Librerija
Qlub Magħqudin Flimkien fis-Sewwa u l-Għaqda


Qlub Magħqudin Flimkien fis-Sewwa u l-Għaqda

F’dan il-200 sena anniversarju mill-aktar avveniment importanti fl-istorja tal-Knisja tagħna, ejjew nikkommettu rwieħna biex ngħixu sewwa u nkunu magħqudin aktar minn qatt qabel.

Is-sewwa u l-għaqda huma profondament sinifikanti.1 Meta n-nies iħobbu lil Alla b’qalbhom kollha u bis-sewwa jagħmlu l-almu tagħhom biex isiru bħalu, ikun hemm anqas tilwim fis-soċjetà. Ikun hemm aktar għaqda. Jogħġobni ferm rakkont veru li jagħtina eżempju ta’ dan.

Meta kien għadu żagħżugħ mhux tat-twemmin tagħna, il-Ġeneral Thomas L. Kane għen u ddefenda lill-Qaddisin hekk kif kienu mitlubin jitilqu minn Nauvoo. Hu kien avukat tal-Knisja għal ħafna snin.2

Fl-1872, il-Ġeneral Kane, il-mara brava tiegħu, Elizabeth Wood Kane, u ż-żewġ uliedhom subien telqu mid-dar tagħhom f’Pennsylvania fuq vjaġġ lejn il-Belt ta’ Salt Lake. Huma akkumpanjaw lil Brigham Young u lil sħabu fi triqithom lejn in-naħa t’isfel ta’ Utah sa St. George. Elizabeth, li kienet sejra l-ewwel darba f’Utah, bdiet tħossha xi ftit inċerta dwar in-nisa t’hemmhekk. Hi ħassitha sorpriża b’uħud mill-ħwejjeġ li tgħallmet. Per eżempju, hi sabet li kwalunkwe karriera li permezz tagħha mara setgħet taqla’ l-għixien tagħha kienet possibbli f’Utah.3 Sabet ukoll li l-membri tal-Knisja kienu twajbin u jippruvaw jifhmu lill-Amerikani Nattivi.4

Waqt il-vjaġġ huma qagħdu ġewwa Fillmore fid-dar ta’ Thomas R. u Matilda Robison King.5

Elizabeth kitbet li hekk kif Matilda kienet qed tħejji ikla għall-President Young u sħabu, daħlu fil-kamra ħames Indjani Amerikani. Minkejja li ma kenux mistednin, kien jidher ċar li huma stennew li jingħaqdu man-nies li kien hemm ġewwa. Sister King kellmithom “bid-djalett tagħhom.” Huma poġġew bilqiegħda bil-kutri tagħhom b’ħarsa pjaċevoli fuq ħaddejhom. Elizabeth staqsiet lil wieħed mit-tfal tal-koppja King, “Ommok x’qaltilhom lil dawk l-irġiel?”

Iben Matilda wieġeb, “Hi qalet ‘Dawn l-istranġieri ġew qabilkom, u jien sajjart biss b’kemm jieklu huma; iżda l-ikla tagħkom tinsab fuq in-nar bħalissa, u nsejħilkom hekk kif tkun lesta.’”

Elizabeth staqsiet, “Allura hi verament se tagħmel hekk, jew sempliċiment se tagħtihom milli jkun baqa’ u tħallihom barra il-bieb tal-kċina?”6

Iben Matilda wieġeb, “Ommi se sservihom bl-istess mod li qed isservi lilkom u se tistedinhom jiġu madwar il-mejda.”

U hekk għamlet, u “huma kielu bl-aktar mod xieraq.” Elizabeth spjegat li skont hi din l-omm kienet aġixxiet b’mod mill-aktar professjonali.7 L-għaqda tissaħħah meta n-nies jiġu ttrattati b’dinjità u b’rispett anke jekk minn barra jidhru li għandhom karatteristiċi differenti.

Bħala mexxejja, aħna ma nemmnux li fil-passat kull relazzjoni kienet perfetta, li kollox mexa kif irid Kristu, jew kull deċiżjoni kienet ġusta. Madankollu, il-fidi tagħna tgħallem li aħna kollha wlied Missierna fis-Smewwiet, u aħna nqimu lilu u lil Ibnu, Ġesù Kristu, li hu s-Salvatur tagħna. Ix-xewqa tagħna hi li qlubna u moħħna jkunu magħqudin flimkien fis-sewwa u l-għaqda, u li aħna nkunu ħaġa waħda magħhom.8

Is-sewwa hija terminu mill-aktar wiesa’ u komprensiv iżda bla dubju jinkludi fih li ngħixu l-kmandamenti ta’ Alla.9 Tikkwalifikana għall-ordinanzi sagri li jikkonstitwixxu t-triq tal-patt u tberikna biex ikollna l-Ispirtu li jagħti direzzjoni għal ħajjitna.10

Li tkun fis-sewwa ma jiddependix li bħalissa kull wieħed u waħda minna jkollna kull barka f’ħajjitna. Jista’ jkun li għalissa aħna m’aħniex miżżewġin jew imberkin bit-tfal jew għadna ma qlajniex xi barka li tant ilna nixtiequ. Iżda l-Mulej wiegħed li l-ġusti fidili “jistgħu jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem.”11

L-għaqda hi wkoll terminu mill-aktar wiesa’ u komprensiv, iżda bla dubju hi eżempju ċar tal-ewwel u t-tieni l-akbar kmandamenti li nħobbu lil Alla u nħobbu lil għajrna.12 Tagħtina l-idea tan-nies ta’ Sijon li qlubhom u moħħhom jinsabu magħqudin flimkien f’għaqda.13

Il-kuntest għall-messaġġ tiegħi hu l-kuntrast u l-lezzjonijiet mill-iskrittura mqaddsa.

Għaddew 200 sena minn meta l-Missier u Ibnu dehru għall-ewwel darba u taw bidu għar-Restawrazzjoni tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu fl-1820. Ir-rakkont fir-4 Nephi fil-Ktieb ta’ Mormon jinkludi perjodu simili ta’ 200 sena wara li s-Salvatur deher u waqqaf il-Knisja tiegħu fl-Amerka tal-qedem.

Il-kitba storika li naqraw f’4 Nefi tiddeskrivi nies li fosthom ma kien hemm l-ebda għira, ġlied, tixwix, gideb, qtil, jew xi tip ta’ żina. Minħabba din is-sewwa kollha, l-iskrittura tiddikjara, “verament ma setax kien hemm nies aktar henjin fost il-popli kollha li qatt ġew maħluqa minn id Alla.”14

B’referenza għall-għaqda, f’4 Nefi naqraw, “Ma kien hemm l-ebda tilwim fil-pajjiż, minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’qlub il-poplu.”15

Sfortunatament, 4 Nefi mbagħad jiddeskrivi bidla drammatika li bdiet “fis-sena mitejn u wieħed,”16 meta l-ħażen u l-firda qerdu s-sewwa u l-għaqda. Il-ħażen li seħħ wara kien tant kbir li ultimament il-profeta kbir Mormon mimli niket qal lil ibnu Moroni:

“Iżda ibni, kif jista’ poplu jkun hekk, li jieħu gost b’daqstant ħażen—

“Kif nistgħu qatt nistennew li Alla ma jurix il-ġudizzju tiegħu kontrina?”17

F’din id-dispensazzjoni, minkejja li qed ngħixu fi żmien speċjali, id-dinja ma ġietx imbierka bis-sewwa u l-għaqda deskritti f’4 Nefi. Fil-fatt, aħna ngħixu fi żmien fejn partikolarment hawn firda kbira. Madankollu, il-miljuni li aċċettaw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu ddedikaw lilhom infushom biex jiksbu kemm is-sewwa u l-għaqda. Aħna lkoll konxji li nistgħu nagħmlu aħjar, u din hi l-isfida ta’ żmienna. Aħna nistgħu nkunu forza li nelevaw u nbierku s-soċjetà inġenerali. F’dan il-200 sena anniversarju mill-aktar avveniment importanti fl-istorja tal-Knisja tagħna, ejjew nikkommettu rwieħna bħala membri tal-Knisja tal-Mulej biex ngħixu sewwa u nkunu magħqudin aktar minn qatt qabel. Il-President Russell M. Nelson talabna biex “nuru aktar ċivilità, aktar armonija razzjali u etnika u rispett reċiproku.”18 Dan ifisser li nħobbu lil xulxin u lil Alla u naċċettaw lil kulħadd bħal aħwa u nkunu verament poplu ta’ Sijon.

Bid-duttrina mill-aktar inklussiva tagħna, aħna nistgħu nkunu oasi ta’ għaqda u niċċelebraw id-diversità. L-għaqda u d-diversità mhumiex opposti ta’ xulxin. Nistgħu niksbu aktar għaqda hekk kif inrawmu atmosfera ta’ inklużjoni u rispett lejn id-diversità. Waqt iż-żmien li fih servejt fil-presidenza tal-Wited ta’ San Francisco, f’California, aħna kellna kongregazzjonijiet jitkellmu bl-Ispanjol, bit-Tongan, bis-Samoan, bit-Tagalog, u bil-Mandarin. L-oqsma tagħna bl-Ingliż kienu magħmulin minn nies minn sfond razzjali u kulturali mill-aktar divers. Kien hemm l-imħabba, is-sewwa, u l-għaqda.

L-oqsma u l-fergħat fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jiġu determinati skont il-ġeografija jew il-lingwa,19 mhux skont ir-razza jew il-kultura. Ir-razza ma tiġix identifikata fuq ir-reġistri ta’ sħubija.

Fl-ewwel parti tal-Ktieb ta’ Mormon, madwar 550 sena qabel it-twelid ta’ Kristu, aħna mgħallmin kmandament fundamentali dwar ir-relazzjoni bejn ulied Missierna fis-Smewwiet. Ilkoll jeħtieġu jżommu l-kmandamenti tal-Mulej, u lkoll huma mistednin biex igawdu mit-tjubija tal-Mulej, “u hu ma jirrifjuta lill-ebda bniedem li jmur għandu, iswed u abjad, skjav u ħieles, raġel u mara; u hu jiftakar il-ġnus; u kulħadd l-istess għal Alla, kemm il-Lhudi kif ukoll il-Ġentil.”20

Il-ministeru u l-messaġġ tas-Salvatur jiddikjaraw konsistentement li r-razez u l-kuluri kollha huma wlied Alla. Aħna lkoll aħwa. Fid-duttrina tagħna aħna nemmnu li fil-pajjiż li ospita r-Restawrazzjoni, l-Istati Uniti, il-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti21 u d-dokumenti relatati,22 miktubin minn nies imperfetti, ġew ispirati minn Alla biex ibierek lin-nies kollha. Kif naqraw fid-Duttrina u Patti, dawn id-dokumenti ġew “stabbiliti u għandhom jinżammu għad-drittijiet u l-protezzjoni tal-bnedmin kollha, skont prinċipji ġusti u qaddisa.”23 Tnejn minn dawn il-prinċipji kienu l-volontà u l-kontabilità għad-dnubiet ta’ dak li jkun. Il-Mulej iddikjara:

“Għalhekk, mhux sew li xi bniedem ikun ilsir ta’ bniedem ieħor.

“U għal dan il-għan jien waqqaft il-Kostituzzjoni ta’ dan il-pajjiż, permezz ta’ nies għorrief li jien ħejjejt għal dan il-għan, u fdejt din l-art permezz tat-tixrid tad-demm.”24

Din ir-rivelazzjoni ngħatat fl-1833 meta l-Qaddisin f’Missouri kienu qed isofru persekuzzjoni kbira. Parti mit-titlu tal-paġna tad- Duttrina u Patti sezzjoni 101 jgħid: “Il-marmalja keċċiethom ’il barra minn djarhom ġewwa l-Kontea ta’ Jackson. … Kien hemm ħafna theddid li kienu se joqtlu lill-membri tal-Knisja.”25

Dan kien żmien ta’ tensjoni b’diversi modi. Bosta min-nies ta’ Missouri kienu jikkunsidraw lill-Amerikani Nattivi bħala għadu permanenti u riduhom jitilqu mill-post. Barra minn hekk, ħafna minn dawk li ssetiljaw f’Missouri kienu sidien tal-iskjavi u ħassewhom mhedda minn dawk li kienu jopponu l-iskjavitù.

B’kuntrast għal dan, id-duttrina tagħna kienet tirrispetta lill-Amerikani Nattivi u x-xewqa tagħna kienet li ngħallmuhom l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. B’rispett għall-iskjavitù, l-iskrittura tagħna għamlitha ċara li l-ebda bniedem m’għandu jkun skjav ta’ bniedem ieħor.26

Ultimament, il-Qaddisin ġew imkeċċija b’mod vjolenti minn Missouri27 u mbagħad sfurzati biex jitilqu lejn il-Punent.28 Il-Qaddisin kibru fil-prosperità u sabu l-paċi li takkumpanja s-sewwa, l-għaqda, u lil min jgħix l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Inħossni veru ferħan meta naqra t-Talba ta’ Interċessjoni tas-Salvatur kif miktuba fl-Evanġelju ta’ Ġwanni. Is-Salvatur għaraf li l-Missier bagħtu u li Hu, is-Salvatur, kien temm il-ħidma li Hu kien bagħtu biex iwettaq. Hu talab għad-dixxipli tiegħu u għal dawk li kienu se jemmnu fi Kristu: “Li jkunu lkoll ħaġa waħda; kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.”29 L-għaqda hi dik il-ħaġa li Kristu talab għaliha qabel it-tradiment u l-Kruċifissjoni tiegħu.

Fl-ewwel sena wara r-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, kif hemm miktub f’sezzjoni 38 tad-Duttrina u Patti, il-Mulej jitkellem dwar il-gwerer u l-ħażen u jiddikjara, “Jien ngħidilkom, kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”30

Il-kultura tal-Knisja tagħna ġejja mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. L-Ittra tal-Appostlu Pawlu lir-Rumani hi waħda profonda.31 Il-knisja tal-ewwel żminijiet f’Ruma kienet magħmula minn Lhud u Ġentili. Dawn il-Lhud tal-ewwel żminijiet kellhom kultura Ġudajka u “kisbu l-ħelsien tagħhom u bdew joktru u jiffjorixxu.”32

Il-Ġentili f’Ruma kellhom kultura b’influwenza Ellenistika sinifikanti, li l-Appostlu Pawlu kien jaf sew minħabba l-esperjenzi tiegħu f’Ateni u Korintu.

Pawlu introduċa l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu b’mod mill-aktar komprensiv. Hu kiteb dwar aspetti pertinenti kemm tal-kultura Ġudajka kif ukoll tal-Ġentil33 li kienu f’kunflitt mal-evanġelju veru ta’ Ġesù Kristu. Hu essenzjalment talab lil kull wieħed minnhom biex iwarrbu dawk l-impedimenti kulturali mit-twemmin u l-kultura tagħhom li ma kenux konsistenti mal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Pawlu jwissi lil-Lhud u lill-Ġentili biex iżommu l-kmandamenti, u jħobbu lil xulxin, u jiddikjara li s-sewwa twassal għas-salvazzjoni.34

Il-kultura tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu mhijiex kultura Ġentil jew kultura Ġudajka. Mhux determinata mill-kulur tal-ġilda ta’ dak li jkun jew fejn wieħed joqgħod. Filwaqt li nifirħu permezz ta’ kulturi distintivi, aħna għandna nwarrbu kull aspett ta’ dawk il-kulturi li huma f’kunflitt mal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Il-membri u l-ikkonvertiti ġodda tagħna ħafna drabi jiġu minn sfond razzjali u kulturali mill-aktar divers. Jekk aħna nimxu wara t-twissija tal-President Nelson li niġbru lil Iżrael imferrex ma’ kullimkien, aħna nsibu li aħna differenti daqs kemm kienu l-Lhud u l-Ġentili fi żmien Pawlu. Madankollu nistgħu nkunu magħqudin fl-imħabba u fil-fidi tagħna f’Ġesù Kristu. L-Ittra ta’ Pawlu lir-Rumani tistabbilixxi l-prinċipju li aħna nimxu wara l-kultura u d-duttrina tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Hi l-mudell għalina anke llum.35 L-ordinanzi tat-tempju jgħaqqduna b’modi speċjali u jagħtuna ċ-ċans li nkunu ħaġa waħda f’kull mod eternament sinifikanti.

Aħna nonoraw lill-membri pijunieri tagħna madwar id-dinja, mhux għaliex huma kienu perfetti iżda għax għelbu d-diffikultajiet, għamlu s-sagrifiċċji, ippruvaw ikunu bħal Kristu, u għamlu l-almu tagħhom biex jibnu l-fidi u jkunu ħaġa waħda mas-Salvatur. Li kienu ħaġa waħda mas-Salvatur wassalhom biex ikunu ħaġa waħda bejniethom. Dan il-prinċipju għadu jgħodd illum għalikom u għalija.

Is-sejħa mill-aktar ċara lill-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hi biex nagħmlu li nistgħu ħalli nkunu poplu ta’ Sijon ta’ qalb waħda u moħħ wieħed u ngħammru fis-sewwa.36

Hi t-talba tiegħi li aħna nkunu ġusti u magħqudin u kompletament iffokati fuq li nservu u nqimu lis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li dwaru jiena nixhed. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Doctrine and Covenants 38:27.

  2. Is-servizz ta’ Thomas Kane f’isem il-membri kemm-il darba ġie deskritt “bħala att ta’ sagrifiċċju altruwista minn żagħżugħ idealista li ra b’għajnejh l-inġustizzji li sofriet minoranza reliġjuża ippersegwitata minn idejn maġġoranza krudili u ostili” (introduzzjoni għal Elizabeth Wood Kane, Twelve Mormon Homes Visited in Succession on a Journey through Utah to Arizona, ed. Everett L. Cooley [1974], viii).

  3. Ara Kane, Twelve Mormon Homes, 5.

  4. Ara Kane, Twelve Mormon Homes, 40.

  5. Ara Lowell C. (Ben) Bennion u Thomas R. Carter, “Touring Polygamous Utah with Elizabeth W. Kane, Winter 1872–1873,” BYU Studies, vol. 48, nu. 4 (2009), 162.

  6. Apparentament, Elizabeth kienet tassumi li l-biċċa l-kbira tal-Amerikani f’dawk iż-żminijiet kienu jagħtu lill-Indjani Amerikani sempliċiment loqom u li kienu jittrattawhom differenti minn mistednin oħra.

  7. Ara Kane, Twelve Mormon Homes, 64–65. Ta’ min jinnota li ħafna Amerikani Nattivi, fosthom diversi kapijiet, saru membri tal-Knisja. Ara wkoll John Alton Peterson, Utah’s Black Hawk War (1998) 61; Scott R. Christensen, Sagwitch: Shoshone Chieftain, Mormon Elder, 1822–1887 (1999), 190–95.

  8. F’din id-dispensazzjoni “il-ġusti se jinġabru minn fost il-ġnus kollha, u se jiġu f’Sijon, ikantaw għanjiet ta’ ferħ dejjiemi” (Doctrine and Covenants 45:71).

  9. Ara Doctrine and Covenants 105:3–5. L-iskrittura semmiet li nieħdu ħsieb il-foqra u lil dawk fil-bżonn bħala element neċessarju tas-sewwa.

  10. Ara Alma 36:30; ara wkoll 1 Nephi 2:20; Mosiah 1:7. L-aħħar parti ta’ Alma 36:30 tgħid, “Jekk ma żżommux il-kmandamenti ta’ Alla intom tinqatgħu barra mill-preżenza tiegħu. Issa dan hu skont il-kelma tiegħu.”

  11. Mosiah 2:41. Il-President Lorenzo Snow (1814–1901) għallem: “M’hemm l-ebda Qaddis tal-Aħħar Żmien li jmut wara li jkun għex ħajja fidila li jitlef xi ħaġa għaliex ikun naqas li jagħmel ċerti affarijiet meta ma kellux l-opportunità li jagħmel dan. Fi kliem ieħor, jekk xi żagħżugħ jew żagħżugħa ma jkollhomx l-opportunità li jiżżewġu, u huma jgħixu ħajja fidila sakemm imutu, huma jgawdu mill-barkiet, mill-eżaltazzjoni, u mill-glorja kollha li kwalunkwe bniedem li kellu din l-opportunità u ħadem biex tiġi fis-seħħ jista’ jkollu. Din hi ħaġa ċerta u pożittiva” (Teachings of Presidents of the Church: Lorenzo Snow [2012], 130). Ara wkoll Richard G. Scott, “The Joy of Living the Great Plan of Happiness,” Ensign, Nov. 1996, 75.

  12. Ara 1 Ġwanni 5:2.

  13. Mosiah 18:21; ara wkoll Moses 7:18.

  14. 4 Nephi 1:16.

  15. 4 Nephi 1:15.

  16. 4 Nephi 1:24.

  17. Moroni 9:13–14.

  18. Russell M. Nelson, f’ “First Presidency and NAACP Leaders Call for Greater Civility, Racial Harmony,” 17 ta’ Mejju, 2018, newsroom.ChurchofJesusChrist.org; ara wkoll “President Nelson Remarks at Worldwide Priesthood Celebration,” 1 ta’ Ġunju, 2018, newsroom.ChurchofJesusChrist.org.

  19. Duttrina u Patti 90:11 jgħid, “Kull bniedem għandu jisma’ l-milja tal-evanġelju … fil-lingwa tiegħu.” Għaldaqstant, ħafna drabi jiġu approvati kongregazzjonijiet skont il-lingwa.

  20. 2 Nephi 26:33.

  21. Ara Constitution of the United States.

  22. Ara United States Declaration of Independence, 1776; Constitution of the United States, Amendments I–X (Bill of Rights), website tal-Arkivji Nazzjonali, archives.gov/founding-docs.

  23. Doctrine and Covenants 101:77; enfażi miżjuda.

  24. Doctrine and Covenants 101:79–80.

  25. Doctrine and Covenants 101, titlu tas-sezzjoni.

  26. Ara Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 1, The Standard of Truth, 1815–1846 (2018), 172–74; James B. Allen u Glen M. Leonard, The Story of the Latter-day Saints, it-2 ed. (1992), 93–94; Ronald W. Walker, “Seeking the ‘Remnant’: The Native American during the Joseph Smith Period,” Journal of Mormon History, vol.19, nu. 1 (rebbiegħa 1993), 14–16.

  27. Ara Saints, 1:359–83; William G. Hartley, “The Saints’ Forced Exodus from Missouri, 1839,” f’Richard Neitzel Holzapfel u Kent P. Jackson, ed., Joseph Smith, the Prophet and Seer (2010), 347–89; Alexander L. Baugh, “The Mormons Must Be Treated as Enemies,” f’Susan Easton Black u Andrew C. Skinner, ed., Joseph: Exploring the Life and Ministry of the Prophet (2005), 284–95.

  28. Ara Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, vol. 2, No Unhallowed Hand, 1846–1893 (2020), 3–68; Richard E. Bennett, We’ll Find the Place: The Mormon Exodus, 1846–1848 (1997); William W. Slaughter u Michael Landon, Trail of Hope: The Story of the Mormon Trail (1997).

  29. Ġwanni 17:21.

  30. Doctrine and Covenants 38:27.

  31. L-Ittra lir-Rumani tiddikjara d-duttrina b’mod komprensiv. Fir-Rumani insibu l-unika darba li tissemma l-Espjazzjoni fit-Testment il-Ġdid. Jien bdejt napprezza l-Ittra lir-Rumani għall-fatt li tgħaqqad flimkien nies diversi permezz tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu meta kont qed inservi bħala president tal-wited ma’ membri minn diversi razez u kulturi li kienu jitkellmu ħafna lingwi differenti.

  32. Frederic W. Farrar, The Life and Work of St. Paul (1898), 446.

  33. Ara Farrar, The Life and Work of St. Paul, 450.

  34. Ara Rumani 13.

  35. Ara Dallin H. Oaks, “The Gospel Culture,” Liahona, Mar. 2012, 22–25; ara wkoll Richard G. Scott, “Removing Barriers to Happiness,” Ensign, Mejju 1998, 85–87.

  36. Ara Moses 7:18.