Skrittura
3 Nefi 13


Kapitlu 13

Ġesù jgħallem lin‑Nefiti t‑Talba tal‑Mulej—Huma għandhom iġemmgħu teżori fis‑smewwiet—Fil‑ministeru tagħhom it‑tnax‑il dixxiplu huma ordnati biex ma joqogħdux iħabblu rashom dwar ħwejjeġ temporali—Qabbel Mattew 6. Madwar W.K. 34.

1 Tassew, tassew, ngħidilkom li għandkom tagħmlu karità mal‑foqra; iżda qisu li l‑għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in‑nies, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis‑smewwiet.

2 Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it‑trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis‑sinagogi u fit‑triqat, biex in‑nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l‑ħlas tagħhom ġa ħaduh.

3 Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix‑xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il‑leminija;

4 Biex hekk il‑karità tiegħek issir fil‑moħbi; u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.

5 U meta titolbu, tagħmlux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bilwieqfa fis‑sinagogi u f’salib it‑toroq, biex jidhru quddiem in‑nies. Tassew, ngħidilkom, li l‑ħlas tagħhom ġa ħaduh.

6 Iżda int, meta titlob, idħol fil‑kamra tiegħek ta’ ġewwa, agħlaq il‑bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil‑moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil‑moħbi, iroddlok hu.

7 Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall‑pagani, għax dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.

8 Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom.

9 Mela itolbu hekk: Missierna, li inti fis‑smewwiet, jitqaddes ismek.

10 Ikun li trid int, kif fis‑sema, hekkda fl‑art.

11 Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

12 Begħidna mit‑tiġrib, u eħlisna mid‑deni.

13 Għax tiegħek hi s‑saltna, u l‑qawwa u l‑glorja, għal dejjem. Ammen.

14 Għax jekk intom taħfru lill‑bnedmin il‑ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis‑smewwiet jaħfer lilkom ukoll;

15 Iżda jekk intom ma taħfrux lill‑bnedmin il‑ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il‑ħtijiet tagħkom.

16 Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in‑nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l‑ħlas tagħhom ġa ħaduh.

17 Iżda int, meta tkun sajjem, idlek rasek u aħsel wiċċek;

18 Biex mhux quddiem in‑nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil‑moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil‑moħbi, iroddlok hu.

19 Tgeddsux għalikom teżori f’din id‑dinja, fejn kollox jitmermer bil‑kamla u s‑sadid, u fejn il‑ħallelin jinfdu u jisirqu;

20 Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis‑sema, fejn xejn ma jitmermer, la bil‑kamla u lanqas bis‑sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu.

21 Għax fejn hemm it‑teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.

22 Il‑musbieħ tal‑ġisem hija l‑għajn; jekk mela għajnek hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal.

23 Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek kollu jkun mudlam. Mela jekk id‑dawl li hemm fik huwa dlam, kemm aktar id‑dlam!

24 Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill‑ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill‑ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lil Mammona.

25 U issa ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa ħares lejn it‑tnax li huwa għażel, u qalilhom: Ftakru fil‑kliem li jien għidt. Għax araw, intom huma dawk li jien għażilt biex jaqdu lil dan il‑poplu. Għalhekk ngħidilkom, tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’se tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il‑ħajja mhijiex aqwa mill‑ikel, u l‑ġisem aqwa mill‑ilbies?

26 Ħarsu lejn l‑għasafar tas‑sema, la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl‑imħażen; u madankollu Missierkom li hu fis‑smewwiet jitmagħhom. Intom ma tiswewx aktar minnhom?

27 U min minnkom, bl‑inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal l‑istatura tiegħu mqar b’driegħ wieħed?

28 U għall‑ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il‑ġilji tal‑għelieqi, kif jikbru; u la jitħabtu u lanqas jinsġu;

29 Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil‑glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.

30 Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil‑forn, l‑istess ilibbes lilkom, jekk ma tkunux nies ta’ fidi ċkejkna.

31 Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, X’se nieklu? jew, X’se nixorbu? jew, X’se nilbsu?

32 Għax Missierkom li hu fis‑smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh.

33 Mela fittxu l‑ewwel is‑saltna u l‑ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.

34 Mela toqogħdux tħabblu raskom għal għada, għax il‑jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall‑jum it‑taħbit tal‑ġurnata.