Skrittura
1 Nefi 10


Kapitlu 10

Leħi jbassar li l‑Lhud se jittieħdu fil‑jasar min‑nies tal‑Babilonja—Hu jitkellem dwar il‑miġja fost il‑Lhud ta’ Messija, Salvatur, Feddej—Leħi jitkellem ukoll dwar il‑miġja ta’ dak li sejjer jgħammed lill‑Ħaruf ta’ Alla—Leħi jitkellem dwar il‑mewt u l‑qawmien mill‑imwiet tal‑Messija—Hu jqabbel it‑tifrix u l‑ġabra ta’ Iżrael ma’ siġra taż‑żebbuġ—Nefi jitkellem dwar Iben Alla, dwar id‑don tal‑Ispirtu s‑Santu, u dwar il‑ħtieġa għas‑sewwa. Madwar 600–592 Q.K.

1 U issa jien, Nefi, se nkompli bir‑rakkont fuq dawn il‑pjanċi dwar dak li jien għaddejt minnu, u dwar is‑saltna u l‑ministeru tiegħi; għalhekk, biex inkompli bir‑rakkont tiegħi, jien se ngħid xi ħaġa dwar l‑għemejjel ta’ missieri, kif ukoll ta’ ħuti.

2 Għax araw, ġara li wara li missieri waqaf jitkellem dwar il‑ħolma tiegħu, kif ukoll waqaf iħeġġiġhom ħalli jkunu kemm jista’ jkun diliġenti, hu qabad ikellimhom dwar il‑Lhud—

3 Li wara li huma jinqerdu, u l‑istess dik il‑belt kbira Ġerusalemm, u ħafna minnhom jittieħdu fl‑eżilju f’Babilonja, fiż‑żmien stabbilit mill‑Mulej, huma se jerġgħu lura, iva, jiġifieri se jinġiebu lura mill‑jasar; u wara li jinġiebu lura mill‑jasar huma sejrin jieħdu lura l‑art ta’ wirthom.

4 Iva, sewwasew sitt mitt sena minn meta missieri ħalla Ġerusalemm, il‑Mulej Alla se jqajjem profeta fost il‑Lhud—sewwasew Messija, jew, fi kliem ieħor, Salvatur tad‑dinja.

5 U hu tkellem ukoll dwar il‑profeti, kif ħafna minnhom xehdu dwar dawn il‑ħwejjeġ, dwar dan il‑Messija, li dwaru huwa tkellem, jew dan il‑Feddej tad‑dinja.

6 B’hekk, l‑umanità kollha kienet fi stat mitluf u dekadut, u hekk tibqa’ għal dejjem jekk ma tafdax f’dan il‑Feddej.

7 U hu tkellem ukoll dwar profeta li kellu jiġi qabel il‑Messija, biex iħejji t‑triq tal‑Mulej—

8 Iva, hu sewwasew se jmur u jgħajjat fid‑deżert: Ħejju t‑triq tal‑Mulej, u ddrittaw il‑mogħdijiet tiegħu; għax f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx; u hu aqwa minni, u jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il‑qafla tal‑qorq tiegħu. U missieri tkellem ħafna dwar din il‑ħaġa.

9 U missieri qal li hu sejjer jgħammed ġewwa Betanja, in‑naħa l‑oħra tal‑Ġordan; u qal ukoll li sejjer jgħammed bl‑ilma; sewwasew hu se jgħammed lill‑Messija bl‑ilma.

10 U wara li jgħammed lill‑Messija bl‑ilma, hu se jagħraf u jagħti xhieda li huwa għammed lill‑Ħaruf ta’ Alla, li sejjer ineħħi d‑dnubiet tad‑dinja.

11 U ġara li wara li missieri lissen dan il‑kliem hu kellem lil ħuti dwar l‑evanġelju li sejjer jixxandar fost il‑Lhud, kif ukoll dwar id‑deġenerazzjoni tal‑Lhud minħabba nuqqas ta’ twemmin. U wara li jkunu qatlu lill‑Messija, li għandu jiġi, u wara li huwa jiġi maqtul, huwa se jqum mill‑imwiet, u se juri lilu nnifsu, permezz tal‑Ispirtu s‑Santu, lill‑Ġentili.

12 Iva, missieri sewwasew tkellem ħafna dwar il‑Ġentili, kif ukoll dwar id‑dar ta’ Iżrael, li huma se jkunu jixbħu lil siġra taż‑żebbuġ, li l‑friegħi tagħha se jitqaċċtu u se jinxterdu ma’ wiċċ l‑art kollha.

13 Għalhekk, hu qal li jeħtieġ li aħna nkunu lkoll qalb waħda fil‑mixja tagħna lejn l‑art imwiegħda, ħalli tiġi fis‑seħħ il‑kelma tal‑Mulej, li aħna sejrin ninxterdu fuq wiċċ l‑art kollha.

14 U wara li d‑dar ta’ Iżrael se tiġi mxerrda, uliedha se jerġgħu jinġabru flimkien għal darb’oħra; jew fi kliem ieħor, wara li l‑Ġentili jkunu rċevew il‑milja tal‑Evanġelju, il‑fergħat naturali tas‑siġra taż‑żebbuġ, jew il‑fdalijiet tad‑dar ta’ Iżrael, sejrin jitlaqqmu, jew jiksbu l‑għarfien tal‑veru Messija, il‑Mulej u l‑Feddej tagħhom.

15 U b’dan il‑mod ta’ diskors missieri beda jħabbar u jkellem lil ħuti, fejn qal ukoll bosta ħwejjeġ oħra li jien m’iniex se nikteb f’dan il‑ktieb; għax jiena ktibt kemm ħsibt li hu xieraq li nikteb fil‑ktieb l‑ieħor tiegħi.

16 U dan kollu, li jien tkellimt dwaru, seħħ waqt li missieri kien qed jgħammar f’tinda, fil‑wied ta’ Lemwel.

17 U ġara li jien, Nefi, li smajt dak kollu li qal missieri, dwar il‑ħwejjeġ li hu ra fid‑dehra, kif ukoll il‑ħwejjeġ li hu qal bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, liema qawwa huwa rċieva permezz tal‑fidi tiegħu f’Iben Alla—u Iben Alla kien il‑Messija li għandu jiġi—jien, Nefi, kelli x‑xewqa wkoll li nkun nista’ nara, u nisma’, u nkun naf dawn il‑ħwejjeġ, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, li hija d‑don ta’ Alla lil dawk kollha li jfittxuh bil‑ħrara, kemm fi żmien il‑qedem kif ukoll fiż‑żmien li fih hu se juri lilu nnifsu lill‑ulied il‑bnedmin.

18 Għax hu li kien, fl‑imgħoddi, issa, u għal dejjem; u t‑triq tinsab imħejjija għall‑bnedmin kollha sa mill‑ħolqien tad‑dinja, jekk huma jindmu u jersqu lejh.

19 Għax dawk kollha li jfittxu bil‑ħrara jsibu; u l‑misteri ta’ Alla jiġu żvelati lilhom, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, kemm f’dawn iż‑żminijiet kif ukoll fi żmien il‑qedem, u kemm fi żmien il‑qedem kif ukoll fiż‑żmien li ġej; għalhekk, ir‑rotta tal‑Mulej hi ċirku wieħed etern.

20 Għalhekk ftakar, ja bniedem, għall‑għemejjel kollha tiegħek se tiġi ġġudikat.

21 Għalhekk, jekk inti ppruvajt tagħmel il‑ħażen fi żmien il‑probazzjoni tiegħek, mela inti se tinstab imniġġes quddiem it‑tribunal ta’ Alla; u l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar ma’ Alla; għalhekk, inti titwarrab għal dejjem.

22 U l‑Ispirtu s‑Santu jagħtini l‑awtorità li jiena ngħid dawn il‑ħwejjeġ, u ma niċħadhomx.