Skrittura
3 Nefi 19


Kapitlu 19

It‑tnax‑il dixxiplu jaqdu lill‑poplu u jitolbu għall‑Ispirtu s‑Santu—Id‑dixxipli jiġu mgħammda u jirċievu l‑Ispirtu s‑Santu u l‑qadi tal‑anġli—Ġesù jitlob bi kliem li ma jistax jinkiteb—Huwa jixhed dwar il‑fidi mill‑aktar kbira ta’ dawn in‑Nefiti. Madwar W.K. 34.

1 U issa ġara li meta Ġesù tela’ s‑sema, il‑miġemgħa bdiet tinfirex, u kull raġel ħa lil martu u lil uliedu u telaq lura lejn daru.

2 U ma damitx ma nxterdet l‑aħbar mal‑pajjiż kollu, meta bilkemm kien għoddu dalam, li l‑miġemgħa kienet rat lil Ġesù, u li lilhom huwa beda jaqdi, u li anke l‑għada huwa kien se juri lilu nnifsu lill‑miġemgħa.

3 Iva, u anke matul il‑lejl, l‑aħbar dwar Ġesù kompliet tinxtered ma’ kullimkien; u l‑aħbar xandruha b’tali mod li kienu ħafna n‑nies, iva, kotra kbira ta’ nies, li għaddew il‑lejl kollu jaħdmu qatigħ biex l‑għada filgħodu huma jkunu fil‑post fejn Ġesù kellu juri lilu nnifsu lill‑miġemgħa.

4 U ġara li l‑għada, meta l‑miġemgħa kienet miġbura flimkien, araw, Nefi u ħuh, li huwa kien qajjem mill‑mewt, li kien jismu Timotju, kif ukoll ibnu, li kien jismu Ġona, kif ukoll Mathoni, u ħuh Mathonija, u Kumen, u Kumenonhi, u Ġeremija, u Xemnon, u Ġona, u Sedekija, u Isaija—issa dawn kienu l‑ismijiet tad‑dixxipli li kien għażel Ġesù—ġara li huma marru u waqfu f’nofs il‑miġemgħa.

5 U araw, tant kienet kbira l‑miġemgħa li huma ordnawlhom sabiex jinqasmu fi tnax‑il grupp.

6 U t‑tnax bdew jgħallmu lill‑miġemgħa; u araw, huma ordnaw lill‑miġemgħa biex jinżlu għarkupptejhom mal‑art, u jitolbu lill‑Missier f’isem Ġesù.

7 U d‑dixxipli wkoll bdew jitolbu lill‑Missier f’isem Ġesù. U ġara li huma qamu minn mal‑art u bdew iservu lin‑nies.

8 U meta huma għallmu l‑istess kliem li kien qal Ġesù—bla ma bidlu xejn mill‑kliem li kien qal Ġesù—araw, huma reġgħu niżlu għarkupptejhom u bdew jitolbu lill‑Missier f’isem Ġesù.

9 U huma bdew jitolbu għal dak li xtaqu l‑aktar; u huma kellhom ix‑xewqa li jingħatalhom l‑Ispirtu s‑Santu.

10 U meta waqfu jitolbu huma niżlu fil‑post fejn kien jibda l‑ilma, u l‑miġemgħa mxiet warajhom.

11 U ġara li Nefi niżel fl‑ilma u tgħammed.

12 U huwa ħareġ mill‑ilma u beda jgħammed. U huwa għammed lil dawk kollha li Ġesù kien għażel.

13 U ġara li meta tgħammdu lkoll u ħarġu ’l barra mill‑ilma, l‑Ispirtu s‑Santu niżel fuqhom, u huma mtlew bl‑Ispirtu s‑Santu u bin‑nar.

14 U araw, huma spiċċaw imdawrin bħallikieku bin‑nar minn kullimkien; liema nar niżel mis‑sema, u l‑miġemgħa rat dan kollu, u tat xhieda ta’ dan; u l‑anġli niżlu mis‑sema u bdew jaqduhom.

15 U ġara li waqt li l‑anġli kienu qed jaqdu lid‑dixxipli, araw, ġie Ġesù u waqaf f’nofshom u lilhom beda jaqdi.

16 U ġara li huwa kellem lill‑miġemgħa, u ordnalhom sabiex jerġgħu jinżlu għarkupptejhom mal‑art, u anke lid‑dixxipli tiegħu ordnalhom biex jinżlu għarkupptejhom mal‑art.

17 U ġara li meta huma lkoll niżlu għarkupptejhom mal‑art, huwa ordna lid‑dixxipli tiegħu biex jibdew jitolbu.

18 U araw, huma bdew jitolbu; u huma talbu lil Ġesù, fejn indirizzawh bħala l‑Mulej u Alla tagħhom.

19 U ġara li Ġesù telaq minn nofshom, u mar ftit ’il bogħod minnhom u nxteħet wiċċu fl‑art u qal:

20 Missier, inroddlok ħajr li inti tajt l‑Ispirtu s‑Santu lil dawn in‑nies li jien għażilt; u hu minħabba l‑fidi tagħhom fija li jien għażilthom minn fost id‑dinja.

21 Missier, nitolbok sabiex tagħti l‑Ispirtu s‑Santu lil dawk kollha li jemmnu fi kliemhom.

22 Missier, inti tajthom l‑Ispirtu s‑Santu għaliex huma jemmnu fija; u inti qed tara li huma jemmnu fija għax qed tismagħhom, u huma qed jitolbu lili; u qed jitolbu lili għax ninsab magħhom.

23 U issa Missier, lilek jiena nitlob għalihom, kif ukoll għal dawk kollha li jemmnu fi kliemhom, biex huma jkunu jistgħu jemmnu fija, ħalli jiena nkun nista’ nkun fihom kif inti, Missier, tinsab fija, biex inkunu nistgħu nkunu ħaġa waħda.

24 U ġara li meta Ġesù talab lill‑Missier, huwa resaq lejn id‑dixxipli tiegħu, u araw, huma kienu għadhom qed jitolbu lilu bla waqfien; u huma ma bdewx jirrepetu ħafna kliem, għax lilhom ingħatalhom x’għandhom jitolbu, u fihom nibtet tama kbira.

25 U ġara li waqt li huma bdew jitolbu lil Ġesù, huwa berikhom; u ħares lejhom bi tbissima fuq wiċċu, u d‑dija ta’ wiċċu bdiet tiddi fuqhom, u araw huma dehru bojod daqs id‑dehra ta’ wiċċu kif ukoll daqs ilbies Ġesù; u araw din il‑bjuda kollha kienet tiżboq kull bjuda oħra, iva, sewwasew ma kien hemm xejn fuq l‑art aktar bajdani minn din il‑bjuda.

26 U Ġesù qalilhom: Komplu itolbu; u huma ma waqfux jitolbu.

27 U huwa reġa’ telaq minn ħdejhom, u mar ftit ’il bogħod u nxteħet wiċċu fl‑art; u reġa’ beda jitlob lill‑Missier u jgħid:

28 Missier, inroddlok ħajr talli inti naddaft lil dawk li jiena għażilt, minħabba l‑fidi tagħhom, u jiena nitlob għalihom, kif ukoll għal dawk li jemmnu fi kliemhom, ħalli huma jkunu jistgħu jitnaddfu permezz tiegħi, jekk huma jemmnu fi kliemhom, l‑istess kif huma ġew imnaddfin permezz tiegħi.

29 Missier, jiena m’iniex se nitlob għad‑dinja, iżda għal dawk li inti tajtni billi ħriġthom mid‑dinja, minħabba l‑fidi tagħhom, ħalli huma jkunu jistgħu jitnaddfu permezz tiegħi, ħalli jiena nkun nista’ nkun fihom kif inti, Missier, tinsab fija, biex inkunu nistgħu nkunu ħaġa waħda, ħalli permezz tagħhom jiena nkun igglorifikat.

30 U meta Ġesù qal dan il‑kliem huwa reġa’ mar ħdejn id‑dixxipli tiegħu; u araw, huma kienu qed jitolbuh bla heda, mingħajr waqfien; u huwa reġa’ ħares lejhom bi tbissima fuq wiċċu; u araw huma dehru bojod, l‑istess bħal Ġesù.

31 U ġara li huwa mar ftit ’il bogħod minnhom u talab lill‑Missier;

32 U l‑ebda lsien ma jista’ jlissen il‑kliem li huwa talab, u l‑ebda bniedem ma jista’ jikteb il‑kliem li huwa talab.

33 U dawk li kienu fost il‑miġemgħa semgħuh u taw xhieda ta’ dan; u qalbhom infetħet u huma fehmu f’qalbhom il‑kliem li huwa talab.

34 Madankollu, il‑kliem li huwa talab tant kien kbir u tal‑għaġeb li ma jistax jinkiteb, u l‑ebda bniedem ma jista’ jlissnu.

35 U ġara li meta Ġesù waqaf jitlob huwa reġa’ mar ħdejn id‑dixxipli u qalilhom: Fidi daqshekk kbira jiena qatt ma rajt fost il‑Lhud kollha; għalhekk lilhom jiena ma stajtx nuri mirakli daqstant kbar, minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom.

36 Tassew ngħidilkom, ħadd fosthom qatt ma ra ħwejjeġ daqstant kbar kif rajtu intom; u ħadd minnhom qatt ma sema’ ħwejjeġ daqstant kbar kif smajtu intom.