Skrittura
1 Nefi 21


Kapitlu 21

Il‑Messija se jkun ta’ dawl għall‑Ġentili u se jeħles lill‑priġunieri—Iżrael se jinġabar flimkien b’qawwa fl‑aħħar żminijiet—Is‑slaten se jkunu dawk li jrabbuhom—Qabbel Isaija 49. Madwar 588–570 Q.K.

1 U għal darb’oħra: Agħtu widen, O dar ta’ Iżrael, intom kollha li ġejtu mqaċċtin u mkeċċijin minħabba l‑ħażen tar‑ragħajja tal‑poplu tiegħi; iva, intom kollha li ġejtu mqaċċtin, li tinsabu mxerrdin mad‑dinja, li ġejjin mill‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael. Isimgħuni, O gżejjer, agħtuni widen, popli mbiegħda; il‑Mulej mill‑ġuf sejjaħli, mill‑ġewwieni ta’ ommi ftakar f’ismi.

2 Għamilli fommi xabla misnuna; taħt id‑dell ta’ idu ħbieni, u għamel minni vleġġa maħtura; fil‑barżakka tiegħu ħbieni;

3 U qalli: Iżrael, inti l‑qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.

4 U jien għidt, Għalxejn inkeddejt, u fix‑xejn ħlejt saħħti; imma f’idejn il‑Mulej il‑kawża tiegħi, u l‑ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.

5 Issa tkellem il‑Mulej—li minn ġuf ommi għamilni biex inkun il‑qaddej tiegħu, biex għandu nraġġa’ lura ’l Ġakobb—u minkejja li Iżrael ma jinġabarx, jiena nkun imfaħħar f’għajnejn il‑Mulej, u Alla tiegħi jkun il‑qawwa tiegħi.

6 Hu qalli: Hi ħaġa ħafifa li inti tkun il‑qaddej tiegħi, biex tqajjem it‑tribù ta’ Ġakobb, u traġġa’ lura l‑fdal ta’ Iżrael. Jien nagħmel minnek dawl għall‑Ġentili, biex is‑salvazzjoni tiegħi sa truf l‑art tinfirex.

7 Dan jgħid il‑Mulej, il‑Feddej ta’ Iżrael, il‑Qaddis tiegħu, lil wieħed imkasbar min‑nies, mistmerr mill‑poplu, lill‑qaddej tal‑ħakkiema: Is‑slaten għad jaraw u jqimu, u l‑prinċpijiet iqimu wiċċhom fl‑art, minħabba l‑Mulej li hu fidil.

8 Dan jgħid il‑Mulej: Fiż‑żmien it‑tajjeb smajtkom, O gżejjer tal‑baħar, u f’jum is‑salvazzjoni għintkom; ħaristkom u għamilt minnkom, qaddejja tiegħi, patt mal‑poplu, biex nerġa’ nqajjem l‑art, u nqassam il‑wirt imħarbat;

9 Biex tgħid lill‑imjassrin: Oħorġu; u lil dawk li huma fid‑dlam: Ejjew għad‑dawl. Huma jirgħu matul it‑triq, u fuq kull għolja għerja jsibu l‑merħla tagħhom.

10 Ma jeħodhomx il‑ġuħ u anqas l‑għatx, u ma tolqothomx is‑sħana u lanqas ix‑xemx; għax min ħenn għalihom imexxihom, u jgħaddihom minn ħdejn għejun ta’ ilma.

11 Minn kull muntanja nagħmel triq, u ngħolli l‑mogħdijiet tiegħi.

12 Imbagħad ara, O dar ta’ Iżrael, dawn jiġu mill‑bogħod; ara, dawn mit‑tramuntana u l‑punent, u dawn mill‑art ta’ Sinim.

13 Għannu, O smewwiet, aqbeż bil‑ferħ, O art; għax se jżommu sħiħ ir‑riġlejn ta’ dawk li huma fil‑lvant; nfexxu għannu, O muntanji; għax huma mhux se jkunu kkastigati aktar; għax farraġ il‑Mulej lill‑poplu tiegħu; u ħenn għall‑imsejknin tiegħu.

14 U Sijon kienet tgħid: Ħallieni l‑Mulej, u Sidi nsieni—iżda hu juriha li ma ħalliehiex.

15 Tista’ mara tinsa t‑tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk tinsa’, jien ma ninsik qatt, O dar ta’ Iżrael.

16 Ara, naqqaxtek fuq il‑keffa ta’ jdejja; ħitanek dejjem quddiemi.

17 Uliedek ġejjin mgħaġġla biex jeħduha kontra min irid jeqirdek; jitbiegħed minnek min ġarrfek u ħarbtek.

18 Erfa’ għajnejk u ħares madwarek; ilkoll inġabru, ġejjin lejk. U daqs kemm jien ħaj, jgħid il‑Mulej, tilbishom kollha biex tiżżejjen, titħażżem bihom bħal għarusa.

19 Għax il‑ħrieb tiegħek, it‑tħarbit tiegħek, u l‑art imħarbta tiegħek, nerġa’ ntellagħhom għax issa int djieqt għal niesek; u tbiegħdu dawk li ħarbtuk.

20 L‑ulied li inti wlidt fl‑hemm, wara li tlift lil tal‑ewwel, għad jgħidulek f’widnejk: Żgħir il‑post għalija; agħmilli l‑wisa’ fejn ngħammar.

21 Imbagħad int tgħid f’qalbek: Min wellidli ’l dawn, meta jien bla tfal, ħawlija, kont ilsira u mitluqa, nittieħed ’l hemm u ’l hawn? Min rabbihomli? Araw, jien kont bqajt waħdi; minn fejn ġew dawn?

22 Dan jgħid il‑Mulej Alla: Arawni, se nagħti sinjal lill‑Ġentili, u ngħolli l‑istendard tiegħi għall‑poplu; u jġibu s‑subien tiegħek fuq dirgħajhom, u l‑bniet tiegħek iġorruhom fuq spallejhom.

23 U jkunu s‑slaten li jrabbuk, u l‑irġejjen tagħhom li jreddgħuk; imilu b’wiċċhom fl‑art quddiemek, u t‑trab ta’ riġlejk jilagħqu; u int tkun taf li jien il‑Mulej; li min jittama fija, ma jitħawwadx.

24 Għax tista’ tittieħed il‑priża minn id il‑qawwi, jew jinħelsu l‑ilsiera minn id it‑tirann?

25 Għax dan jgħid il‑Mulej, iva, jittieħdu l‑ilsiera minn id il‑qawwi, u l‑priża tat‑tirann tinħeles; u jiena stess neħodha ma’ dawk li ħaduha miegħek, u jiena stess insalva lil uliedek.

26 U ’l dawk li ħaqruk inġagħalhom jieklu laħamhom stess; jiskru b’demmhom bħal bl‑inbid ġdid; u kull bniedem ikun jaf li jiena l‑Mulej, is‑Salvatur tiegħek u l‑Feddej tiegħek, il‑Qawwi ta’ Ġakobb.