Skrittura
1 Nefi 19


Kapitlu 19

Nefi jagħmel il‑pjanċi mill‑metall u jiddokumenta l‑istorja tal‑poplu tiegħu—L‑Alla ta’ Iżrael se jiġi sitt mitt sena minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm—Nefi jitkellem dwar it‑tbatija u l‑kruċifissjoni tiegħu—Il‑Lhud se jkunu mistmerra u mxerrdin sal‑aħħar żminijiet, meta huma jerġgħu jduru lejn il‑Mulej. Madwar 588–570 Q.K.

1 U ġara li l‑Mulej tani ordni, għalhekk jiena għamilt pjanċi tal‑metall ħalli fuqhom inkun nista’ nnaqqax l‑istorja tal‑poplu tiegħi. U fuq il‑pjanċi li jien għamilt naqqaxt l‑istorja ta’ missieri, kif ukoll il‑vjaġġi tagħna fid‑deżert, u l‑profeziji ta’ missieri; u fuqhom naqqaxt ukoll ħafna mill‑profeziji tiegħi.

2 U fiż‑żmien li fih għamilthom ma kontx naf li jien kont se nintalab mill‑Mulej biex nagħmel dawn il‑pjanċi; għalhekk, l‑istorja ta’ missieri, u l‑ġenealoġija ta’ missirijietu, u l‑parti l‑kbira tal‑għemejjel tagħna fid‑deżert jinsabu mnaqqxa fuq dawk l‑ewwel pjanċi li tkellimt dwarhom; għalhekk, il‑ħwejjeġ li seħħew qabel ma jien għamilt dawn il‑pjanċi jissemmew, fil‑fatt, aktar b’mod partikolari, fuq l‑ewwel pjanċi.

3 U wara li jiena għamilt dawn il‑pjanċi fuq ordni ta’ kmandament, jien, Nefi, irċevejt kmandament li l‑ministeru u l‑profeziji, l‑aktar partijiet sempliċi u prezzjużi tagħhom, għandhom jinkitbu fuq dawn il‑pjanċi; u l‑ħwejjeġ li ġew miktubin għandhom jinżammu għall‑istruzzjoni tal‑poplu tiegħi, li sejjer jiret l‑art, kif ukoll għal għanijiet għaqlin oħra, liema għanijiet huma magħrufa mill‑Mulej.

4 Għalhekk, jiena, Nefi, għamilt storja fuq il‑pjanċi l‑oħra, li titkellem, jew titkellem f’aktar dettall, dwar il‑gwerer u l‑ġlied u l‑qerda tal‑poplu tiegħi. U dan jiena għamilt, u ordnajt lill‑poplu tiegħi x’għandu jagħmel wara li jiena nkun tlaqt; u li dawn il‑pjanċi għandhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għall‑oħra, jew minn profeta għall‑ieħor, sakemm jingħataw aktar kmandamenti mill‑Mulej.

5 U rakkont dwar kif jien għamilt dawn il‑pjanċi se jingħata aktar tard; imbagħad, araw, jien se nkompli skont dak li tkellimt dwaru, u jien nagħmel dan sabiex l‑aktar ħwejjeġ sagri jiġu ppreservati għall‑għarfien tal‑poplu tiegħi.

6 Madankollu, mhu se nikteb xejn fuq il‑pjanċi li jien ma nqisux bħala sagru. U issa, jekk jien niżbalja, anki dawk illi ġew qabli żbaljaw; mhux għax jien irrid niġġustifika x’għamel ħaddieħor, iżda minħabba d‑dgħufija li għandi ġo fija, skont il‑ġisem, jiena niskuża ruħi.

7 Għax il‑ħwejjeġ li xi wħud jikkunsidrawhom li huma ta’ valur kbir, kemm għall‑ġisem kif ukoll għar‑ruħ, oħrajn iwarrbuhom u jgħaffġuhom b’saqajhom. Iva, anke lill‑istess Alla ta’ Iżrael il‑bnedmin jgħaffġu b’saqajhom; jien ngħid, jgħaffġuh b’saqajhom iżda se nispjega dan mod ieħor—lilu huma jwarrbuh, u ma jisimgħux mil‑leħen tat‑twissijiet tiegħu.

8 U araw, huwa se jiġi, skont kliem l‑anġlu, sitt mitt sena minn meta missieri ħalla Ġerusalemm.

9 U d‑dinja, minħabba l‑ħażen tagħha, se tiġġudikah bħallikieku mhu xejn; għalhekk jagħtuh is‑swat, u hu joqgħod għaliha; u jidorbuh, u hu joqgħod għaliha. Iva, jobżqulu, u hu joqgħod għaliha, minħabba t‑tjubija kollha mħabba tiegħu u s‑sabar tiegħu lejn ulied il‑bnedmin.

10 U l‑Alla ta’ missirijietna, illi ttieħdu ’l barra mill‑Eġittu, ’il barra mill‑jasar, kif ukoll li ġew ippreservati minnu fid‑deżert, iva, l‑Alla ta’ Abraham, u ta’ Iżakk, u l‑Alla ta’ Ġakobb, ta lilu nnifsu, skont kliem l‑anġlu, f’idejn il‑ħżiena, biex jintrefa’ ’l fuq, skont kliem Żenok, u jiġi msallab, skont kliem Neju, u jiġi midfun f’qabar, skont kliem Żenos, fejn huwa tkellem dwar it‑tlett ijiem ta’ dlam, li se jingħataw bħala sinjal tal‑mewt tiegħu lil dawk li sejrin jgħammru fil‑gżejjer tal‑baħar, speċjalment lil dawk li huma mid‑dar ta’ Iżrael.

11 Għaliex dan hu li qal il‑profeta: Il‑Mulej Alla, sewwasew f’dak il‑jum, sejjer iżur lid‑dar kollha ta’ Iżrael, lil xi wħud permezz ta’ leħnu, minħabba t‑tjieba tagħhom, għall‑hena kbira u s‑salvazzjoni tagħhom, u lil oħrajn permezz tar‑ragħad u l‑beraq ta’ setegħtu, permezz tat‑tempesta, tan‑nar, u tad‑duħħan, u l‑fwar tad‑dlam, u permezz tal‑qsim tal‑art, u tal‑muntanji li se jiġu mgħollija ’l fuq.

12 U dan kollu żgur li se jiġi fis‑seħħ, jgħid il‑profeta Żenos. U l‑blat tad‑dinja sejjer jinfaqa’; u minħabba t‑tnehid tad‑dinja, ħafna mis‑slaten tal‑gżejjer tal‑baħar sejrin jiġu mogħnija bl‑Ispirtu ta’ Alla, u jiddikjaraw: L‑Alla tan‑natura jistabar.

13 U rigward dawk li jinsabu Ġerusalemm, jgħid il‑profeta, huma se jiġu kkastigati minn kulħadd, għax huma jsallbu lil Alla ta’ Iżrael, u jwarrbu qalbhom minnu, jinjoraw is‑sinjali u l‑għeġubijiet, u l‑qawwa u l‑glorja ta’ Alla ta’ Iżrael.

14 U peress li jwarrbu qalbhom minnu, jgħid il‑profeta, u jiddisprezzaw lil Qaddis ta’ Iżrael, se jispiċċaw jiġġerrew fil‑ġisem, u jintilfu, u jkunu ta’ għajb u f’ilsien kulħadd u mibgħuda minn kull ġens.

15 Madankollu, meta jasal il‑jum, jgħid il‑profeta, li huma ma jwarrbux aktar qalbhom mill‑Qaddis ta’ Iżrael, imbagħad hu jiftakar il‑patti li huwa għamel ma’ missirijiethom.

16 Iva, imbagħad huwa jiftakar fil‑gżejjer tal‑baħar; iva, u n‑nies kollha li huma mid‑dar ta’ Iżrael jiena niġbor flimkien mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja, jgħid il‑Mulej, skont kliem il‑profeta Żenos.

17 Iva, u d‑dinja kollha se tara s‑salvazzjoni tal‑Mulej jgħid il‑profeta; kull ġens, tribù, ilsien u poplu se jkun imbierek.

18 U jiena, Nefi, ktibt dawn il‑ħwejjeġ lil niesi, ħalli forsi nkun nista’ nipperswadihom sabiex jiftakru fil‑Feddej tagħhom il‑Mulej.

19 Għalhekk, jiena nkellem lid‑dar kollha ta’ Iżrael, dejjem jekk huma lesti jirċievu dawn il‑ħwejjeġ.

20 Għax araw, jiena nħoss ħafna fl‑ispirtu għal dawk li jinsabu Ġerusalemm; dil‑ħaġa nħossha tifnini tant li l‑ġogi tiegħi saru mill‑aktar dgħajfin; kieku l‑Mulej ma kienx ħanin u żvela miegħi dak li jikkonċerna lilhom, kif għamel mal‑profeti tal‑qedem, jien kont ninqered ukoll.

21 U hu verament wera lill‑profeti tal‑qedem kull ħaġa li tikkonċerna lilhom; u hu wera wkoll lil ħafna oħrajn ħwejjeġ li jikkonċernaw lilna; għalhekk, jeħtieġ li nkunu nafu dwarhom għax jinsabu miktubin fuq il‑pjanċi tal‑bronż.

22 Issa ġara li jiena, Nefi, għallimt dawn il‑ħwejjeġ lil ħuti; u ġara li jiena qrajtilhom bosta ħwejjeġ li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tal‑bronż, ħalli huma jkunu jafu dwar l‑għemejjel tal‑Mulej f’artijiet oħra, fost in‑nies tal‑qedem.

23 U jien qrajtilhom bosta ħwejjeġ li kienu miktubin fil‑kotba ta’ Mosè; iżda biex forsi nipperswadihom aktar ħalli jemmnu fil‑Feddej tagħhom il‑Mulej, jiena qrajtilhom dak li ġie miktub mill‑profeta Isaija; għax jiena xebbaht l‑iskrittura kollha magħna, sabiex tkun għalina ta’ benefiċċju u tagħlim.

24 Għalhekk jiena kellimthom u għidtilhom: Isimgħu kliem il‑profeta, intom li intom fdal tad‑dar ta’ Iżrael, fergħa li ġiet imqaċċta; isimgħu kliem il‑profeta, li ġie miktub għad‑dar kollha ta’ Iżrael, u xebbhuh magħkom infuskom, sabiex intom ikollkom it‑tama li għandhom ħutkom illi minnhom intom ġejtu mqaċċta; għax dan hu skont dak li kiteb il‑profeta.