Librerija
Ħallu lil Alla Jiddomina


Ħallu lil Alla Jiddomina

Inti lest tħalli lill Alla jiddomina f’ħajtek? Inti lest tħalli lil Alla jkun l-aktar influwenza importanti f’ħajtek?

Għeżież ħuti, kemm jien grat għall-messaġġi meraviljużi ta’ din il-konferenza u l-privileġġ li issa għandi li nkellimkom.

Għal aktar minn 36 sena li ilni Appostlu, ili nikkontempla dwar id-duttrina tal-ġabra ta’ Iżrael.1 Kull ħaġa dwarha verament tinteressani, inkluż il-ministeri u l-ismijiet2 ta’ Abraham, Iżakk, u Ġakobb; ħajjithom u n-nisa tagħhom; il-patt li Alla għamel magħhom liema patt estendih lin-nisel tagħhom;3 id-dispersjoni tat-tnax-il tribù; u l-profeziji numerużi dwar il-ġabra fi żmienna.

Jiena studjajt il-ġabra, tlabt dwarha, iffesteġġjajt permezz ta’ kull skrittura relatata magħha, u tlabt lill-Mulej biex ikabbar l-għarfien tiegħi.

Għalhekk immaġinaw kemm fraħt meta m’ilux tgħallimt xi ħaġa ġdida. Bl-għajnuna ta’ żewġ studjużi Lhud, tgħallimt li waħda mit-tifsiriet Ebrajċi tal-kelma Iżrael hi “ħallu lil Alla jiddomina.”4 B’hekk l-istess isem ta’ Iżrael jirreferi għal wieħed li hu lest iħalli lil Alla jiddomina f’ħajtu. Dak il-kunċett ħassejtu verament jispirani!

Il-kelma lest hi kruċjali għal din l-interpretazzjoni ta’ Iżrael.5 Aħna lkoll għandna l-volontà tagħna. Nistgħu nagħżlu li nkunu ta’ Iżrael, jew le. Nistgħu nagħżlu li nħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna, jew le. Nistgħu nagħżlu li nħallu lil Alla jkun l-aktar influwenza b’saħħitha f’ħajjitna, jew le.

Għal mument, ejjew niftakru f’episodju mill-aktar kruċjali fil-ħajja ta’ Ġakobb, in-neputi ta’ Abraham. Fil-post li Ġakobb semmieh Penuwel (li tfisser “wiċċ Alla”),6 Ġakobb tqabad ma’ sfida mill-aktar serja. Il-volontà tiegħu ġiet ippruvata. Permezz tat-taqbida tiegħu, Ġakobb wera x’kien l-aktar importanti għalih. Hu wera li kien lest li jħalli lil Alla jiddomina f’ħajtu. B’risposta għal dan, Alla bidel isem Ġakobb għal Iżrael,7 li tfisser “ħallu lil Alla jiddomina.” Alla mbagħad wiegħed lil Iżrael li kull barka li kien bierek biha lil Abraham kienet se tkun tiegħu wkoll.8

Sfortunatament, ulied Iżrael kisru l-patti tagħhom ma’ Alla. Huma ħaġġru lill-profeti u ma kenux lesti jħallu lil Alla jiddomina f’ħajjithom. Sussegwentement, Alla ferrixhom mal-erba’ naħat tad-dinja.9 Kollu ħniena, aktar tard Hu wiegħed li kien se jerġa’ jiġborhom flimkien, kif kiteb Isaija: “Għal ftit jien tlaqtek [Iżrael]; imma bi mħabba bla qjies jien nerġa’ niġbrok.”10

Bid-definizzjoni Ebrajka ta’ Iżrael f’moħħna, aħna nibew naraw tifsira oħra fil-ġabra ta’ Iżrael. Il-Mulej qed jiġbor lil dawk li huma lesti jħallu lil Alla jiddomina f’ħajjithom. Il-Mulej qed jiġbor lil dawk li jagħżlu li jħallu lil Alla jkun l-aktar influwenza importanti f’ħajjithom.

Għal sekli sħaħ, il-profeti bassru din il-ġabra,11 u li qed isseħħ sewwasew bħalissa! Bħala preludju essenzjali għat-Tieni Miġja tal-Mulej, din hi l-aktar ħidma importanti fid-dinja!

Din il-ġabra ta’ qabel il-millenju hija saga individwali ta’ fidi dejjem tikber u kuraġġ spiritwali għal miljuni ta’ nies. U bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, jew “Iżrael tal-patt tal-aħħar żmien,”12 aħna ġejna mitlubin nassistu lill-Mulej b’din il-ħidma kruċjali.13

Meta nitkellmu dwar il-ġabra ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu, inkunu qed nirreferu, ovvjament, għall-ħidma missjunarja, u l-ħidma tat-tempji u l-Istorja tal-familja. Inkunu qed nirreferu wkoll għall-bini tal-fidi u t-testimonjanza fil-qlub ta’ dawk li magħhom ngħixu, naħdmu, u nservu. Kull darba li nagħmlu xi ħaġa li tgħin lil xi ħadd—fuq kwalunkwe naħa tal-velu—jagħmel u jżomm il-patti ma’ Alla, inkunu qed ngħinu fil-ġabra ta’ Iżrael.

M’ilux, il-mara ta’ wieħed min-neputijiet tagħna kienet qed titqabad spiritwalment. Se nsejħilha “Jill.” Minkejja s-sawm, it-talb, u l-barkiet tas-saċerdozju, missier Jill kien qed imut. Hi nħakmet bil-biża’ li kienet se titlef kemm lil missierha, kif ukoll lit-testimonjanza tagħha.

Lejla waħda, marti, Sister Wendy Nelson, qaltli dwar is-sitwazzjoni ta’ Jill. L-għada filgħodu Wendy ħasset li kellha taqsam ma’ Jill li r-rispons tiegħi għat-taqbida spiritwali tagħha kienet kelma waħda! Il-kelma kienet mijopiku.

Aktar tard Jill ammettiet li għall-ewwel kienet tħawdet xi ftit bit-tweġiba tiegħi. Qaltli, “Kont qed nittama li n-Nannu jwegħedni miraklu għal missieri. Bdejt nistaqsi lili nnifsi għalfejn il-kelma mijopiku kienet il-kelma li ħass li kellu jgħidli.”

Wara li missier Jill miet, il-kelma mijopiku baqgħet tidwi f’moħħha. Hi fetħet qalbha biex tifhem ferm aħjar li mijopiku kienet tfisser “vista qasira.” U ħsibijietha bdew jinbidlu. Imbagħad Jill qalet, “Mijopiku wasslitni biex nieqaf, naħseb, u nitfejjaq. Dik il-kelma issa timlieni bil-paċi. Tfakkarni biex nespandi l-perspettiva tiegħi u nfittex dik eterna. Tfakkarni li hemm pjan divin u li missieri għadu jgħix u jħobbni u jieħu ħsiebi.. Mijopiku ressqitni lejn Alla.”

Jiena verament kburi bin-neputija tar-rispett prezzjuża tagħna. F’dan iż-żmien ta’ swied il-qalb f’ħajjitha, l-għażiża Jill qed titgħallem tħaddan ir-rieda ta’ Alla għal missierha, b’perspettiva eterna għal ħajjitha. Billi tagħżel li tħalli lil Alla jiddomina, hi qed issib il-paċi.

Jekk inħalluha, hemm diversi modi kif din l-interpretazzjoni Ebrajka ta’ Iżrael tista’ tgħinna. Immaġinaw kif it-talb tagħna għall-missjunarji—u għall-isforzi tagħna biex niġbru flimkien lil Iżrael—jista’ jinbidel b’dan il-kunċett f’moħħna. Spiss nitolbu li aħna u l-missjunarji nitmexxew lejn dawk li huma lesti biex jirċievu l-veritajiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Jien ngħid, lejn min nitmexxew jekk aħna nitolbu biex insibu lil dawk li huma lesti li jħallu lil Alla jiddomina f’ħajjithom?

Nafu nitmexxew lejn xi wħud li qatt ma emmnu f’Alla jew f’Ġesù Kristu iżda issa għandhom ix-xewqa li jitgħallmu dwarhom u dwar il-pjan ta’ ferħ tagħhom. Oħrajn jista’ jkun li “twieldu fil-patt”14 iżda minn dak iż-żmien ’l hawn spiċċaw ħarġu mit-triq tal-patt. Issa jafu jinsabu lesti biex jindmu, jerġgħu lura, u jħallu lil Alla jiddominahom. Aħna nistgħu nassistuhom billi nilqgħuhom b’dirgħajna u b’qalbna miftuħin. U xi wħud li nitmexxew lejhom jafu huma nies li dejjem ħassew li kien hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajjithom. Huma wkoll jixtiequ li jħossuhom sħaħ u ferħanin kif iħossuhom dawk li huma lesti li jħallu lil Alla jiddomina f’ħajjithom.

Ix-xibka tal-evanġelju biex niġbru flimkien lil Iżrael li jinsab imxerred titwessa’ ħafna. Fiha hemm spazju għal kull persuna li verament tħaddan l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Kull membru kkonvertit isir wieħed mill-ulied tal-patt ta’ Alla,15 jew permezz tat-twelid jew b’adozzjoni. Ilkoll isiru werrieta sħaħ ta’ dak kollu li Alla wiegħed lill-ulied fidili ta’ Iżrael!16

Kollha kemm aħna għandna potenzjal divin, għaliex ilkoll ulied Alla. Ilkoll indaqs f’għajnejh. L-implikazzjonijiet ta’ din il-verità huma profondi. Ħuti, jekk jogħġobkom isimgħu bir-reqqa dak li jiena se ngħid. Alla ma jħobbx razza aktar minn oħra. Id-duttrina tiegħu fuq din il-ħaġa hi waħda ċara. Hu jistieden lil kulħadd biex imur għandu, “iswed u abjad, skjav u ħieles, raġel u mara.”17

Nassigurakom li l-pożizzjoni tagħkom quddiem Alla mhijiex determinata mill-kulur tal-ġilda tagħkom. L-approvazzjoni jew id-diżapprovazzjoni ta’ Alla tiddependi mid-devozzjoni tagħkom lejn Alla u l-kmandamenti tiegħu, u mhux mill-kulur tal-ġidla tagħkom.

Nitnikket li ħutna s-Suwed madwar id-dinja qed jesperjenzaw l-uġigħ tar-razziżmu u l-preġudizzju. Jiena nsejjaħ lill-membri kollha ma’ kullimkien biex jagħtu eżempju billi jabbandunaw kwalunkwe attitudni jew għemil ta’ preġudizzju. Nitlobkom tippromwovu r-rispett lejn l-ulied kollha ta’ Alla.

Il-mistoqsija għal kull wieħed u waħda minna, hi x’inhi r-razza tagħna, hi l-istess. Inti lest tħalli lill Alla jiddomina f’ħajtek? Inti lest tħalli lil Alla jkun l-aktar influwenza importanti f’ħajtek? Lest tħalli kliemu, il-kmandamenti tiegħu, u l-patti tiegħu jinfluwenzaw dak li tagħmel kuljum? Lest tħalli leħnu jieħu prijorità fuq kull leħen ieħor? Inti lest tħalli dak kollu li Hu jeħtieġ minnek jiġi qabel kull ambizzjoni oħra? Inti lest tħalli r-rieda tiegħek tiġi kkunsmata mir-rieda tiegħu?18

Ikkunsidraw kif din ir-rieda tista’ tberikkom. Jekk inti mhux miżżewweġ u qed tfittex sieħba eterna, ix-xewqa li tkun “ta’ Iżrael” tgħinek tiddeċiedi ma’ min se tinnamra u kif.

Jekk inti miżżewweġ lil xi persuna li kisret il-patti tagħha, ir-rieda tiegħek li tħalli lil Alla jiddomina f’ħajtek tippermetti biex il-patti tiegħek ma’ Alla jibqgħu intatti. Is-Salvatur ifejjaq lill-qalb maqsuma tiegħek. Is-smewwiet jinfetħu hekk kif tfittex biex issir taf kif tista’ timxi ’l quddiem. M’għandekx għalfejn toqgħod titlajja.

Jekk għandek xi mistoqsijiet sinċiera dwar l-evanġelju jew il-Knisja, jekk tħalli lil Alla jiddominak, inti tiġi mmexxi biex issib u tifhem il-veritajiet assoluti u eterni li jiggwidaw ħajtek u jgħinuk tibqa’ sod fit-triq tal-patt.

Meta tħabbat wiċċek mat-tentazzjoni—anke jekk it-tentazzjoni tiġi meta tħossok għajjien u frustrat jew meta tħossok waħdek jew li mhu jifhmek ħadd—immaġina x’kuraġġ tista’ tikseb jekk tagħżel li tħalli lil Alla jiddominak f’ħajtek u hekk kif titolbu biex iqawwik.

Meta l-akbar xewqa tiegħek hi li tħalli lil Alla jiddominak, biex tkun parti minn Iżrael, ħafna deċiżjonijiet isiru aktar faċli. Huma ħafna l-kwistjonijiet li mhumiex importanti! Tkun taf kif għandek tieħu ħsieb aħjar tiegħek innifsek. Tkun taf x’għandek tara u taqra, fejn tqatta’ ħinek, u ma’ min tagħmilha. Tkun taf xi trid twettaq f’ħajtek. Tkun taf it-tip ta’ bniedem li trid verament tkun.

Issa, għeżież ħuti, għandna bżonn kemm il-fidi kif ukoll il-kuraġġ biex inħallu lil Alla jiddomina. Neħtieġu ħidma spiritwali persistenti u rigoruża biex nindmu u ninżgħu l-bniedem naturali permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.19 Neħtieġu sforz konsistenti ta’ kuljum biex niżviluppaw drawwiet tajbin bħall-istudju tal-evanġelju, li nitgħallmu aktar dwar Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, u li nfittxu u nwieġbu għar-rivelazzjoni personali.

Waqt dawn iż-żminijiet perikolużi li dwarhom kien bassar l-Appostlu Pawlu,20 Satana lanqas għadu biss jipprova jaħbi l-attakki tiegħu fuq il-pjan ta’ Alla. Il-ħażen sar xi ħaġa li ssir fil-miftuħ. Għalhekk, l-uniku mod kif nistgħu nsalvaw spiritwalment hi li nkunu determinati li nħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna, li nitgħallmu nisimgħu leħnu, u li nużaw l-enerġija tagħna biex ngħinu fil-ġabra ta’ Iżrael.

Issa, il-Mulej kif iħossu dwar in-nies li jħallu lil Alla jiddominahom? Nefi ddeskriva dan tajjeb ħafna: “[Il-Mulej] iħobb lil dawk li jriduh ikun Alla tagħhom. Araw, huwa ħabb lil missirijietna, u hu għamel patt magħhom, iva, sewwasew ma’ Abraham, Iżakk, u Ġakobb; u hu jiftakar il-patti li huwa għamel.”21

U l-Mulej x’inhu lest li jagħmel għal Iżrael? Il-Mulej wiegħed li Hu lest “jiġġieled il-battalji tagħna, u l-battalji ta’ wliedna, u l-battalji ta’ wlied uliedna … sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni”!22

Hekk kif tistudjaw l-iskrittura tagħkom f’dawn is-sitt xhur li ġejjin, inħeġġiġkom biex tagħmlu lista ta’ dak kollu li l-Mulej wiegħed li se jagħmel għall-ulied tal-patt ta’ Iżrael. Naħseb li tibqgħu meraviljati. Xtarru dawn il-wegħdiet. Tkellmu dwarhom mal-familja u l-ħbieb tagħkom. Imbagħad araw li tgħixu u twettqu dawn il-wegħdiet fil-ħajja tagħkom.

Għeżież ħuti, hekk kif tagħżlu li tħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitkom, intom tesperjenzaw għalikom infuskom li Alla tagħna huwa “Alla tal-mirakli.”23 Bħala poplu, aħna l-ulied tal-patt tiegħu, u se nissejħu b’ismu. Dwar dan jiena nixhed fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Jien tkellimt dwar Iżrael mill-inqas 378 darba f’aktar minn 800 messaġġ li jien tajt fi 36 sena tiegħi bħala Appostlu.

  2. Bl-Ebrajk, Abram hu isem nobbli li jfisser “missier eżaltat.” Iżda meta Alla bidillu ismu għal Abraham, l-isem ġie mogħti saħansitra sinifikat akbar, billi jfisser “missier il-ġnus.” Tabilħaqq, Abraham kellu jsir “missier ta’ bosta ġnus.” (Ara Ġenesi 17:5; Neħemija 9:7.)

  3. Il-Mulej Alla Jaħweh għamel patt ma’ Abraham li s-Salvatur tad-dinja kien se jitwieled min-nisel ta’ Abraham, li hu kien se jiret ċerti artijiet, u li l-ġnus kollha kienu se jiġu mberkin minħabba n-nisel ta’ Abraham (ara Bible Dictionary, “Abraham, covenant of”).

  4. Ara Bible Dictionary, “Israel.”

  5. Il-kelma Iżrael tidher aktar minn elf darba fl-iskrittura. Tapplika għall-familja ta’ Ġakobb (ta’ Iżrael), magħmula minn 12-il tifel, kif ukoll minn uliedu l-bniet (ara Ġenesi 35:23–26; 46:7). Illum tista’ tapplika b’mod ġeografiku bħala pajjiż fid-dinja. Iżda l-użu duttrinali tagħha japplika għal nies li kienu lesti li jħallu lil Alla jiddomina f’ħajjithom.

  6. Ara Ġenesi 32:30; jinkiteb ukoll bħala Penuwel f’ Ġenesi 32:31.

  7. Ara Ġenesi 32:28.

  8. Ara Ġenesi 35:11–12.

  9. Għal aktar studju, ara Topical Guide, “Israel, Scattering of.”

  10. Isaija 54:7.

  11. Ara Isaija 11:11–12; 2 Nephi 21:11–12; Mosiah 15:11.

  12. Ara Encyclopedia of Mormonism (1992), “Covenant Israel, Latter-Day,” 1:330–31.

  13. Hekk kif nipparteċipaw fil-ġabra ta’ Iżrael, il-Mulej għandu mod meraviljuż kif jiddeskrivi lil dawk li qed jinġabru flimkien. Hu jirreferi għalina kollettivament bħala “il-wirt,” tiegħu (Eżodu 19:5; Salm 135:4), bħala “it-teżor” tiegħu (Malakija 3:17; Doctrine and Covenants 101:3), u bħala “nazzjon qaddis” (Eżodu 19:6; ara wkoll Dewteronomju 14:2; 26:18).

  14. Din il-frażi tirreferi għall-istess patt li Alla għamel ma’ Abraham, fejn qal, “F’nislek jitbierku l-ġnus kollha tal-art” (3 Nephi 20:27). “Titwieled fil-patt” tfisser li qabel ma persuna twieldet, omm u missier din il-persuna kienu ġew issiġillati fit-tempju.

  15. Din il-wegħda ġiet mgħallma minn Alla lil Abraham: “Dawk kollha li jirċievu dan l-Evanġelju għandhom jissejħu wara ismek, u għandhom jitqisu bħala dixxendenti tiegħek, u għandhom iqumuk u jberkuk bħala missierhom” (Abraham 2:10; ara wkoll Rumani 8:14–17; Galatin 3:26–29).

  16. Kull membru fidil jista’ jitlob li jirċievi barka patrijarkali. Permezz tal-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, il-patrijarka jiddikjara n-nisel ta’ dik il-persuna fid-dar ta’ Iżrael. Dik id-dikjarazzjoni mhijiex neċessarjament dikjarazzjoni tar-razza, tan-nazzjonalità, jew tan-nisel ġenetiku tal-persuna. Minflok, in-nisel iddikjarat jidentifika t-tribù ta’ Iżrael li permezz tiegħu dak l-individwu jirċievi l-barkiet tiegħu.

  17. 2 Nephi 26:33.

  18. Ara Mosiah 15:7. Li tkun parti minn Iżrael mhijiex għal min mhux lest li jgħaddi mit-test tal-ħajja. Biex nirċievu l-barkiet kollha li Alla għandu lest għan-nisel ta’ Abraham, aħna lkoll nistennew li ngħaddu minn “test Abrahamiku” mill-aktar uniku. Alla jittestjana, kif għallem il-Profeta Joseph Smith, b’tali mod li nħossu qalbna trid tinqasam. (Ara l-ħsibijiet ta’ John Taylor f’ Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 231.)

  19. Ara Mosiah 3:19.

  20. Ara 2 Timotju 3:1–13.

  21. 1 Nephi 17:40; enfażi miżjuda.

  22. Doctrine and Covenants 98:37; ara wkoll Salm 31:23; Isaija 49:25; Doctrine and Covenants 105:14.

  23. Mormon 9:11.