Skrittura
1 Nefi 13


Kapitlu 13

Nefi jara permezz ta’ dehra l‑knisja tax‑xitan imwaqqfa fost il‑Ġentili, l‑iskoperta u l‑kolonizzazzjoni tal‑Amerika, it‑telfien ta’ ħafna partijiet sempliċi u prezzjużi tal‑Bibbja, l‑istat riżultanti tal‑apostasija tal‑ġentili, ir‑restawrazzjoni tal‑evanġelju, il‑miġja tal‑skrittura tal‑aħħar żmien, u l‑bini ta’ Sijon. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li l‑anġlu kellimni u qalli: Ħares! U jien ħarist u rajt bosta ġnus u saltniet.

2 U l‑anġlu qalli: X’inti tara? U jien għidt: Qed nara bosta ġnus u saltniet.

3 U huwa qalli: Dawn huma l‑ġnus u s‑saltniet tal‑Ġentili.

4 U ġara li fost il‑ġnus tal‑Ġentili jiena rajt it‑twaqqif ta’ knisja kbira.

5 U l‑anġlu qalli: Ara t‑twaqqif ta’ knisja li hi l‑aktar waħda moqżieża fost il‑knejjes l‑oħra kollha, li toqtol lill‑qaddisin ta’ Alla, iva, u tittorturahom u tgħakkishom, u torbothom flimkien permezz ta’ madmad tal‑ħadid u titfagħhom fil‑jasar.

6 U ġara li jiena rajt din il‑knisja kbira u moqżieża; u rajt li x‑xitan kien il‑fundatur tagħha.

7 U jien rajt ukoll deheb, u fidda, u ħarir, u skarlatt u għażel minżuġ fin, u kull xorta ta’ lbies prezzjuż; u rajt bosta nisa żienja.

8 U l‑anġlu kellimni u qalli: Ara d‑deheb, u l‑fidda, u l‑ħarir, u l‑iskarlatt, u l‑għażel minżuġ fin, u l‑ilbies prezzjuż, u n‑nisa żienja, huma x‑xewqat ta’ din il‑knisja kbira u moqżieża.

9 U għat‑tifħir tad‑dinja huma jeqirdu wkoll lill‑qaddisin ta’ Alla, u jitfgħuhom fil‑jasar.

10 U ġara li jien ħarist u rajt bosta ilmijiet; u huma kienu jisseparaw lill‑Ġentili minn nisel ħuti.

11 U ġara li l‑anġlu qalli: Ara l‑korla ta’ Alla tinsab fuq nisel ħutek.

12 U jien ħarist u rajt raġel fost il‑Ġentili, li kien separat minn nisel ħuti permezz ta’ ħafna ilmijiet; u rajt l‑Ispirtu ta’ Alla, li niżel u ħadem f’dan ir‑raġel; u huwa telaq fuq il‑ħafna ilmijiet, u mar sewwasew għand nisel ħuti, li kienu fl‑art imwiegħda.

13 U ġara li jien rajt l‑Ispirtu ta’ Alla, li ħadem f’Ġentili oħra; u huma telqu mill‑jasar u marru fuq il‑ħafna ilmijiet.

14 U ġara li jien rajt għadd kbir ta’ Ġentili fuq l‑art imwiegħda; u jien rajt il‑korla ta’ Alla, li kienet tinsab fuq nisel ħuti; u huma kienu jinsabu mxerrdin quddiem il‑Ġentili u ġew ikkastigati.

15 U jien rajt l‑Ispirtu tal‑Mulej, li kien jinsab fuq il‑Ġentili, u huma stagħnew u kisbu l‑art bħala sehemhom; u jien rajt li huma kienu bojod u mill‑aktar grazzjużi u sbieħ, bħal ma kienu niesi qabel ma nqatlu.

16 U ġara li jien, Nefi, rajt li l‑Ġentili li telqu mill‑jasar umiljaw ruħhom quddiem il‑Mulej; u l‑qawwa tal‑Mulej kienet magħhom.

17 U jien rajt li l‑ġnus ommijiet tal‑Ġentili kienu miġburin flimkien fuq l‑ilmijiet, kif ukoll fuq l‑art, biex jiġġieldu kontrihom.

18 U jien rajt li l‑qawwa ta’ Alla kienet magħhom, u rajt ukoll li l‑korla ta’ Alla kienet fuq dawk kollha li kienu miġburin flimkien biex jiġġieldu kontrihom.

19 U jien, Nefi, rajt li l‑Ġentili li kienu telqu mill‑jasar ġew meħlusa bil‑qawwa ta’ Alla minn idejn il‑ġnus l‑oħra kollha.

20 U ġara li jien, Nefi, rajt li huma stagħnew fl‑art; u jiena rajt ktieb, u dan ittieħed fosthom.

21 U l‑anġlu qalli: Inti taf it‑tifsira tal‑ktieb?

22 U jien għidtlu: Jien ma nafx.

23 U hu qalli: Ara dan se joħroġ minn fomm Lhudi. U jien, Nefi, rajtu; u hu qalli: Il‑ktieb li inti qed tara huwa l‑kitba tal‑Lhud, li fih il‑patti tal‑Mulej, li huwa għamel mad‑dar ta’ Iżrael; u fih ukoll bosta profeziji tal‑profeti qaddisa; u huwa kitba bħall‑inċiżjonijiet li hemm fuq il‑pjanċi tal‑bronż, ħlief li ma fihx daqstant kitbiet; madankollu, dawn fihom il‑patti tal‑Mulej, li huwa għamel mad‑dar ta’ Iżrael; għalhekk, huma ta’ valur kbir għall‑Ġentili.

24 U l‑anġlu tal‑Mulej qalli: Inti rajt li l‑ktieb ħareġ minn fomm Lhudi; u meta ħareġ minn fomm Lhudi dan kien fih il‑milja tal‑evanġelju tal‑Mulej, li tiegħu jagħtu xhieda t‑tnax‑il appostlu; u huma jagħtu xhieda skont il‑verità li tinsab fil‑Ħaruf ta’ Alla.

25 Għalhekk, dawn il‑ħwejjeġ jgħaddu minn idejn il‑Lhud għal għand il‑Ġentili fis‑safà, skont il‑verità li tinsab f’Alla.

26 U wara li jgħaddu minn id it‑tnax‑il Appostlu tal‑Ħaruf, mil‑Lhud għal għand il‑Ġentili, inti tara t‑twaqqif ta’ dik il‑knisja kbira u moqżieża, li hi l‑aktar waħda moqżieża fost il‑knejjes l‑oħra kollha; għax ara, huma warrbu mill‑evanġelju tal‑Ħaruf bosta partijiet li huma sempliċi u mill‑aktar prezzjużi; kif ukoll bosta patti tal‑Mulej huma warrbu.

27 U dan kollu huma għamlu sabiex ikunu jistgħu jgħawwġu t‑triqat dritti tal‑Mulej, ħalli jkunu jistgħu jagħmu l‑għajnejn, u jwebbsu qlub ulied il‑bnedmin.

28 Għalhekk, inti tara li wara li l‑ktieb jgħaddi minn idejn il‑knisja kbira u moqżieża, se jkun hemm bosta ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi li se jitwarrbu mill‑ktieb, li huwa l‑ktieb tal‑Ħaruf ta’ Alla.

29 U wara li dawn il‑ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi jkunu twarrbu dan se jgħaddi fost il‑ġnus kollha tal‑Ġentili; u wara li jgħaddi fost il‑ġnus kollha tal‑Ġentili, iva, sewwasew min‑naħa l‑oħra tal‑ħafna ilmijiet li inti rajt bil‑Ġentili li telqu lil hinn mill‑jasar, inti se tara—minħabba l‑bosta ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi li twarrbu mill‑ktieb, li kienu sempliċi u li jinftiehmu minn ulied il‑bnedmin, skont is‑sempliċità li tinstab fil‑Ħaruf ta’ Alla—li minħabba dawn il‑ħwejjeġ li twarrbu mill‑evanġelju tal‑Ħaruf, se jkunu verament ħafna li sejrin jaqgħu, iva, hekk li Satana se jkollu setgħa kbira fuqhom.

30 Madankollu, inti tara li l‑Ġentili li telqu lil hinn mill‑jasar, u li permezz tal‑qawwa ta’ Alla ġew mgħollijin ’il fuq minn kull ġens ieħor, fuq wiċċ l‑art li hi magħżula fost kull art oħra, li hija l‑art li dwarha l‑Mulej Alla għamel patt ma’ missierek li nislu kellu jingħata bħala l‑art ta’ wirthom; għalhekk, inti tara li l‑Mulej Alla ma jħallix li l‑Ġentili jeqirdu għal kollox it‑taħlita ta’ nislek, li hemm fost ħutek.

31 Lanqas mhu se jħalli l‑Ġentili jeqirdu lil nisel ħutek.

32 Il‑Mulej Alla lanqas mhu se jħalli li l‑Ġentili jibqgħu għal dejjem f’dak l‑istat terribbli ta’ għama, li int qed tara li jinsabu fih, minħabba l‑partijiet sempliċi u mill‑aktar prezzjużi tal‑evanġelju tal‑Ħaruf li nżammew moħbija minn dik il‑knisja moqżieża, li t‑twaqqif tagħha inti rajt.

33 Għalhekk jgħid il‑Ħaruf ta’ Alla: Jien se nkun ħanin mal‑Ġentili, li meta jiena nżur lill‑fdal tad‑dar ta’ Iżrael ma nkunx iebes fil‑ħaqq tiegħi.

34 U ġara li l‑anġlu tal‑Mulej kellimni u qalli: Ara, qal il‑Ħaruf ta’ Alla, wara li jiena nżur lill‑fdal tad‑dar ta’ Iżrael—u dan il‑fdal li qed nirreferi għalih huwa nisel missierek—għalhekk, wara li lilhom inkun żort biex nagħmel ħaqq minnhom, u wara li nkun ikkastigajthom permezz ta’ id il‑Ġentili, u wara li l‑Ġentili jkunu waqgħu waħda sew, minħabba l‑aktar partijiet sempliċi u prezzjużi tal‑evanġelju tal‑Ħaruf li nżammew moħbija minn dik il‑knisja moqżieża, li hi omm in‑nisa żienja, jgħid il‑Ħaruf—jiena se nkun ħanin mal‑Ġentili f’dak il‑jum, tant li jien sejjer niżvelalhom, permezz tal‑qawwa tiegħi, parti kbira mill‑evanġelju tiegħi, liema parti se tkun sempliċi u prezzjuża, jgħid il‑Ħaruf.

35 Għax, araw, jgħid il‑Ħaruf: Jien se nuri lili nnifsi lil nislek, u huma sejrin jiktbu bosta ħwejjeġ li jien se ngħallimhom, li se jkunu sempliċi u prezzjużi; u wara li nislek jinqered, u ftit, ftit jitlef il‑fidi, u l‑istess nisel ħutek, ara, dawn il‑ħwejjeġ sejrin jiġu moħbijin, sabiex jinġiebu lura għand il‑Ġentili, permezz tad‑don u l‑qawwa tal‑Ħaruf.

36 U fihom se jkun hemm miktub l‑evanġelju tiegħi, jgħid il‑Ħaruf, u l‑blata tiegħi u s‑salvazzjoni tiegħi.

37 U mberkin huma dawk li se jippruvaw jistabbilixxu lil Sijon tiegħi f’dak il‑jum, għax huma se jkollhom id‑don u l‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; u jekk huma jibqgħu jżommu sħiħ sa l‑aħħar huma jiġu eżaltati fl‑aħħar jum, u jiġu salvati fis‑saltna ta’ dejjem tal‑Ħaruf; u kemm se jkunu sbieħ fuq il‑muntanji dawk kollha li jxandru s‑sliem, iva, il‑bxara ta’ hena mill‑akbar.

38 U ġara li jiena rajt il‑fdal ta’ nisel ħuti, kif ukoll il‑ktieb tal‑Ħaruf ta’ Alla, illi ħareġ minn fomm il‑Lhud, li nġieb mill‑Ġentili għand il‑fdal ta’ nisel ħuti.

39 U wara li nġieb għandhom jiena rajt kotba oħra, li nġiebu għandhom mingħand il‑Ġentili, permezz tal‑qawwa tal‑Ħaruf, biex jikkonvinċu lill‑Ġentili u lill‑fdal ta’ nisel ħuti, kif ukoll lil‑Lhud li kienu mxerrdin fuq wiċċ l‑art kollha, li l‑annali tal‑profeti u tat‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf huma vera.

40 U kellimni l‑anġlu u qalli: Dawn l‑aħħar annali, li inti rajt fost il‑Ġentili, sejrin jikkonfermaw il‑verità tal‑ewwel, li huma tat‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf, u sejrin jiżvelaw il‑ħwejjeġ sempliċi u prezzjużi li ġew imwarrbin minnhom; u sejrin jgħarrfu lil kull tribù, ilsien, u poplu, li l‑Ħaruf ta’ Alla huwa Iben il‑Missier Etern, u s‑Salvatur tad‑dinja; u li l‑bnedmin kollha għandhom jersqu lejh, inkella ma jistgħux jiġu salvati.

41 U huma għandhom jiġu skont il‑kliem li se jkun stabbilit minn fomm il‑Ħaruf; u kliem il‑Ħaruf se jkun żvelat fl‑annali ta’ nislek, kif ukoll fl‑annali tat‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf; għalhekk it‑tnejn li huma se jiġu stabbiliti flimkien bħala ħaġa waħda; għax hemm Alla wieħed biss u Ragħaj wieħed biss fuq l‑art kollha.

42 U se jasal iż‑żmien meta huwa juri lilu nnifsu lill‑ġnus kollha, kemm lil‑Lhud kif ukoll lill‑Ġentili; u wara li jkun wera lilu nnifsu kemm lil‑Lhud kif ukoll lill‑Ġentili, imbagħad huwa juri lilu nnifsu kemm lill‑Ġentili kif ukoll lil‑Lhud, u tal‑aħħar jiġu l‑ewwel, u tal‑ewwel jiġu l‑aħħar.