2018
Hekk Kif Nimxu ‘l Quddiem Flimkien
April 2018


Messaġġ tal-Ewwel Presidenza, April 2018

Hekk Kif Nimxu ‘l Quddiem Flimkien

Għeżież ħuti, b’ umiltà ninsab hawn quddiemkom dalgħodu. Erbat ijiem ilu attendejna l-funeral ta’ raġel verament kbir, profeta ta’ Alla—il-President Thomas S. Monson. L-ebda kliem ma jista’ jagħmel ġustizzja għall-kobor u l-manjifiċenza ta’ ħajtu. Jiena se nibqa’ għal dejjem ngħożż il-ħbiberija ta’ bejnietna bi gratitudni għal dak li huwa għallimni. Issa għandna nħarsu ‘l quddiem lejn il-ġejjieni b’ fidi sħiħa f’ Sidna Ġesù Kristu, li tiegħu hi din il-Knisja.

Jumejn ilu, l-Appostli ħajjin kollha ltaqgħu fil-kamra ta’ fuq tat-Tempju ta’ Salt Lake. Hemmhekk huma ħadu deċiżjoni unanima, l-ewwel, li issa jorganizzaw mill-ġdid l-Ewwel Presidenza u, it-tieni, li jiena nservi bħala l-President tal-Knisja. M’għandix kliem biżżejjed biex niddeskrivilkom kif ħassejtni meta Ħuti—Ħuti li jħaddnu l-imfietaħ kollha tas-saċerdozju rrestawrati permezz tal-Profeta Joseph Smith f’ din id-dispensazzjoni—poġġew idejhom fuq rasi biex jordnawni u jiddistingwuni bħala l-President tal-Knisja. Kienet esperjenza mill-aktar sagra u li ddaħħlek f’ qoxortok.

Dak il-ħin saret ir-responsabbiltà tiegħi li nagħraf lil min il-Mulej ħejja biex ikun il-kunsillier tiegħi. Kif nista’ nagħżel biss tnejn mit-Tnax-il Appostlu l-ieħor, li lkoll kemm huma jiena nħobb b’ tant għożża? Jiena verament grat għall-Mulej li wieġeb it-talb ferventi tiegħi. Jiena grat ħafna li l-President Dallin Harris Oaks u l-President Henry Bennion Eyring huma lesti li jservu miegħi bħala l-Ewwel u t-Tieni Kunsillier, rispettivament. Il-President Dieter F. Uchtdorf reġa’ ħa postu fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Huwa rċieva essajnment importanti li ħadd mhu kwalifikat daqsu għalih.

Jiena se nsellem lilu u lill-President Eyring għas-servizz meraviljuż tagħhom bħala kunsilliera għall-President Monson. Huma kienu mill-aktar kapaċi, devoti u ispirati. Aħna verament grati għalihom. It-tnejn li huma issa jinsabu lesti li jservu fejn l-aktar hemm il-ħtieġa tagħhom.

Bħala l-Appostlu li jinsab it-tieni fis-sinjorità, il-President Oaks isir huwa wkoll il-President tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Madankollu, minħabba s-sejħa tiegħu fl-Ewwel Presidenza u konsistenti mal-ordni tal-Knisja, il-President M. Russell Ballard, li jiġi warajh fis-sinjorità, se jkun qed iservi bħala Aġent President ta’ dak il-kworum. L-Ewwel Presidenza se taħdem id f’ id mat-Tnax biex flimkien nagħrfu x’ inhi r-rieda tal-Mulej u mmexxu ‘l quddiem il-ħidma sagra Tiegħu.

Aħna grati għat-talb tagħkom. Talb li ġie offrut madwar id-dinja għalina. Fl-ewwel għodwa wara l-mewt tal-President Monson, talba partikolari fost dan it-talb kollu ġiet offruta minn tifel ta’ erba’ snin jismu Benson. Jiena se nikkwota siltiet mill-ittra li ommu kitbet lil marti, Wendy. Benson talab, “Missierna tas-Smewwiet, grazzi li l-President Thomas S. Monson jista’ jerġa’ jara għal darb’oħra lil martu. Grazzi għall-profeta l-ġdid tagħna. Għinu jagħmel il-kuraġġ u ma joqgħodx jibża’ għaliex huwa ġdid. Għinu jikber f’ persuna mimlija saħħa. Għinu jkollu l-qawwa għaliex huwa għandu s-saċerdozju. U għinna biex aħna dejjem inkunu twajbin.”

Jiena nirringrazzja lil Alla għal tfal bħal dan u għal ġenituri li jieħdu bis-serjetà l-impenn tagħhom li jkunu ġenituri twajbin u ddedikati—għal kull ġenitur, għalliem u membru li jinsab iġorr piż tqil u madankollu qed iservu b’ daqstant ħerqa. Fi kliem ieħor, lejn kull wieħed u waħda minnkom, jiena verament grat.

Il-Mulej Jinsab Imexxi

Hekk kif nimxu ‘l quddiem flimkien, nistedinkom biex taħsbu dwar il-mod maestuż li bih il-Mulej imexxi l-Knisja Tiegħu. Meta President tal-Knisja jħalli din il-ħajja, ma jkun ebda misteru dwar min ikun imissu jiġi msejjaħ biex iservi f’ dik is-sejħa. M’hemm l-ebda proċess u ebda kampanja elettorali, iżda hemm biss il-ħidma siekta tal-pjan divin tas-suċċessjoni, li ġie mfassal mill-Mulej innifsu.

Kull jum ta’ servizz ta’ Appostlu huwa jum ta’ tagħlim u tħejjija għal aktar responsabbiltà fil-ġejjieni. Appostlu jgħaddi għexieren sħaħ ta’ snin iservi qabel huwa jgħaddi mis-siġġu ż-żgħir għas-siġġu l-kbir fiċ-ċirku. Tul dak iż-żmien, huwa jikseb esperjenza minn ras il-għajn f’ kull qasam tal-ħidma tal-Knisja. Huwa jiġi wkoll familjari sew man-nies tad-dinja, u mal-istorja, il-kultura u l-lingwa tagħhom hekk kif l-essajnments li jkollu jeħduh kontinwament madwar id-dinja. Dan il-proċess ta’ suċċessjoni fit-tmexxija tal-Knisja huwa wieħed uniku. Jien ma naf bl-ebda proċess ieħor bħalu. Dan m’għandux jissorprendina, għaliex din hija l-Knisja tal-Mulej. Huwa ma jaħdimx skont kif jaħdem il-bniedem.

Jiena qdejt fil-Kworum tat-Tnax taħt ħames Presidenti tal-Knisja li ġew qabli. Jiena rajt b’ għajnejja lil kull President jirċievi r-rivelazzjoni u jwieġeb għar-rivelazzjoni li jkun irċieva. Il-Mulej minn dejjem jistruwixxi u jispira lill-profeti Tiegħu. Il-Mulej jinsab imexxi. Aħna, li ġejna ordnati biex nagħtu xhieda tal-isem imqaddes Tiegħu madwar id-dinja se nkomplu nfittxu li nsiru nafu x’inhi r-rieda Tiegħu u nimxu warajha.

Nibqgħu fit-Triq tal-Patt

Issa, lil kull membru tal-Knisja jien ngħidilkom, komplu mexjin fit-triq tal-patt. L-impenn tagħkom li timxu wara s-Salvatur billi tagħmlu l-patti Miegħu u mbagħad iżżommu dawk il-patti jwassal biex jinfetaħ il-bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli għall-irġiel, għan-nisa u għat-tfal kollha madwar id-dinja.

Bħala l-Presidenza l-ġdida, aħna nixtiequ li nibdew b’ viżjoni ċara tal-għan aħħari tagħna. Għal din ir-raġuni, aħna llum qed inkellmukom minn ġewwa t-tempju. L-għan aħħari li lkoll kemm aħna qed nagħmlu l-almu tagħna li nilħqu hu li nkunu mogħnija bil-qawwa fid-dar tal-Mulej, issiġillati bħala familji, u nkunu fidili lejn il-patti li aħna nagħmlu fit-tempju li jikkwalifikawna għall-akbar rigal ta’ Alla—li hu l-ħajja eterna. L-ordinanzi tat-tempju u l-patti li intom tagħmlu hemm huma essenzjali biex isaħħu l-ħajja tagħkom, iż-żwieġ u l-familja tagħkom u l-abbiltà tagħkom li tirreżistu l-attakki tal-avversarju. Il-qima tagħkom fit-tempju u s-servizz tagħkom hemmhekk għall-antenati tagħkom iberkukom b’ aktar rivelazzjoni personali u aktar paċi u jiffortifikaw l-impenn tagħkom li tibqgħu fit-triq tal-patt.

Issa, jekk intom ħriġtu ‘l barra mit-triq, ippermettuli nistedinkom bit-tama sħiħa f’ qalbi biex jekk jogħġobkom terġgħu lura. Hu x’inhu dak li qed jinkwetakom, huma x’inhuma l-isfidi tagħkom, hawn post għalikom f’ din il-Knisja tal-Mulej. Intom u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jitwieldu tkunu mberkin b’ dak li intom tagħmlu bħalissa biex terġgħu lura fit-triq tal-patt. Missierna tas-Smewwiet jgħożż lil uliedu, u Huwa jrid lil kull wieħed u waħda minna biex nerġgħu lura għandu. Dan huwa l-għan grandjuż tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem—li tgħin lil kull wieħed u waħda minna nerġgħu lura d-dar.

Jiena nesprimi l-imħabba profonda tiegħi lejkom—imħabba li kibret tul għexieren sħaħ ta’ snin niltaqa’ magħkom, inqim magħkom u nservi magħkom. Il-mandat divin tagħna hu li mmorru għand kull ġens, razza, ilsien u poplu, ngħinu nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej. Dan aħna nagħmluh b’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, għax nafu li Huwa jinsab imexxi. Din hi l-ħidma Tiegħu u l-Knisja Tiegħu. Aħna l-qaddejja Tiegħu.

Jiena niddikjara d-devozzjoni tiegħi lejn Alla l-Missier Etern tagħna u lejn Ibnu, Ġesù Kristu. Jiena nafhom, inħobbhom u nwiegħed li nservi lilhom—u lilkom—sal-aħħar nifs ta’ ħajti. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.