Skrittura
1 Nefi 17


Kapitlu 17

Nefi ordnat jibni ġifen—Ħutu jopponuh—Hu jħeġġiġhom billi jtennilhom l‑istorja tal‑interazzjoni ta’ Alla ma’ Iżrael—Nefi jimtela bil‑qawwa ta’ Alla—Ħutu jiġu pprojbiti li jmissuh, ma jmorrux jidbielu bħall‑qasab imnixxef. Madwar 592–591 Q.K.

1 U ġara li aħna erġajna komplejna bil‑vjaġġ tagħna fid‑deżert; u minn dakinhar bdejna mexjin kważi lejn in‑naħa tal‑lvant. U aħna vvjaġġajna fid‑deżert u għaddejna minn ħafna taħbit; u n‑nisa tagħna welldu t‑tfal fid‑deżert.

2 U tant kienu kbar il‑barkiet li xeħet fuqna l‑Mulej, illi minkejja li fid‑deżert konna qed ngħixu billi nieklu biss laħam nej, in‑nisa tagħna kellhom ħafna xi jreddgħu lil uliedhom, u kienu b’saħħithom, iva, sewwasew daqs l‑irġiel; u bdew jiffaċċjaw il‑vjaġġ tagħhom bla ma jilmentaw.

3 U b’hekk naraw li l‑kmandamenti ta’ Alla jeħtieġ li jiġu fis‑seħħ. U jekk ulied il‑bnedmin iħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla huwa jsostnihom, u jqawwihom, u jipprovdilhom mezz kif huma jkunu jistgħu jwettqu dak li huwa jkun ordnalhom; għalhekk, huwa pprovdielna l‑mezzi waqt li konna qed ngħammru fid‑deżert.

4 U domna ngħammru hemm għal perjodu ta’ ħafna snin, iva, sewwasew tmien snin fid‑deżert.

5 U aħna wasalna fil‑post li semmejnieh Kotra, minħabba l‑ħafna frott kif ukoll l‑għasel selvaġġ li kien hemm; u dawn il‑ħwejjeġ kollha ħejjihom għalina l‑Mulej sabiex ma ninqerdux. U aħna rajna l‑baħar, li semmejnieh Irreantum, li tfisser ħafna ilmijiet.

6 U ġara li aħna tellajna t‑tined tagħna ħdejn xatt il‑baħar; u minkejja li batejna bosta afflizzjonijiet kif ukoll għaddejna minn diffikultajiet kbar, iva, tant li ma nistgħux niktbuhom kollha, aħna bdejna naqbżu bil‑ferħ meta wasalna ħdejn xatt il‑baħar; u semmejna l‑post Kotra, minħabba l‑ħafna frott li kien hemm.

7 U ġara li wara li jiena, Nefi, kont ili fl‑art ta’ Kotra għal perjodu ta’ bosta jiem, ġie jżurni leħen il‑Mulej u qalli: Qum, u mur fil‑muntanja. U ġara li jiena qomt u tlajt fuq il‑muntanja, u sejjaħt lill‑Mulej.

8 U ġara li l‑Mulej kellimni u qalli: Inti għandek tibni ġifen, skont il‑metodu li se nurik jiena, biex inkun nista’ nġorr lil niesek għan‑naħa l‑oħra ta’ dawn l‑ilmijiet.

9 U jien għidt: Mulej, fejn għandi mmur ħalli nkun nista’ nsib il‑mineral ħalli ndewwbu, biex inkun nista’ nagħmel l‑għodda ħalli nibni l‑ġifen skont il‑metodu li wrejtni int?

10 U ġara li l‑Mulej qalli fejn kelli mmur biex insib il‑mineral, ħalli nkun nista’ nagħmel l‑għodda.

11 U ġara li jien, Nefi, għamilt minfaħ, li permezz tiegħu nkun nista’ nonfoħ fuq in‑nar, mill‑ġlud tal‑bhejjem; u wara li għamilt minfaħ, biex bih inkun nista’ nonfoħ fuq in‑nar, bdejt inħabbat ġebla m’oħra ħalli nkun nista’ nqabbad in‑nar.

12 Għax s’issa il‑Mulej ma kienx għadu ħalliena nużaw ħafna n‑nar, waqt li konna qed nivvjaġġaw fid‑deżert; għax hu qal: Se nara li l‑ikel tagħkom ikollu palat tajjeb, li ma jkollkomx bżonn issajruh;

13 U jien se nkun ukoll id‑dawl tagħkom fid‑deżert; u se nħejji t‑triq quddiemkom, jekk intom tħarsu l‑kmandamenti tiegħi; għalhekk, sakemm tħarsu l‑kmandamenti tiegħi intom se titmexxew lejn l‑art imwiegħda; u se tagħrfu li jien hu dak li qed immexxikom.

14 Iva, u l‑Mulej qal ukoll li: Wara li intom taslu fl‑art imwiegħda, intom se tagħrfu li jien, il‑Mulej, hu Alla; u li jien, il‑Mulej, ħlistkom mill‑qerda; iva, meta jiena ħriġtkom ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm.

15 Għalhekk, jien, Nefi, għamilt li stajt biex inħares il‑kmandamenti tal‑Mulej, u ħeġġiġt lil ħuti biex ikunu fidili u diliġenti.

16 U ġara li jien għamilt l‑għodda mill‑mineral li jiena dewwibt mill‑blat.

17 U meta ħuti raw li jiena kont sejjer nibni ġifen, huma bdew jilmentaw kontrija u jgħidu: Ħuna qed jitbellah, għax jaħseb li jista’ jibni ġifen; iva, u jaħseb ukoll li jista’ jbaħħar fuq dawn l‑ibħra vasti.

18 U kien b’dan il‑mod li ħuti bdew jilmentaw kontrija, u kellhom ix‑xewqa li ma jmiddux idejhom, għax ma kenux jemmnu li jien stajt nibni ġifen; lanqas ma kienu jemmnu li jien ġejt mgħallem mill‑Mulej.

19 U issa ġara li jiena, Nefi, ħassejtni mnikket bil‑kbir minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom; u issa meta huma raw li jiena bdejt nitnikket, qalbhom imtliet bil‑ferħ, tant illi bdew jitgħaxxqu minħabba fija u jgħidu: Aħna konna nafu li int ma stajtx tibni ġifen, għax konna nafu li ma tafx x’inti tgħid; għalhekk, int ma tistax twettaq xi ħaġa daqstant diffiċli.

20 U inti tixbah lil missierna, li jħalli l‑immaġinazzjoni ta’ qalbu tiġri bih; iva, huwa ħariġna ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, u aħna spiċċajna niġġerrew fid‑deżert dawn is‑snin kollha; u n‑nisa tagħna sofrew ħafna fit‑tqala tagħhom; u huma welldu t‑tfal fid‑deżert u batew kull tip ta’ tbatija, minbarra l‑mewt; u kien ikun aħjar li kieku huma mietu qabel ħallew Ġerusalemm milli kellhom ibatu din it‑tbatija kollha.

21 Ara, aħna għaddejna dawn is‑snin kollha nbatu fid‑deżert, minflok ma għaddejna dan iż‑żmien ingawdu l‑ġid tagħna u l‑art ta’ wirtna; iva, u stajna ksibna l‑kuntentizza.

22 U aħna nafu li n‑nies li kienu fl‑art ta’ Ġerusalemm kienu nies twajbin; għaliex huma kienu jħarsu l‑liġijiet u d‑digrieti tal‑Mulej, u l‑kmandamenti tiegħu kollha, skont il‑liġi ta’ Mosè; għalhekk, aħna nafu li huma nies twajbin; u missierna kkundannahom, u mexxiena ’l barra minn hemm għax aħna smajna minn dak li beda jgħidilna hu; iva, u ħuna qisu hu. U b’dan il‑mod ta’ diskors ħuti bdew jilmentaw u jgergru kontrina.

23 U ġara li jiena, Nefi, kellimthom u għidt: Temmnu intom li missirijietna, li kienu wlied Iżrael, setgħu jitmexxew lil hinn mill‑ħakma tal‑Eġizzjani li kieku huma ma semgħux minn kliem il‑Mulej?

24 Iva, taħsbu intom li huma setgħu jitmexxew lil hinn mill‑jasar, li kieku l‑Mulej ma ordnax lil Mosè sabiex hu jmexxihom lil hinn mill‑jasar?

25 Issa intom tafu li wlied Iżrael kienu jinsabu fil‑jasar; u tafu li huma kienu mgħakksin b’xogħol mill‑aktar iebes u diffiċli; għalhekk, intom tafu li kienet żgur ħaġa tajba u neċessarja, li huma kellhom jinħarġu mill‑jasar.

26 Issa intom tafu li Mosè ġie mitlub mill‑Mulej biex iwettaq dik il‑biċċa xogħol kbira; u intom tafu li permezz tal‑kelma tiegħu l‑Baħar tal‑Qasab inferaq ’l hemm u ’l hawn, u huma għaddew minn nofsu fuq art niexfa.

27 Iżda intom tafu li l‑Eġizzjani, illi kienu l‑armati tal‑Fargħun, ġew mgħarrqin fil‑Baħar tal‑Qasab.

28 U tafu wkoll li huma ġew mitmugħa l‑manna fid‑deżert.

29 Iva, u tafu wkoll li Mosè, permezz tal‑kelma tiegħu skont il‑qawwa ta’ Alla li kienet tinsab fih, ħabbat fuq il‑blata, u minnha beda ħiereġ l‑ilma, ħalli wlied Iżrael ikunu jistgħu jaqtgħu l‑għatx.

30 U minkejja li huma kienu qed jiġu mmexxijin, bil‑Mulej Alla tagħhom, il‑Feddej tagħhom, miexi quddiemhom, li beda jmexxihom binhar u jipprovdilhom id‑dawl billejl, u li għamel għalihom dak kollu li hu tajjeb li l‑bniedem ikollu, huma webbsu qalbhom u dallmu moħħhom, u bdew iżebilħu lil Mosè u lil Alla veru u ħaj.

31 U ġara li, skont kelmtu, huwa qeridhom; u skont kelmtu huwa mexxihom; u skont kelmtu huwa għamel minn kollox għalihom; u l‑ebda ħaġa ma seħħet jekk mhux permezz ta’ kelmtu.

32 U wara li huma qasmu x‑xmara Ġordan hu mliehom bil‑qawwa sal‑punt li wlied dik l‑art sefgħu mkeċċija ’l barra, iva, u spiċċaw imferrxin u nqerdu.

33 U issa, taħsbu intom li wlied din l‑art, li kienu fl‑art imwiegħda, li ġew imġiegħla jitilqu minn missirijietna, taħsbu intom li huma kienu nies twajbin? Araw, jiena ngħidilkom, Le.

34 Taħsbu intom li missirijietna kienu se jkunu magħżulin aktar minnhom li kieku huma kienu twajbin? Jiena ngħidilkom, Le.

35 Araw, il‑Mulej iqis lil kulħadd l‑istess; lil dak li hu twajjeb, lilu Alla jiffavorixxi. Iżda araw, dan il‑poplu ċaħad kull kelma ta’ Alla, u huma kienu misjurin fil‑ħażen; u l‑milja tal‑korla ta’ Alla kienet tinsab fuqhom; u l‑Mulej seħet l‑art għad‑detriment tagħhom; u berikha għal missirijietna; iva, huwa seħetha għad‑detriment tagħhom tant li spiċċaw inqerdu, u hu berikha għal missirijietna biex ikollhom poter fuqha.

36 Araw, il‑Mulej ħoloq l‑art biex hija tkun abitata; u huwa ħoloq lil uliedu biex huma jipposseduha.

37 U huwa jqajjem ġens ġust, u jeqred il‑ġnus tal‑ħżiena.

38 U huwa jmexxi lill‑ġusti lejn artijiet prezzjużi, u lill‑ħżiena huwa jeqred, u jisħet l‑art minħabba fihom.

39 Huwa jsaltan fl‑għoli tas‑sema, li hija t‑tron tiegħu, u din l‑art hija l‑mirfes ta’ riġlejh.

40 U huwa jħobb lil dawk li jriduh ikun Alla tagħhom. Araw, huwa ħabb lil missirijietna, u għamel patt magħhom, iva, sewwasew ma’ Abraham, Iżakk u Ġakobb; u hu ftakar fil‑patti li huwa għamel; għalhekk, huwa ħariġhom ’il barra mill‑art tal‑Eġittu.

41 U lilhom huwa rażżan fid‑deżert permezz tal‑ħatar tiegħu; għaliex huma webbsu qalbhom, kif għamiltu intom; u l‑Mulej rażżanhom minħabba ħżunithom. Huwa bagħat fosthom sriep velenużi u jtiru; u wara li lilhom gidmu huwa ħejja mod biex ikunu jistgħu jitfejqu; u kulma kellhom jagħmlu kien li jħarsu; u minħabba s‑sempliċità ta’ dan il‑mod, jew il‑faċilità tiegħu, kien hemm ħafna li spiċċaw inqerdu.

42 U minn żmien għall‑ieħor huma bdew iwebbsu qalbhom, u jżebilħu lil Mosè, kif ukoll lil Alla; madankollu, intom tafu li huma ġew immexxija permezz tal‑qawwa inkomparabbli tiegħu lejn l‑art imwiegħda.

43 U issa, wara dan kollu, wasal żmien fejn huma tant inħakmu mill‑ħażen, iva, li kważi spiċċaw misjurin iżżejjed; u naħseb li jista’ jkun li wasal il‑jum li ma jdumux ma jispiċċaw jinqerdu; għax naf li żgur se jasal il‑jum li fih huma se jinqerdu kollha, ħlief għal ftit, li sejrin jittieħdu fil‑jasar.

44 Għalhekk, il‑Mulej ordna lil missieri biex huwa jitlaq lejn id‑deżert; u l‑Lhud ukoll ippruvaw ineħħulu ħajtu; u intom ukoll ippruvajtu tneħħulu ħajtu; għalhekk, f’qalbkom intom qattiela u tixbhu lilhom.

45 Intom ħfief biex tagħmlu l‑ħażen iżda tqal biex tiftakru fil‑Mulej Alla tagħkom. Intom rajtu anġlu, u hu kellimkom; iva, minn żmien għall‑ieħor intom smajtu leħnu; u hu kellimkom permezz ta’ leħen ħelu u sieket, iżda intom tliftu kull sentiment, illi ma stajtux tħossu kliemu; għalhekk, hu kellimkom b’leħen jixbah lir‑ragħad, li wassal biex l‑art titheżżeż bħallikieku kienet se tinqasam fi tnejn.

46 U intom tafu wkoll li bil‑qawwa tal‑kelma setgħana tiegħu huwa jista’ jwassal biex l‑art tintemm; iva, u intom tafu li permezz tal‑kelma tiegħu huwa jista’ jillixxa l‑postijiet imħarbta, u jaqsam biċċiet il‑postijiet lixxi. Allura x’inhi r‑raġuni għalfejn intom tafu tkunu daqstant qalbkom iebsa?

47 Araw, għandi ruħi trid tinqasam bin‑niket minħabba fikom, u qalbi muġugħa; jien nibża’ li intom sejrin titwarrbu għal dejjem. Araw, jiena mimli bl‑Ispirtu ta’ Alla, hekk li m’għandix saħħa f’ġismi.

48 U issa ġara li meta jiena għidt dan il‑kliem huma ħaduha kontrija, u xtaqu jitfgħuni f’qiegħ il‑baħar; u hekk kif huma ġew biex jerfgħu idejhom fuqi jiena kellimthom u għidtilhom: F’isem Alla li Jista’ Kollox, qed nordnalkom biex ma tmissunix, għaliex jiena mimli bil‑qawwa ta’ Alla, liema qawwa nħossha qed tikkonsmali ġismi; u min jerfa’ jdejh fuqi jispiċċa jidbiel sewwasew bħall‑qasab imnixxef; u huwa jispiċċa fix‑xejn quddiem il‑qawwa ta’ Alla, għaliex lilu Alla jikkastiga.

49 U ġara li jien, Nefi, għidtilhom li huma m’għandhomx ikomplu jilmentaw kontra missierhom; lanqas m’għandhom jibqgħu lura milli jagħtuni daqqa t’id, għax Alla ordnali biex nibni ġifen.

50 U jien għidtilhom: Kieku Alla ordnali biex inwettaq kull ħaġa, jiena nwettaqha. U jekk huwa jordnali biex ngħid lil dan l‑ilma, inbidel f’art, jinbidel u jsir art; u hekk jiena ngħid dan, hekk isir.

51 U issa, jekk il‑Mulej għandu daqstant qawwa kbira, u jekk huwa wettaq daqstant mirakli fost ulied il‑bnedmin, għalfejn mela ma jistax jurini kif għandi nibni ġifen?

52 U ġara li jiena, Nefi, għidt ħafna affarijiet lil ħuti, tant li huma tħawwdu u ma setgħux jitlewmu miegħi; lanqas m’azzardaw jerfgħu idejhom fuqi jew imissuni b’subgħajhom, sewwasew għal perjodu ta’ bosta jiem. Issa huma m’azzardawx jagħmlu dan li ma jmorrux jidbielu quddiemi, għax daqstant kien qawwi l‑Ispirtu ta’ Alla; u b’dan il‑mod ħadem fuqhom.

53 U ġara li l‑Mulej qalli: Erġa’ iftaħ idejk lil ħutek, u huma mhumiex se jidbielu quddiemek, iżda jiena nwassalhom biex huma jitriegħdu, jgħid il‑Mulej, u dan jiena nagħmel, ħalli huma jkunu jafu li jiena l‑Mulej Alla tagħhom.

54 U ġara li jiena ftaħt idejja lil ħuti, u huma ma komplewx jidbielu quddiemi; iżda l‑Mulej wassalhom biex jitriegħdu, sewwasew skont il‑kliem li hu kien qal.

55 U issa, huma qalu: Aħna nafu fiż‑żgur li l‑Mulej jinsab miegħek, għaliex nafu li hija l‑qawwa tal‑Mulej li wasslitna biex nitriegħdu. U huma nxteħtu quddiemi, u kienu se jibdew iqimuni, iżda jien ma ħallejthomx u għidtilhom: Jiena ħukom, iva, sewwasew ħukom iż‑żgħir; għalhekk, araw li tqimu lill‑Mulej Alla tagħkom, u agħtu ġieħ lil missierkom u lil ommkom, sabiex jiemkom fuq l‑art li l‑Mulej Alla tagħkom se jagħtikom jitkattru.