Skrittura
3 Nefi 22


Kapitlu 22

Fl‑aħħar żminijiet, se tiġi mwaqqfa Sijon flimkien mal‑pali tagħha, u Iżrael se jinġabar flimkien fil‑ħniena u l‑ħlewwa—Huma sejrin joħorġu rebbieħa—Qabbel Isaija 54. Madwar W.K. 34.

1 U mbagħad dak li hemm miktub sejjer jiġi fis‑seħħ: Ifraħ int, mara bla tfal li ma wlidtx; infexx għanni u għajjat bil‑ferħ, int li qatt ma ħassejt uġigħ il‑ħlas; għax ħafna aktar huma wlied il‑mitluqa minn ulied il‑miżżewwġa, jgħid il‑Mulej.

2 Kabbar il‑post tal‑għarix tiegħek, wessa’ t‑tined tal‑għamajjar tiegħek; toqgħodx tibża’ għalihom, tawwal il‑ħbula tiegħek u waħħal tajjeb il‑pali tiegħek;

3 Għax lejn il‑lemin għad tinfirex u lejn ix‑xellug, u nislek jiret il‑Ġentili, u fl‑ibliet mitluqa jgħammar.

4 Tibżax, int ma jkollokx mniex tistħi; tħammarx aktar wiċċek, għax għajb ma jkollokx aktar; għax int għad tinsa l‑għajb ta’ żogħżitek, u ma tiftakarx fil‑mistħija ta’ żogħżitek, u ma tiftakarx iżjed fil‑mistħija tar‑romol tiegħek.

5 L‑għarus tiegħek, żewġek, il‑Mulej tal‑Eżerċti jismu; u l‑Feddej tiegħek, il‑Qaddis ta’ Iżrael—l‑Alla tal‑art kollha jissejjaħ.

6 Għax bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha sejjaħlek il‑Mulej, bħal mara mitluqa f’żgħożitha, jgħid Alla tiegħek.

7 Għal ftit jien tlaqtek, imma bi ħniena bla qjies jien nerġa’ niġbrok.

8 Fis‑saħna tal‑korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek, imma bi mħabba ta’ dejjem inħenn għalik, jgħid il‑Mulej, il‑Feddej tiegħek.

9 Dan għalija bħal fi żmien Noè, meta jien ħlift li l‑ilma ta’ Noè ma jerġax jgħarraq l‑art, hekk naħlef issa li jien ma nisħonx aktar għalik.

10 Jistgħu jitħarrku l‑muntanji, jitheżhżu l‑għoljiet, imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx, u s‑sliem tal‑patt tiegħi ma jitheżhiżx, jgħid il‑Mulej li jħenn għalik.

11 O magħkusa, mħabbta mill‑irwiefen, u bla faraġ! Ara, jien inqiegħed il‑ġebel tiegħek bl‑ifjen tajn, u l‑pedamenti tiegħek biż‑żaffir.

12 Nagħmel l‑amberżuni ta’ swarek tar‑rubini, u bwiebek tal‑karbunkli, u d‑dawra tas‑swar tal‑ħaġar prezzjuż.

13 U wliedek ilkoll ikunu mgħallma mill‑Mulej; u kbir għad ikun sliem uliedek.

14 Fuq sies il‑ġustizzja titwaqqaf; ’il bogħod mit‑tagħkis, għax ma għandekx mniex tibża’, u ’l bogħod mit‑twerwir, għax ma jersaqx lejk.

15 Ara, jekk jaħbtu għalik, dan żgur ma jkunx minni; min jaħbat għalik, jaqa’ quddiemek.

16 Ara, jiena ħlaqt il‑ħaddied li jonfoħ fuq in‑nar tal‑ġamar, u joħroġ l‑għodda skond l‑għan tagħha; u jiena ħlaqt il‑qerried biex iħarbat.

17 Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa; u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati. Din huwa l‑wirt tal‑qaddejja tal‑Mulej, u s‑sewwa tagħhom ġejja minni, jgħid il‑Mulej.