Skrittura
1 Nefi 22


Kapitlu 22

Iżrael se jinxtered ma’ wiċċ l‑art kollha—Il‑Ġentili sejrin ireddgħu lil Iżrael u jitimgħuh l‑evanġelju fl‑aħħar żminijiet—Iżrael se jinġabar flimkien u jsalva, u l‑ħżiena sejrin jinħarqu bħat‑tiben—Is‑saltna tax‑xitan sejra tinqered, u Satana se jkun marbut. Madwar 588–570 Q.K.

1 U issa ġara li wara li jiena, Nefi, qrajt dawn il‑ħwejjeġ li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tal‑bronż, ħuti ġew fuqi u qaluli: Xi jfissru dawn il‑ħwejjeġ li inti qrajt? Ara, aħna għandna nifhmuhom skont dak li hu spiritwali, li għandu jiġi fis‑seħħ skont l‑ispirtu u mhux skont il‑ġisem?

2 U jien, Nefi, għidtilhom: Araw huma ġew żvelati lill‑profeta permezz ta’ leħen l‑Ispirtu; għax hu permezz tal‑Ispirtu li kull ħaġa li se tolqot lil ulied il‑bnedmin skont il‑ġisem tiġi żvelata lill‑profeti.

3 Għalhekk, il‑ħwejjeġ li jiena qrajt għandhom x’jaqsmu ma’ ħwejjeġ kemm temporali kif ukoll spiritwali; għax jidher li d‑dar ta’ Iżrael, illum jew għada, sejra tinxtered ma’ wiċċ l‑art kollha, kif ukoll fost il‑ġnus kollha.

4 U araw, dawk li jinsabu Ġerusalemm diġà hemm ħafna li ma jafux x’sar minnhom. Iva, il‑biċċa l‑kbira tat‑tribujiet kollha ġew meħuda; u ġew mxerrdin ’l hemm u ’l hawn fuq il‑gżejjer tal‑baħar; u fejn jinsabu ħadd minna ma jaf; nafu biss li ġew meħuda.

5 U peress li huma ġew meħuda, tħabbru dwarhom dawn il‑ħwejjeġ, kif ukoll dwar dawk kollha li minn issa ’l quddiem sejrin jinxterdu u jitħawwdu, minħabba l‑Qaddis ta’ Iżrael; għax huma sejrin iwebbsu qalbhom kontrih; għalhekk, huma sejrin jinxterdu fost il‑ġnus kollha u se jkunu mibgħuda minn kulħadd.

6 Madankollu, wara li huma jiġu mreddgħa mill‑Ġentili, u l‑Mulej jarfa’ idu konta l‑Ġentili u jgħollihom bħala stendard, u wliedhom jinġarrew f’dirgħajhom, u l‑bniet tagħhom jinġarrew fuq spallejhom, araw dawn il‑ħwejjeġ li ġew imlissna huma temporali; għaliex huma sewwasew il‑patti li l‑Mulej għamel ma’ missirijietna; u dawn jinkludu lilna fiż‑żmien li ġej, kif ukoll lil ħutna li huma mid‑dar ta’ Iżrael.

7 U dan ifisser li se jasal iż‑żmien li wara li d‑dar kollha ta’ Iżrael tkun inxterdet u tħawwdet, u l‑Mulej Alla jqajjem ġens qawwi fost il‑Ġentili, iva, sewwasew fuq wiċċ din l‑art, in‑nisel tagħna sejjer jinxtered permezz tagħhom.

8 U wara li n‑nisel tagħna jinxtered il‑Mulej Alla sejjer jagħmel l‑għeġubijiet mal‑Ġentili, u dan se jkun ta’ gwadann kbir għal nisilna; għalhekk, hu bħallikieku jkun qisu qed jiġi mitmugħ mill‑Ġentili u qed jinġarr f’dirgħajhom u fuq spallejhom.

9 U se jkun ukoll ta’ gwadann għall‑Ġentili; u mhux biss għall‑Ġentili iżda għad‑dar kollha ta’ Iżrael, fejn jiġu mgħarrfa dwar il‑patti li l‑Missier tas‑smewwiet għamel ma’ Abraham meta qal: F’nislek jitbierku l‑ġnus kollha tal‑art.

10 U nixtieq, ħuti, li intom tkunu tafu li l‑ġnus kollha tal‑art ma jistgħux jitbierku sakemm hu ma jikxifx driegħu quddiem il‑ġnus.

11 Għalhekk, il‑Mulej Alla sejjer jikxef driegħu quddiem il‑ġnus kollha, biex iwassal il‑patti tiegħu u l‑evanġelju tiegħu lil dawk li huma mid‑dar ta’ Iżrael.

12 Għalhekk, hu jerġa’ joħroġhom mill‑jasar tal‑eżilju, u huma jinġabru flimkien fl‑artijiet ta’ wirthom; u jinħarġu mill‑oskurità u mid‑dlam; u huma jsiru jafu li l‑Mulej huwa s‑Salvatur tagħhom u l‑Feddej tagħhom, il‑Qawwi ta’ Iżrael.

13 U d‑demm ta’ dik il‑knisja kbira u moqżieża, li hi l‑prostituta tad‑dinja kollha, jerġa’ lura fuq rashom; għax huma jispiċċaw jiġġieldu bejniethom, u x‑xabla ta’ jdejhom tinżel fuq rashom, u huma jispiċċaw jiskru permezz ta’ demmhom stess.

14 U kull ġens li jiġġieled kontrik, O dar ta’ Iżrael, se jqum wieħed kontra l‑ieħor, u huma jaqgħu fil‑ħofra li huma stess ħaffru biex jonsbu lill‑poplu tal‑Mulej. U dawk kollha li jeħduha kontra Sijon sejrin jinqerdu, u dik il‑prostituta l‑kbira, li għawġet it‑triqat dritti tal‑Mulej, iva, dik il‑knisja kbira u moqżieża, se tikkrolla u se tispiċċa mal‑art u t‑tisbita li se tieħu se tkun waħda kbira.

15 Għax araw, jgħid il‑profeta, ma jdumx ma jasal iż‑żmien meta Satana ma jkollux aktar qawwa fuq qalb ulied il‑bnedmin; għax dalwaqt jasal il‑jum li fih il‑kburin kollha u dawk li jagħmlu l‑ħażen se jispiċċaw bħat‑tiben; u jasal il‑jum li fih ikollhom jinħarqu.

16 Għax dalwaqt jasal iż‑żmien meta l‑milja tal‑korla ta’ Alla sejra tissawwab fuq ulied il‑bnedmin kollha; għax hu ma jħallix li l‑ħżiena jeqirdu lit‑twajbin.

17 Għalhekk, huwa jippreserva lit‑twajbin permezz tal‑qawwa tiegħu, anke jekk jeħtieġlu li jsawwab il‑milja tal‑korla tiegħu, u t‑twajbin jiġu ppreservati, sakemm l‑għedewwa tagħhom jinqerdu bin‑nar. Għalhekk, it‑twajbin m’għandhomx m’inxiex jibżgħu; għax dan jgħid il‑profeta, huma jiġu salvati, anke minn ġon‑nar.

18 Araw, ħuti, jien ngħidilkom, li dawn il‑ħwejjeġ se jiġu dalwaqt; iva, anke id‑demm, u n‑nar, u d‑dħaħen kbar iridu jiġu; u jeħtieġ li dan kollu jiġi fis‑seħħ fuq wiċċ din l‑art; u l‑bnedmin jesperjenzaw dan skont il‑ġisem jekk huma jwebbsu qalbhom kontra l‑Qaddis ta’ Iżrael.

19 Għax araw, it‑twajbin mhumiex se jinqerdu; għax iż‑żmien żgur se jasal meta dawk kollha li jeħduha kontra Sijon sejrin jitqaċċtu.

20 U l‑Mulej żgur sejjer iwitti triq għall‑poplu tiegħu, biex jiġi fis‑seħħ il‑kliem li ddikjara Mosè meta qal: Il‑Mulej Alla tagħna jqajjmilkom profeta bħali; lilu isimgħu f’kull ma jgħidilkom. U jiġri li kull min ma jismax minn dan il‑profeta jinqata’ minn qalb il‑poplu.

21 U issa jien, Nefi, nistqarr magħkom, li dan il‑profeta li tkellem dwaru Mosè kien il‑Qaddis ta’ Iżrael; għalhekk, huwa se jagħmel ħaqq b’mod ġust.

22 U t‑twajbin m’għandhomx m’inxiex jibżgħu, għax huma se jkunu dawk li mhumiex sejrin jitħawwdu. Iżda hija s‑saltna tax‑xitan, li se tinbena fost ulied il‑bnedmin, liema saltna hi mwaqqfa fost dawk li huma fil‑ġisem—

23 Għax dalwaqt jasal iż‑żmien meta l‑knejjes kollha li huma mibnija sabiex jakkwistaw, u dawk kollha li huma mibnija biex jiksbu l‑poter fuq il‑ġisem, u dawk li huma mibnija biex isiru popolari f’għajnejn id‑dinja, u dawk li jfittxu l‑ġibdiet ħżiena tal‑ġisem u l‑ħwejjeġ tad‑dinja, u jwettqu kull xorta ta’ ħażen; iva, f’kelma waħda, dawk kollha li jappartjenu għas‑saltna tax‑xitan huma dawk illi għandhom għalfejn jibżgħu, u jitkexkxu u jitriegħdu; huma dawk li jeħtieġ li jiġu msikkta fit‑trab; huma dawk li jeħtieġ jinħarqu bħat‑tiben; u dan skont kliem il‑profeta.

24 U ma jdumx ma jasal iż‑żmien meta t‑twajbin jittieħdu bħal għoġġiela tal‑mandra, u l‑Qaddis ta’ Iżrael se jsaltan b’setgħa, b’saħħa, u b’qawwa, u glorja kbira.

25 U hu jiġbor lil uliedu mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja; u hu jgħodd lin‑nagħaġ tiegħu, u huma jagħrfuh; u jkun hemm merħla waħda u ragħaj wieħed; u hu jirgħa n‑nagħaġ tiegħu, u fih huma jsibu mergħa.

26 U minħabba t‑tjieba tal‑poplu tiegħu, Satana ma jkollu l‑ebda setgħa; għalhekk, hu ma jkunx jista’ jinħall għal perjodu ta’ ħafna snin; għax hu m’għandu l‑ebda qawwa fuq qlub in‑nies, għax huma jgħammru fis‑sewwa, u l‑Qaddis ta’ Iżrael isaltan.

27 U issa araw, jien, Nefi, ngħidilkom li dan kollu għandu jseħħ skont il‑ġisem.

28 Iżda, araw, kull ġens, tribù, ilsien, u poplu sejjer jgħammar b’moħħu mistrieħ mal‑Qaddis ta’ Iżrael jekk huwa jindem.

29 U issa jien, Nefi, se nieqaf hawn; għax ma nazzardax nitkellem aktar dwar dawn il‑ħwejjeġ.

30 Għalhekk, ħuti, nixtieq li intom tagħrfu li l‑ħwejjeġ li ġew miktubin fuq il‑pjanċi tal‑bronż huma vera; u huma jixhdu li bniedem jeħtieġ li jkun ubbidjenti lejn il‑kmandamenti ta’ Alla.

31 Għalhekk, ara taħsbu li jien u missieri aħna l‑uniċi nies li xhedna dwarhom u għallimnihom. Għalhekk, jekk intom tkunu ubbidjenti lejn il‑kmandamenti, u tibqgħu żżommu sħiħ sal‑aħħar, intom issalvaw fl‑aħħar jum. U hekk hu. Ammen.