Skrittura
3 Nefi 17


Kapitlu 17

Ġesù jitlob lin‑nies sabiex jixtarru kliemu u jitolbu ħalli jifhmuh—Huwa jfejjaq lill‑morda—Hu jitlob għan‑nies, u juża lingwaġġ li ma jistax jinkiteb—L‑anġli jaqdu liċ‑ċkejknin tagħhom li jispiċċaw imdawrin bil‑fjammi tan‑nar. Madwar W.K. 34.

1 Araw, issa ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa reġa’ tefa’ ħarstu fuq il‑miġemgħa, u qalilhom: Araw, is‑siegħa tiegħi waslet.

2 Qed nara li intom nies dgħajfin, li ma tistgħux tifhmu l‑kliem kollu li jiena għidt, liema kliem il‑Missier ordnali biex ngħidilkom bħalissa.

3 Għalhekk, morru fi djarkom, u xtarru dwar il‑ħwejjeġ li jiena għidt, u itolbu lill‑Missier, f’ismi, ħalli tkunu tistgħu tifhmu, u tħejju moħħkom għal għada, u jien nerġa’ niġi nżurkom.

4 Iżda issa jien sejjer għand il‑Missier, kif ukoll sejjer nuri lili nnifsi lit‑tribujiet mitlufa ta’ Iżrael, għaliex għall‑Missier mhumiex mitlufa, għax hu jaf fejn ħadhom.

5 U ġara li meta Ġesù qal dan, huwa reġa’ xeħet ħarstu fuq il‑miġemgħa, u ra li huma kienu bid‑dmugħ f’għajnejhom, u bdew iħarsu bla heda lejh bħallikieku qed jitolbuh biex jibqa’ ftit ieħor magħhom.

6 U huwa qalilhom: Araw, jiena mimli kompassjoni lejkom.

7 Hemm xi ħadd marid fostkom? Ġibuh hawn. Hemm min hu magħtub, jew għami, jew zopp, jew imġiddem, jew mifluġ, jew li hu trux, jew b’xi mod qed isofri? Ġibuh hawn u jien infejqu, għax jien għandi kompassjoni lejkom; jiena kollni ħniena.

8 Għax qed nara li intom tixtiequ li jien nurikom dak li jien għamilt ma’ ħutkom f’Ġerusalemm, għax nista’ nara li l‑fidi tagħkom hi biżżejjed biex jiena nfejjaqkom.

9 U ġara li meta huwa qal dan, dawk kollha li kienu parti mill‑miġemgħa, marru flimkien mal‑morda tagħhom, u l‑imsejkna tagħhom, u l‑magħtuba tagħhom, u l‑għomja tagħhom, u l‑imbikkmin tagħhom, u ma’ dawk kollha li b’xi mod kienu qed ibatu; u huwa fejjaqhom ilkoll hekk kif bdew jinġiebu quddiemu.

10 U huma lkoll, kemm dawk li ġew imfejqa kif ukoll dawk li kienu b’saħħihtom, inxteħtu madwar riġlejh, u bdew iqimuh; u dawk kollha li resqu lejh minn fost il‑miġemgħa bdew ibusulu riġlejh, hekk li spiċċaw ħasslulu riġlejh bid‑dmugħ tagħhom.

11 U ġara li huwa ordnalhom biex iġibu quddiemu lit‑tfal ċkejknin tagħhom.

12 Għalhekk huma marru u ġabu liċ‑ċkejknin tagħhom u poġġewhom mal‑art madwaru, u Ġesù waqaf f’nofshom; u l‑miġemgħa għamlet il‑wisa’ biex ilkoll jinġiebu quddiemu.

13 U ġara li meta nġiebu lkoll quddiemu, u Ġesù kien wieqaf f’nofshom, huwa ordna lill‑miġemgħa biex jinżlu għarkupptejhom mal‑art.

14 U ġara li meta huma niżlu għarkupptejhom mal‑art, Ġesù ħassu jitqanqal fih innifsu, u qal: Missier, inħossni mnikket minħabba l‑ħażen tal‑poplu li ġej mid‑dar ta’ Iżrael.

15 U meta huwa qal dan il‑kliem, huwa wkoll inxteħet għarkupptejh mal‑art; u araw huwa beda jitlob lill‑Missier, u l‑ħwejjeġ li huwa talab ma jistgħux jinkitbu, u dawk kollha fost il‑miġemgħa li semgħuh taw xhieda ta’ dan.

16 U din kienet ix‑xhieda li huma taw: L‑ebda għajn qatt ma rat, u l‑ebda widna qatt ma semgħet qabel, ħwejjeġ daqstant kbar u tal‑għaġeb daqs il‑ħwejjeġ li aħna rajna u smajna lil Ġesù jgħid lill‑Missier;

17 U l‑ebda lsien ma jista’ jlissen, u l‑ebda bniedem ma jista’ jikteb, u l‑ebda qalb ta’ bniedem ma tista’ timmaġina ħwejjeġ daqstant kbar u tal‑għaġeb daqs il‑ħwejjeġ li aħna smajna u rajna lil Ġesù jgħid; u ħadd ma jista’ jimmaġina x’hena kbira mliet lil ruħna fil‑mument li aħna smajnieh jitlob lill‑Missier għalina.

18 U ġara li meta Ġesù waqaf jitlob lill‑Missier, huwa qam bilwieqfa; iżda dawk li kienu fil‑miġemgħa tant ħassew fihom hena kbira li baqgħu hemm bla ma ċċaqalqu.

19 U ġara li Ġesù reġa’ kellimhom, u talabhom biex iqumu minn mal‑art.

20 U huma qamu minn mal‑art, u huwa qalilhom: Henjin intom minħabba l‑fidi tagħkom. U issa araw, dan jimlieni b’hena kbira.

21 U meta huwa qal dan il‑kliem, huwa beka, u l‑miġemgħa taw xhieda ta’ dan, u huwa ħa lit‑tfal ċkejknin tagħhom, wieħed wieħed, u berikhom u talab lill‑Missier għalihom.

22 U meta għamel dan huwa reġa’ beka għal darb’oħra;

23 U huwa kellem lill‑miġemgħa, u qalilhom: Ħarsu lejn iċ‑ċkejknin tagħkom.

24 U hekk kif daru biex iħarsu lejhom, huma xeħtu għajnejhom lejn is‑sema, u raw is‑smewwiet jinfetħu, u raw l‑anġli neżlin mis‑sema bħallikieku kienu mdawwrin bil‑fjammi tan‑nar; u huma niżlu u daru ma’ dawk iċ‑ċkejknin, u huma kienu jinsabu mdawrin bil‑fjammi tan‑nar; u bdew iservuhom l‑anġli.

25 U l‑miġemgħa rat u semgħet u tat xhieda ta’ dan; u huma jafu li x‑xhieda tagħhom hija vera għax huma lkoll raw u semgħu dan, kull wieħed għalih innifsu; u b’kollox kienu jgħoddu madwar elfejn u ħames mitt ruħ; u kienu jikkonsistu minn irġiel, nisa, u tfal.