni s-Sibt filgħodu, qabad f’idu ktieb tal-Knisja u ddikjara, “Irrid nitma’ l-ispirtu tiegħi!”

Immaġni
Blake jitma’ l-ispirtu tiegħu

Blake, aħna verament kuntenti għalik u għal oħrajn li qed jagħżlu li jitimgħu l-ispirtu tagħhom billi jiffesteġġjaw permezz tal-verità tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. U aħna nħossuna veru ferħanin li ħafna qegħdin jirċievu l-qawwa ta’ Alla f’ħajjithom hekk kif huma jqimu u jservu fit-tempju.

Kif ħafna minnkom tafu, fil-familja tagħna tliet xhur ilu esperjenzajna separazzjoni mill-aktar emozzjonali meta t-tifla tagħna Wendy ħalliet din il-ħajja mortali. Fl-aħħar jiem tal-battalja tagħha mal-kanċer, jien ġejt imbierek bl-opportunità li jkolli l-aħħar konverżazzjoni tiegħi ma’ binti.

Jiena qbadtilha jdejha u għidtilha kemm kont inħobbha u kemm jiena grat li jien missierha. Jien għidt: “Inti żżewwiġt fit-tempju u b’fedeltà onorajt il-patti tiegħek. Inti u żewġek ilqajtu f’darkom sebat itfal u rabbejtuhom bħala dixxipli devoti ta’ Ġesù Kristu, membri qalbiena tal-Knisja, u ċittadini li jagħtu kontribut. U huma għażlu konjuġi ta’ dak l-istess kalibru. Missierek verament kburi bik. Inti ġibtli daqstant kuntentizza f’ħajti!”

B’leħen sieket hija wieġbet, “Grazzi, Pa.”

Kien mument mill-aktar ħelu u emozzjonali għalina. Tul is-67 sena tagħha, aħna ħdimna flimkien, kantajna flimkien u spiss morna niskijjaw flimkien. Iżda f’dik il-lejla, aħna tkellimna dwar ħwejjeġ li huma l-aktar importanti, bħall-patti, l-ordinanzi, l-ubbidjenza, il-fidi, il-familja, il-fedeltà, l-imħabba, u l-ħajja eterna.

Aħna verament nimmissjaw lit-tifla tagħna. Madankollu, minħabba l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, aħna ma ninkwetawx għaliha. Hekk kif aħna nkomplu nonoraw il-patti tagħna ma’ Alla, aħna ngħixu f’antiċipazzjoni li għad nerġgħu nkunu magħha. Sadattant, aħna qed inservu lill-Mulej hawnhekk u hi qed isservih hemmhekk fil-ġenna.1

Fil-fatt, aktar kmieni din is-sena, jiena u marti morna nżuru Paradise, (li tfisser ġenna)—qed nirreferi għal Paradise, ġo Kalifornja. Kif ġraw l-affarijiet, iż-żjara skedata tagħna hemmhekk seħħet anqas minn 40 siegħa minn meta t-tifla tagħna ħalliet din id-dinja. Aħna, flimkien mal-Presbiteru Kevin W. Pearson u martu, June, ġejna edifikati mill-Qaddisin tal-Wited ta’ Chico, Kalifornja. Sirna nafu dwar il-fidi kbira tagħhom, il-ministeru tagħhom u l-mirakli li seħħew saħansitra qalb dak kollu li huma tilfu fl-aktar nirien distruttivi fl-istorja ta’ Kalifornja.

Waqt li konna hemm, aħna tkellimna fit-tul ma’ wieħed uffiċjal tal-pulizija żagħżugħ, jismu John, li kien wieħed mill-ewwel fost il-ħafna nies bravi li marru jagħtu l-għajnuna tagħhom. Huwa qalilna dwar id-dalma kbira li niżlet fuq Paradise fit-8 ta’ Novembru, 2018, hekk kif il-fjammi u l-faħam jaqbad bdew jinvadu l-belt, jeqirdu l-bini u kull ma jiġi quddiemhom bħallikieku biex jikkastigaw u warajhom ma jħallu xejn ħlief gozz irmied u ftit ċmieni tal-briks.

Immaġni
Dar tal-laqgħat qed taqbad

John għadda 15-il siegħa sħaħ isuq qalb dalma impenetrabbli b’biċċiet kbar u perikolużi ta’ materjal jaqbad ma’ kullimkien filwaqt li beda jipprova jgħin persuna wara l-oħra u familja wara l-oħra titbiegħed mill-periklu—b’ċans kbir li jipperikola ħajtu. Madankollu, waqt dan l-eżerċizzju mill-aktar diffiċli, l-aktar ħaġa li kexkxet lil John kienet il-mistoqsija inkwetanti: “Fejn hi l-familja tiegħi?” Wara sigħat sħaħ ta’ biża’ u dieqa, hu finalment sar jaf bl-evakwazzjoni tagħhom ’il bogħod mill-periklu.

Ir-rakkont tas-sens ta’ responsabbiltà ta’ John lejn il-familja tiegħu wassalni biex illum jiena nindirizza lil dawk fostkom li tafu tistaqsu, meta jkun riesaq it-tmiem tal-ħajja mortali tagħkom, “Fejn hi l-familja tiegħi?” F’dak il-jum, li żgur se jasal, meta intom ittemmu l-probazzjoni tagħkom fid-dinja u tidħlu fid-dinja tal-ispirti, intom se jkollkom tħabbtu wiċċkom ma’ dik il-mistoqsija mill-aktar diffiċli: “Fejn hi l-familja tiegħi?”

Ġesù Kristu jgħallimna liema hi t-triq lura lejn id-dar eterna tagħna. Huwa jifhem il-pjan tal-progress etern ta’ Missierna tas-Smewwiet ferm aħjar minn kull wieħed minna. Wara kollox, Huwa ċ-ċavi ċentrali ta’ dan l-istess pjan. Huwa l-Feddej tagħna, it-Tabib tagħna u s-Salvatur tagħna.

Minn dakinhar li Adam u Eva tkeċċew mill-Ġnien tal-Għeden, Kristu Ġesù offra d-driegħ setgħan Tiegħu biex jgħin lil dawk kollha li jagħżlu li jimxu warajh. Ripetutament, l-iskrittura tgħidilna li, minkejja kull tip ta’ dnubiet minn kull tip ta’ nies, dirgħajh għadhom jinsabu lesti biex jgħinuna.2

L-ispirtu f’kull wieħed u waħda minna, b’mod naturali, jixtieq li l-imħabba tal-familja tibqa’ għal dejjem. Il-kanzunetti ta’ mħabba jwasslulna tama falza li l-imħabba hi l-unika ħaġa li neħtieġu jekk irridu nkunu flimkien għal dejjem. U xi wħud, b’mod żbaljat, jemmnu li l-Qawmien mill-Imwiet ta’ Ġesù Kristu jipprovdilna wegħda li wara l-mewt in-nies kollha għad ikunu mal-maħbubin tagħhom.

Fil-verità, is-Salvatur Innifsu għamilha mill-aktar ċara li filwaqt li l-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet jassigura li kull persuna li qatt għexet fil-fatt se tiġi mqajma mill-imwiet u se tgħix għal dejjem,3 se jkun meħtieġ ferm aktar minna jekk irridu li jkollna l-aqwa privileġġ tal-eżaltazzjoni. Is-salvazzjoni hija ħaġa li tirrigwarda l-individwu, iżda l-eżaltazzjoni hi ħaġa li tirrigwarda l-familja.

Isimgħu ftit dan il-kliem li l-Mulej Ġesù Kristu qal lill-profeta Tiegħu: “Il-patti, il-kuntratti, ir-rabtiet, l-obbligi, il-ġuramenti, il-wegħdi, il-prestazzjonijiet, il-konnessjonijiet, l-assoċjazzjonijiet jew l-aspettattivi kollha, li ma sarux u ma ġewx issiġillati permezz tal-Ispirtu s-Santu tal-wegħda … m’għandhom l-ebda effett, virtù jew forza wara l-qawmien mill-imwiet; għaliex il-kuntratti kollha li ma jsirux b’dan il-mod se jispiċċaw fix-xejn meta l-bnedmin imutu.”4

Għalhekk, x’inhu meħtieġ biex familja tiġi eżaltat għal dejjem? Aħna nikkwalifikaw għal dak il-privileġġ billi nagħmlu ċerti patti ma’ Alla, inżommu dawk il-patti u nirċievu l-ordinanzi essenzjali.

Dan minn dejjem kien il-każ mill-bidu taż-żminijiet. Adam u Eva, Noè u martu, Abraham u Sara, Leħi u Sarija, u d-dixxipli devoti l-oħra kollha ta’ Ġesù Kristu—minn meta ġiet maħluqa d-dinja—għamlu kollha l-istess patti ma’ Alla. Huma rċevew l-istess ordinanzi li aħna, bħala membri tal-Knisja rrestawrata tal-Mulej fi żmienna rċevejna: dawk il-pattili aħna nirċievu fil-magħmudija u fit-tempju.

Is-Salvatur jistieden lil kulħadd biex jimxi warajh sal-ilmijiet tal-magħmudija u, maż-żmien, biex jagħmel patti oħra ma’ Alla fit-tempju u jirċievi aktar ordinanzi essenzjali u jibqa’ fidil lejhom. Dawn kollha huma meħtieġa jekk aħna rridu li niġu eżaltati mal-familji tagħna u ma’ Alla għal dejjem.

Il-weġgħa ta’ qalbi hi li bosta nies li jiena nħobb, li jien nammira u li jien nirrispetta ma jaċċettawx l-istedina Tiegħu. Huma jinjoraw l-istedina ta’ Ġesù Kristu meta Huwa qal, “Ejja, imxi warajja.”5

Jien nifhem għalfejn Alla jibki.6 Jiena wkoll nibki għal dawn il-ħbieb u qraba tiegħi. Huma nies twajbin, devoti lejn il-familja tagħhom u li għandhom ċerti responsabbiltajiet ċiviċi. B’mod ġeneruż, huma joffru l-ħin, l-enerġija u r-riżorsi tagħhom. U d-dinja hija post aħjar minħabba l-isforzi tagħhom. Iżda huma għażlu li ma jagħmlux ċerti patti ma’ Alla. Huma ma rċevewx l-ordinanzi li jeżaltawhom flimkien mal-familji tagħhom u li jissiġillawhom flimkien għal dejjem.7

Kemm nixtieq li nista’ mmur u nżurhom u nistedinhom biex jikkunsidraw serjament il-liġijiet kwalifikanti tal-Mulej. Kemm-il darba staqsejt lili nnifsi x’nista’ ngħidilhom biex huma jħossu kemm is-Salvatur verament iħobbhom kif ukoll kemm jien inħobbhom, u jintebħu kif in-nisa u l-irġiel li jżommu dawn il-patti jistgħu jirċievu “milja ta’ ferħ.”8

Jeħtieġ li huma jifhmu li filwaqt li hemm post lest għalihom fil-ħajja ta’ wara din—flimkien ma’ rġiel u nisa oħra li wkoll għażlu li ma jagħmlux patti ma’ Alla—dak mhuwiex il-post li fih il-familji jiġu magħqudin mill-ġdid flimkien u fejn huma jingħataw il-privileġġ li jgħixu u jibqgħu javvanzaw għal dejjem. Dik mhijiex is-saltna li fiha huma jesperjenzaw il-milja tal-ferħ—ta’ progressjoni u ferħ mingħajr tmiem.9 Dawk l-ogħla barkiet nistgħu niksbuhom biss billi ngħixu f’renju ċelestjali eżaltat ma’ Alla, il-Missier Etern tagħna; ma’ Ibnu, Ġesù Kristu; u dawk il-membri tal-familja tagħna, mill-aktar meraviljużi, denji u kkwalifikati.

Lill-ħbieb retiċenti tiegħi nħoss li għandi ngħidilhom:

“F’din il-ħajja, inti f’kull ħaġa ma xtaqt xejn ħlief l-aqwa. Madankollu, hekk kif inti tirreżisti li tħaddan b’mod sħiħ l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, inti tkun qed tagħżel li ma tagħżilx l-aqwa.

“Is-Salvatur qal, ‘Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet.’10 Madankollu, hekk kif inti tagħżel li ma tagħmlix ċerti patti ma’ Alla, inti tkun qed taċċetta li tibqa’ tgħix f’post mill-aktar inferjuri tul l-eternità kollha.”

Jien inkompli nipprova nipperswadi lill-ħbieb retiċenti tiegħi billi ngħidilhom:

“Iftaħ qalbek ma’ Alla. Staqsih jekk dawn il-ħwejjeġ humiex vera. Iddedika ħin biex fih tistudja kliemu. Tistudja verament! Jekk inti verament tħobb il-familja tiegħek u jekk inti tixtieq tkun eżaltat magħhom tul l-eternità, ħallas issa l-prezz—permezz ta’ studju serju u talb ferventi—biex tkun taf dawn il-veritajiet eterni u mbagħad tgħix skont dawn l-istess veritajiet.

“Jekk inti lanqas għadek ċert jekk temminx f’Alla, ibda minn hemm. Ifhem li fin-nuqqas ta’ ċerti esperjenzi ma’ Alla, wieħed jista’ jiddubita l-eżistenza ta’ Alla. Għalhekk poġġi lilek innifsek f’pożizzjoni li jibda jkollok dawn l-esperjenzi Miegħu. Ċekken lilek innifsek. Itlob li għajnejk jaraw l-id t’Alla f’ ħajtek u fid-dinja ta’ madwarek. Itolbu biex jurik jekk Hu jinsabx verament hemm—jekk Hu lilek jafekx. Itolbu kif Huwa jħossu dwarek. Imbagħad isma’ x’għandu xi jgħidlek.”

Wieħed ħabib tal-qalb tiegħi kien limitat fl-esperjenzi li kellu ma’ Alla. Iżda Hu xtaq li jerġa’ jingħaqad ma’ martu li ħalliet din id-dinja. Għalhekk huwa talabni biex ngħinu. Jiena ħeġġiġtu biex jiltaqa’ mal-missjunarji tagħna biex ikun jista’ jifhem id-duttrina ta’ Kristu u jitgħallem il-patti, l-ordinanzi u l-barkiet tal-evanġelju.

Huwa hekk għamel. Iżda hu ħass li r-rotta li riduh jaqbad kienet teħtieġ bosta tibdil f’ħajtu. Huwa qal, “Dawk il-kmandamenti u l-patti huma wisq diffiċli għalija. Kif ukoll mhux possibbli għalija li nħallas id-dieċmi u m’għandix ħin biex inservi fil-Knisja.” Imbagħad staqsieni, “Meta mmut, jekk jogħġbok, agħmel il-ħidma tat-tempju neċessarja għalija u għal marti ħalli aħna nerġgħu nkunu flimkien għal dejjem.”

Fortunatament, jiena minix l-imħallef ta’ dan ir-raġel. Iżda jiena niddubita l-effett tal-ħidma tat-tempju bi prokura għal xi ħadd li kellu l-opportunità li jitgħammed f’din il-ħajja—li jiġi ordnat għas-saċerdozju u jirċievi l-barkiet tat-tempju f’din il-ħajja mortali—iżda b’mod konxju ħa d-deċiżjoni li ma jeħux dik ir-rotta.

Għeżież ħuti, Ġesù Kristu jistedinna biex nieħdu t-triq tal-patt li twassalna lura d-dar għand il-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet u hemm inkunu ma’ dawk li nħobbu. L-istedina Tiegħu hi “ejja, imxi warajja.”

Issa, bħala l-President tal-Knisja Tiegħu, jien nitlob lilek li tbegħedt mill-Knisja u lilek li għadek ma ppruvajtx tkun taf jekk il-Knisja tas-Salvatur ġietx verament irrestawrata. Agħmel il-ħidma spiritwali meħtieġa biex tkun taf dan għalik innifsek, u jekk jogħġbok agħmel dan issa. Il-ħin mhux se jistenniek.

Jiena nixhed li Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu. Il-Knisja Tiegħu u l-milja tal-evanġelju Tiegħu ġew irrestawrati biex ibierku ħajjitna bil-ferħ, kemm f’din il-ħajja kif ukoll f’ li ġejja. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.