Skrittura
1 Nefi 12


Kapitlu 12

Nefi jara f’dehra l‑art imwiegħda; is‑sewwa, il‑ħażen, u l‑waqgħa tal‑abitanti tagħha; il‑miġja tal‑Ħaruf ta’ Alla fosthom; kif it‑Tnax‑il Dixxiplu u t‑Tnax‑il Appostlu se jagħmlu ħaqq minn Iżrael; u l‑istat disgustanti u maħmuġ ta’ dawk li ftit, ftit jispiċċaw jitilfu l‑fidi. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li l‑anġlu qalli: Ħares, u ara nislek, kif ukoll nisel ħutek. U jien ħarist u rajt l‑art imwiegħda; u rajt folol kbar ta’ nies, iva, tant li n‑numru tagħhom kien jidher kbir daqs ir‑ramel tal‑baħar.

2 U ġara li jiena rajt folol kbar jinġabru flimkien biex jiġġieldu, wieħed kontra l‑ieħor; u jien rajt gwerer u xnigħat ta’ gwerer, u rajt ħafna minn fost il‑poplu tiegħi jinqatlu permezz tax‑xabla.

3 U ġara li jiena rajt bosta ġenerazzjonijiet imutu, minħabba l‑gwerer u l‑ġlied fl‑art; u jiena rajt ħafna bliet, iva, tant li ma qgħadtx ngħoddhom.

4 U ġara li jiena rajt ċpar tad‑dlam fuq wiċċ l‑art imwiegħda; u rajt il‑beraq, u smajt ir‑ragħad, u l‑art titheżheż, u kull xorta ta’ tgeġwiġ; u jien rajt l‑art u l‑blat jitfarrku; u rajt il‑muntanji jaqgħu biċċiet; u rajt il‑pjanuri tal‑art jinfetħu; u jien rajt li bosta bliet kienu taħt l‑ilma; u rajt ħafna li kienu nħarqu bin‑nar; u rajt ħafna li waqgħu mal‑art, minħabba t‑theżżiż tagħha.

5 U ġara li wara li rajt dawn il‑ħwejjeġ, jiena rajt il‑fwar tad‑dlam, li għadda minn fuq wiċċ l‑art; u araw, jiena rajt folol kbar li ma ġewx meqruda permezz tal‑kastigi kbar u tal‑biżà tal‑Mulej.

6 U jiena rajt is‑smewwiet jinfetħu, u l‑Ħaruf ta’ Alla nieżel mis‑smewwiet; u huwa niżel u wera lilu nnifsu lilhom.

7 U jiena rajt ukoll u nixhed li l‑Ispirtu s‑Santu niżel fuq tnax oħra; u huma ġew ordnati minn Alla, u ġew magħżula.

8 U l‑anġlu kellimni u qalli: Ara t‑tnax‑il dixxiplu tal‑Ħaruf, li huma magħżulin biex jimministraw lil nislek.

9 U huwa qalli: Tiftakarhom inti lit‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf? Ara sewwasew se jkunu huma li se jagħmlu ħaqq mit‑tnax‑il tribù ta’ Iżrael; għalhekk, it‑tnax‑il ministru ta’ nislek se jiġu ġġudikati minnhom; għax inti mid‑dar ta’ Iżrael.

10 U dawn it‑tnax‑il ministru li inti qed tara sejrin jagħmlu ħaqq minn nislek. U, ara, huma ġusti għal dejjem; għax minħabba l‑fidi tagħhom fil‑Ħaruf ta’ Alla l‑ilbiesi tagħhom bajjduhom f’demmu.

11 U l‑anġlu qalli: Ħares! U jiena ħarist, u rajt tliet ġenerazzjonijiet imutu fis‑sewwa; u lbieshom kien abjad sewwasew bħall‑Ħaruf ta’ Alla. U l‑anġlu qalli: Dawn bajjduhom f’demm il‑Ħaruf, minħabba l‑fidi tagħhom fih.

12 U jien, Nefi, rajt ukoll li ħafna minn fost ir‑raba’ ġenerazzjoni mietu fis‑sewwa.

13 U ġara li jiena rajt il‑miġemgħa tad‑dinja tinġabar flimkien.

14 U l‑anġlu qalli: Ara nislek, kif ukoll nisel ħutek.

15 U ġara li jien ħarist u rajt lill‑poplu ta’ nisli miġbur flimkien f’miġemgħa kontra nisel ħuti; u huma kienu miġburin flimkien biex jiġġieldu.

16 U l‑anġlu kellimni u qalli: Ara x‑xmara bl‑ilma maħmuġ li ra missierek; iva, sewwasew ix‑xmara li huwa tkellem dwarha; u l‑qigħan tagħha huma l‑qigħan tal‑infern.

17 U ċ‑ċpar tad‑dlam huwa t‑tiġrib tax‑xitan, li jagħmi l‑għajnejn, u jwebbes qalb ulied il‑bnedmin, u jeħodhom lejn toroq wesgħin, ħalli huma jinqerdu u jintilfu.

18 U l‑bini kbir u spazjuż, li ra missierek, huwa l‑immaġinazzjoni fiergħa u l‑kburija ta’ wlied il‑bnedmin. U hemm jifridhom abiss kbir li jwaħħax; iva, sewwasew il‑kelma tal‑ġustizzja ta’ Alla l‑Etern, u tal‑Messija li hu l‑Ħaruf ta’ Alla, li dwaru jixhed l‑Ispirtu s‑Santu, mill‑bidu tad‑dinja sa issa, u minn issa u għal dejjem.

19 U waqt li l‑anġlu lissen dan il‑kliem, jien ħarist u rajt li nisel ħuti ħadha kontra nisli, skont il‑kelma tal‑anġlu; u minħabba l‑kburija ta’ nisli, u t‑tiġrib tax‑xitan, jiena rajt li nisel ħuti għeleb lill‑poplu ta’ nisli.

20 U ġara li jiena ħarist u rajt li l‑poplu ta’ nisel ħuti għeleb lil nisli; u huma marru f’miġemgħa fuq wiċċ l‑art.

21 U jiena rajthom ilkoll miġburin flimkien f’miġemgħa; u fosthom jien rajt gwerer u xnigħat ta’ gwerer; u fil‑gwerer u x‑xnigħat ta’ gwerer rajt bosta ġenerazzjonijiet imutu.

22 U l‑anġlu qalli: Ara, ftit, ftit dawn se jitilfu l‑fidi.

23 U ġara li jiena rajt li wara li ftit, ftit huma tilfu l‑fidi, huma saru nies somor, u disgustanti, u maħmuġin, mimlija għażż u qżiżijiet.