Skrittura
3 Nefi 21


Kapitlu 21

Iżrael se jinġabar flimkien meta jiġi ppubblikat il‑Ktieb ta’ Mormon—Il‑Ġentili se jibdew jgħammru fl‑Amerika bħala poplu ħieles—Jekk huma jemmnu u jobdu huma jsalvaw; jekk le, huma jiġu mwarrba u meqruda—Iżrael sejjer jibni l‑Ġerusalemm il‑Ġdida, u t‑tribujiet mitlufa se jerġgħu lura. Madwar W.K. 34.

1 U tassew ngħidilkom, jiena nagħtikom sinjal, ħalli intom tkunu tafu meta jkunu se jseħħu dawn il‑ħwejjeġ—meta jiena se niġbor flimkien, wara żmien twil imxerred, lill‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael, u se nerġa’ nwaqqaf mill‑ġdid il‑Sijon tiegħi fosthom;

2 U araw, din hi l‑ħaġa li jiena se nagħtikom bħala sinjal—għax tassew ngħidilkom li meta dawn il‑ħwejjeġ, li jiena qed inxandrilkom, u li minn issa ’l quddiem sejjer nxandrilkom jiena stess u permezz tal‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu li se tingħata lilkom mill‑Missier, meta huma se jiġu żvelati lill‑Ġentili biex huma jkunu jafu dwar dan il‑poplu li hu fdal tad‑dar ta’ Ġakobb, u dwar dan il‑poplu tiegħi li se jiġi mxerred minnhom;

3 Tassew, tassew, ngħidilkom, meta dawn il‑ħwejjeġ se jiġu żvelati lilhom mill‑Missier, u li se jiġu mingħand il‑Missier, mingħandhom għal għandkom;

4 Għax huwa għerf fil‑Missier li huma jibdew jgħammru f’din l‑art, u jagħmlu dan bħala poplu ħieles bil‑qawwa tal‑Missier, biex dawn il‑ħwejjeġ ikunu jistgħu jgħaddu mingħandhom għal għand wieħed mill‑fdalijiet ta’ nislek, biex il‑patt tal‑Missier ikun jista’ jiġi fis‑seħħ, liema patt huwa għamel mal‑poplu tiegħu, O dar ta’ Iżrael;

5 Għalhekk, meta dawn il‑ħwejjeġ u l‑ħwejjeġ li se jwettqu l‑Ġentili minn issa ’l quddiem fost nisilkom, li ftit, ftit se jispiċċa jitlef il‑fidi minħabba l‑ħażen;

6 Għax hija r‑rieda tal‑Missier li dan iseħħ mill‑Ġentili, ħalli huwa jkun jista’ juri l‑qawwa tiegħu lill‑Ġentili, biex b’hekk il‑Ġentili, jekk huma ma jwebbsux qalbhom, u jekk huma jindmu u jiġu għandi u jitgħammdu f’ismi u jitgħallmu l‑punti vera tad‑duttrina tiegħi, huma jkunu jistgħu jingħaddu fost il‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael;

7 U meta dawn il‑ħwejjeġ jiġu fis‑seħħ u nislek jibda jagħraf dawn il‑ħwejjeġ—dan se jkun għalihom sinjal, biex huma jkunu jafu li l‑ħidma tal‑Missier diġà bdiet titwettaq ħalli jiġi fis‑seħħ il‑patt li huwa għamel man‑nies li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael.

8 U meta jasal dak il‑jum, se jiġri li s‑slaten jagħlqu ħalqhom; għax huma għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet; u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.

9 Għax f’dak il‑jum, minħabba fija l‑Missier se jwettaq ħidma, li se tkun ħidma kbira u tal‑għaġeb li huwa se jwettaq fosthom; u fosthom se jkun hemm min mhux se jemmen dan, minkejja li se jkun hemm min se jgħidilhom b’dan.

10 Iżda araw, il‑ħajja tal‑qaddej tiegħi se tkun f’idejja; għalhekk lilu mhu se jagħmlulu xejn, minkejja li huwa se jitħassar minħabba fihom. Madankollu jiena se nfejqu, għax jien se nurihom li l‑għerf tiegħi huwa akbar mill‑ħażen tax‑xitan.

11 Għalhekk għad jiġri li kull min ma jemminx fil‑kliem li ngħid jiena, Ġesù Kristu, liema kliem il‑Missier se jordnalu biex iwasslu għand il‑Ġentili, u li lilu jagħtih qawwa li jwasslu fost il‑Ġentili, (dan se jseħħ sewwasew kif qal Mosè) huwa se jinqata’ minn fost il‑poplu tiegħi li huwa l‑poplu tal‑patt.

12 U l‑poplu tiegħi li huwa fdal ta’ Ġakobb se jmur fost il‑Ġentili, iva, se jmur fosthom bħal iljun qalb il‑bhejjem tal‑foresta, bħal ferħ ta’ ljun fost merħliet ta’ nagħaġ, li, meta jgħaddi, jgħaffeġ u jqatta’, u ħadd ma jeħlisha minn taħt idejh.

13 Ħa tintrefa’ jdejhom kontra min jeħodha magħhom, u jintemmu l‑għedewwa kollha tagħhom.

14 Iva, ħażin ikun għalihom il‑Ġentili jekk huma ma jindmux; għax għad jiġri f’dak il‑jum, jgħid il‑Missier, li jiena ntemm iż‑żwiemel tiegħek minn ġo nofsok, u neqred il‑karrijiet tiegħek;

15 U ntemm il‑bliet ta’ pajjiżek, u nġarraf is‑swar tiegħek kollha;

16 U ntemm kull seħer minn artek, u bassara ma jkollokx iżjed;

17 Jiena nkisser ix‑xbihat minquxa u l‑istatwi tiegħek minn ġo nofsok, u l‑għemejjel ta’ jdejk ma tqimx aktar;

18 U l‑imsaġar tiegħek inqaċċat minn nofsok; u neqred ukoll blietek.

19 U jiġri li għad jgħib kull gideb, u qerq, u għira, u ġlied, u frodi saċerdotali, u żína.

20 Għaliex għad jiġri, jgħid il‑Missier, li dakinhar, kull min ma jindimx u ma jersaqx lejn Ibni l‑Għażiż, lilu jiena nwarrab minn fost il‑poplu tiegħi, O dar ta’ Iżrael;

21 U b’korla u saħna kbira nitħallas minnhom, l‑istess bħalma nitħallas mill‑ġnus, b’mod li bih ħadd ma sema’ qabel.

22 Iżda jekk huma jindmu u jagħtu widen għal kliemi, u ma jwebbsux qalbhom, jiena nwaqqaf il‑knisja tiegħi fosthom, u huma jidħlu fil‑patt u jiġu magħduda fost dan il‑fdal ta’ Ġakobb, li lilu jiena tajt din l‑art bħala wirtu;

23 U huma sejrin ikunu ta’ għajnuna għall‑poplu tiegħi, il‑fdal ta’ Ġakobb, kif ukoll għal dawk kollha li sejrin jiġu minn fost id‑dar ta’ Iżrael; ħalli huma jkunu jistgħu jibnu belt li se jkun jisimha Ġerusalemm il‑Ġdida.

24 U mbagħad huma se jkunu ta’ għajnuna għall‑poplu tiegħi biex huma, li jinsabu mxerrdin ma’ wiċċ l‑art kollha, jinġabru f’Ġerusalemm il‑Ġdida.

25 U mbagħad il‑qawwa tas‑smewwiet tinżel fosthom; u jien ukoll inkun f’nofshom.

26 U mbagħad f’dak il‑jum jingħata bidu għall‑ħidma tal‑Missier, sewwasew meta dan l‑evanġelju jiġi mxandar fost il‑fdal ta’ dan il‑poplu. Tassew ngħidilkom, li f’dak il‑jum jingħata bidu għall‑ħidma tal‑Missier fost in‑nies tiegħi kollha li jinsabu mferrxin, iva, sewwasew fost it‑tribujiet li spiċċaw intilfu, li l‑Missier mexxa ’l barra minn Ġerusalemm.

27 Iva, sejjer jingħata bidu għal ħidma mill‑Missier fost in‑nies tiegħi li jinsabu mferrxin sabiex huwa jħejji l‑mod kif huma jistgħu jiġu għandi, ħalli huma jkunu jistgħu jitolbu lill‑Missier f’ismi.

28 Iva, u mbagħad jingħata bidu għall‑ħidma tal‑Missier fost il‑ġnus kollha biex huwa jħejji l‑mod kif in‑nies tiegħu jkunu jistgħu jinġabru f’darhom ġewwa l‑art ta’ wirthom.

29 U huma se jitilqu mill‑ġnus kollha; u huma la se jitilqu b’għaġla, u lanqas bil‑ħarba, għax quddiemhom jiena nimxi, jgħid il‑Missier, u warajhom jiena nkun.