Skrittura
1 Nefi 7


Kapitlu 7

Ulied Leħi jerġgħu lura Ġerusalemm u jistiednu lil Ismagħel u lil daru biex jingħaqdu magħhom fil‑vjaġġ tagħhom—Laman u oħrajn jirvellaw—Nefi jħeġġeġ lil ħutu biex jafdaw fil‑Mulej—Huma jorbtuh bil‑ħbula u jippjanaw li jeqirduh—Hu jinħeles bil‑qawwa tal‑fidi—Ħutu jitolbu l‑maħfra—Leħi u min kellu miegħu joffru s‑sagrifiċċju u s‑sagrifiċċji tal‑ħruq. Madwar 600–592 Q.K.

1 U issa nixtieq li intom tkunu tafu, li wara li missieri, Leħi, waqaf iħabbar dwar in‑nisel tiegħu, ġara li reġa’ kellmu l‑Mulej, u qallu li mhux sewwa li hu, Leħi, jieħu l‑familja tiegħu fid‑deżert weħidhom; iżda li wliedu s‑subien għandhom jieħdu wlied bniet b’marthom, ħalli huma jkunu jistgħu jnisslu wlied għall‑Mulej fl‑art imwiegħda.

2 U ġara li l‑Mulej ordnalu li jien, Nefi, u ħuti, kellna nerġgħu lura fl‑art ta’ Ġerusalemm, u nġibu magħna lil Ismagħel u lill‑familja tiegħu fid‑deżert.

3 U ġara li jien, Nefi, erġajt, flimkien ma’ ħuti, mort fid‑deżert ħalli nitla’ lejn Ġerusalemm.

4 U ġara li aħna morna fid‑dar ta’ Ismagħel, u aħna sibna grazzja f’għajnejn Ismagħel, hekk li qsamna miegħu kliem il‑Mulej.

5 U ġara li l‑Mulej rattab il‑qalb ta’ Ismagħel, kif ukoll ta’ daru, hekk li huma niżlu magħna fid‑deżert sat‑tinda ta’ missierna.

6 U ġara li hekk kif konna mexjin fid‑deżert, araw Laman u Lemwel, u tnejn mill‑ulied bniet ta’ Ismagħel, u ż‑żewġ ulied subien ta’ Ismagħel u l‑familji tagħhom, qamu kontrina; iva, kontrija, Nefi, u kontra Sam, u kontra missierhom, Ismagħel, u martu, u t‑tlett ibniet l‑oħra tiegħu.

7 U ġara li f’dan l‑irvell, huma xtaqu li nerġgħu lura fl‑art ta’ Ġerusalemm.

8 U issa jien, Nefi, imnikket għall‑aħħar minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom, għalhekk jien tkellimt magħhom u għidt, iva, sewwasew lil Laman u lil Lemwel: Araw intom ħuti l‑kbar, imma għalfejn din l‑ebusija kollha f’qalbkom, u din l‑għama kollha f’moħħkom, li hemm bżonn li jien, ħukom iż‑żgħir, inkellimkom, iva, u nagħtikom eżempju?

9 Kif ma smajtux mill‑kelma tal‑Mulej?

10 Kif insejtu li intom rajtu anġlu tal‑Mulej?

11 Iva, imma kif insejtu kemm għamel ħwejjeġ kbar għalina l‑Mulej, li ħelisna minn idejn Laban, kif ukoll li kellna niksbu l‑annali?

12 Iva, imma kif insejtu li l‑Mulej jista’ jagħmel kollox skont ir‑rieda tiegħu, għal ulied il‑bnedmin, jekk huma jeżeritaw il‑fidi fih? Għalhekk, ejjew inkunu fidili lejh.

13 U jekk inkunu fidili lejh, aħna għandna niksbu l‑art imwiegħda; u intom tkunu tafu f’xi żmien futur li l‑kelma tal‑Mulej dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm se tiġi fis‑seħħ; għax dak kollu li l‑Mulej qal dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm għandu jiġi fis‑seħħ.

14 Għax araw, l‑Ispirtu tal‑Mulej ma jdumx ma jieqaf jgħammar magħhom; għax araw, huma warrbu lill‑profeti, u lil Ġeremija tefgħuh fil‑ħabs. U huma ppruvaw joqtlu lil missieri, hekk li wassluh biex jitlaq mill‑pajjiż.

15 Issa araw, jien ngħidilkom li jekk intom terġgħu lura Ġerusalemm intom ukoll tinqerdu magħhom. U issa, jekk din hi l‑għażla tagħkom, itilgħu fil‑pajjiż, u ftakru fil‑kliem li qed ngħidilkom, li jekk intom tmorru intom ukoll tinqerdu; għax hekk riedni ngħid l‑Ispirtu tal‑Mulej.

16 U ġara li meta jien, Nefi, għidt dan il‑kliem lil ħuti, huma ħaduha kontrija. U ġara li huma refgħu idejhom fuqi, għax araw, huma nkorlaw bis‑sħiħ, u rabtuni bil‑ħbula, għax ippruvaw ineħħuli ħajti, biex iħalluni fid‑deżert ħalli jikluni l‑bhejjem selvaġġi.

17 Iżda ġara li jien tlabt lill‑Mulej, u għidt: O Mulej, skont il‑fidi tiegħi li hija fik, se teħlisni minn idejn ħuti; iva, se tagħtini sewwasew il‑qawwa li jiena nqatta’ dawn il‑ħbula li ninsab marbut bihom.

18 U ġara li meta jien għidt dan il‑kliem, araw, inħall l‑irbit minn idejja u riġlejja, u jien waqaft quddiem ħuti, u erġajt kellimthom.

19 U ġara li huma reġgħu mtlew bil‑korla għalija, u ppruvaw jerfgħu jdejhom fuqi; iżda araw, waħda mill‑ulied bniet ta’ Ismagħel, iva, kif ukoll ommha, u wieħed mill‑ulied subien ta’ Ismagħel, kellmu lil ħuti, tant li huma rattbu qalbhom; u ma komplewx jippruvaw ineħħuli ħajti.

20 U ġara li huma sewwdu qalbhom, minħabba ħżunithom, hekk li nxteħtu wiċċhom fl‑art quddiemi, u talbuni biex naħfrilhom ta’ dak li għamluli.

21 U ġara li jien ħfirtilhom dak kollu li għamlu, u ħeġġiġthom biex jitolbu lill‑Mulej Alla tagħhom għall‑maħfra. U ġara li huma għamlu dan. U wara li waqfu jitolbu lill‑Mulej aħna erġajna tlaqna fi triqtna lejn it‑tinda ta’ missierna.

22 U ġara li aħna nżilna lejn it‑tinda ta’ missierna. U wara li jien u ħuti u d‑dar kollha ta’ Ismagħel inżilna lejn it‑tinda ta’ missieri, huma raddew ħajr lill‑Mulej Alla tagħhom; u offrewlu sagrifiċċju u sagrifiċċji tal‑ħruq.