Skrittura
3 Nefi 28


Kapitlu 28

Disgħa mit‑tnax‑il dixxiplu juru x‑xewqa li jkollhom sehem mis‑saltna ta’ Kristu meta huma jmutu u huma jiġu mwiegħda dan—It‑Tliet Nefiti juru x‑xewqa li jingħataw is‑setgħa fuq il‑mewt ħalli jkunu jistgħu jibqgħu fuq l‑art sakemm Ġesù jerġa’ jiġi u huma jingħataw din is‑setgħa—Huma jittieħdu mid‑dinja u jaraw ħwejjeġ li l‑ebda bniedem ma jista’ jitkellem dwarhom, u issa huma qaddejja fost il‑bnedmin. Madwar W.K. 34–35.

1 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem, huwa kellem lid‑dixxipli tiegħu, wieħed wieħed, fejn qalilhom: X’tixtiequ mingħandi, wara li nkun tlaqt ħdejn il‑Missier?

2 U tkellmu lkoll, ħlief tlieta, u qalu: Nixtiequ li wara li nkunu għexna età ta’ bniedem, il‑ministeru tagħna, li għalih inti sejjaħtilna, ikun jista’ jiġi fi tmiemu, ħalli aħna nkunu nistgħu niġu ħdejk minnufih fis‑saltna tiegħek.

3 U huwa qalilhom: Henjin intom għax tixtiequ din il‑ħaġa minni; għalhekk, wara li intom tagħlqu tnejn u sebgħin sena intom sejrin tiġu għandi fis‑saltna tiegħi; u fija intom se ssibu l‑mistrieħ.

4 U wara li huwa kellimhom, huwa dar lejn it‑tlieta, u qalilhom: Xi triduni nagħmel għalikom, meta nkun mort għand il‑Missier?

5 U huma sewdu qalbhom, għax m’azzardawx jgħidulu x’kienet ix‑xewqa tagħhom.

6 U huwa qalilhom: Araw, jiena nista’ nagħraf ħsibijietkom, u intom tixtiequ l‑istess ħaġa li xtaq minni l‑maħbub tiegħi Ġwanni, li kien miegħi fil‑ministeru tiegħi, qabel ma jiena ġejt mgħolli ’l fuq mil‑Lhud.

7 Għalhekk, henjin aktar intom, għax qatt m’intom se dduqu l‑mewt; iżda sejrin tkomplu tgħixu biex tkunu tistgħu tara l‑għemejjel kollha tal‑Missier fost ulied il‑bnedmin, sewwasew sakemm kollox jiġi fis‑seħħ skont ir‑rieda tal‑Missier, meta jiena niġi fil‑glorja tiegħi bil‑qawwiet kollha tas‑smewwiet.

8 U intom qatt ma intom se tesperjenzaw uġigħ il‑mewt; iżda meta jiena niġi fil‑glorja tiegħi, f’ħakka t’għajn, sejra sseħħ bidla fikom, mill‑mortalità għall‑immortalità; u mbagħad intom tiġu mberkin fis‑saltna ta’ Missieri.

9 U għal darb’oħra, waqt li tgħammru fil‑ġisem, intom m’intom se tesperjenzaw l‑ebda uġigħ, u lanqas niket għajr għad‑dnubiet tad‑dinja; u dan kollu jiena se nagħmel minħabba dak li intom xtaqtu mingħandi, għax intom urejtu x‑xewqa li tressqu lejja ruħ il‑bnedmin, sakemm id‑dinja tkun għadha wieqfa.

10 U minħabba f’dan intom se jkollkom il‑milja tal‑hena; u intom sejrin tpoġġu bilqiegħda fis‑saltna ta’ Missieri; iva, l‑hena tagħkom se tkun sħiħa, bl‑istess mod kif il‑Missieri ta lili l‑milja tal‑hena; u intom għad tkunu kif jiena jien, u jiena l‑istess bħall‑Missier; u l‑Missier u jien ħaġa waħda;

11 U l‑Ispirtu s‑Santu jixhed għall‑Missier u għalija; u l‑Missier jagħti l‑Ispirtu s‑Santu lill‑ulied il‑bnedmin, minħabba fija.

12 U ġara li meta Ġesù qal dan il‑kliem, huwa mess b’subgħajh lil kull wieħed minnhom ħlief għat‑tlieta li kienu se jibqgħu fuq l‑art, u mbagħad telaq minn fosthom.

13 U araw, is‑smewwiet infetħu, u huma ttieħdu fis‑sema, u huma raw u semgħu ħwejjeġ li ma jitfissrux bil‑kliem.

14 U ġew mitluba sabiex ma jgħidu xejn dwar dan; u lanqas ma ngħataw qawwa li jkunu jistgħu jitkellmu dwar dak li huma kienu raw u semgħu;

15 U ma kinux jafu jekk kinux bil‑ġisem jew mingħajr ġisem; għax huma deherilhom li kienu ġew trasfigurati, li fihom kienet seħħet bidla, minn ġisem tal‑laħam għal stat immortali, fejn setgħu jaraw b’għajnejhom il‑ħwejjeġ ta’ Alla.

16 Iżda ġara li għal darb’oħra huma reġgħu spiċċaw jgħallmu fuq wiċċ l‑art; madankollu huma m’għallmux dwar il‑ħwejjeġ li kienu semgħu u raw, minħabba l‑kmandament li kienu ngħataw fis‑smewwiet.

17 U issa, jekk kinux mortali jew immortali, mill‑jum li fih ġew trasfigurati, jiena ma nafx;

18 Iżda li naf huwa dan, skont l‑istorja li ġiet mogħtija—huma marru jduru fuq wiċċ l‑art, jaqdu lin‑nies kollha, u lil ħafna li bdew jemmnu f’dak li bdew ixandru bdew iwassluhom biex jingħaqdu mal‑knisja; u huma bdew jgħammduhom, u dawk kollha li tgħammdu rċevew l‑Ispirtu s‑Santu.

19 U huma ġew mixħutin f’ħabs minn dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja. U l‑ħabsijiet ma setgħux iżommuhom, għax spiċċaw inqasmu fi tnejn.

20 U huma ġew mixħutin taħt l‑art; iżda huma sawtu l‑art permezz tal‑kelma ta’ Alla, hekk li permezz tal‑qawwa tiegħu huma ġew meħlusa mill‑qigħan tal‑art; u għalhekk l‑ebda ħofor li setgħu jħaffru ma kienu biżżejjed biex iżommuhom.

21 U tliet darbiet ġew mixħutin f’ħuġġieġa nar bla ma ġralhom xejn.

22 U darbtejn ġew mixħutin f’ħofra qalb il‑bhejjem selvaġġi; u araw huma bdew jilagħbu mal‑bhejjem bħal tifel żgħir jilgħab ma’ ħaruf tal‑ħalib, u ma ġralhom xejn.

23 U ġara li huma marru fost il‑poplu kollu ta’ Nefi, u xandru l‑evanġelju ta’ Kristu lin‑nies kollha fuq wiċċ l‑art; u dawn ikkonvertew għall‑Mulej, u ngħaqdu mal‑knisja ta’ Kristu, u b’hekk in‑nies ta’ dak in‑nisel ġew imbierka, skont il‑kelma ta’ Ġesù.

24 U issa, jiena Mormon, se nieqaf nitkellem għal ftit dwar dawn il‑ħwejjeġ.

25 Araw, jien kont għoddni se naqbad nikteb l‑ismijiet ta’ dawk li qatt ma huma se jduqu l‑mewt, iżda l‑Mulej żammni milli nagħmel dan; għalhekk jien m’iniex se niktibhom, u huma se jibqgħu moħbija mid‑dinja.

26 Iżda araw, jiena lilhom rajthom, u huma ħadu ħsiebi.

27 U araw huma se jmorru fost il‑Ġentili, u l‑Ġentili mhux se jkunu jafu bihom.

28 Huma se jmorru wkoll fost il‑Lhud, u l‑Lhud mhux se jkunu jafu bihom.

29 U għad jiġri li meta l‑Mulej jara fl‑għerf tiegħu li jkun xieraq, huma għandhom imorru jwettqu l‑ministeru tagħhom fost it‑tribujiet imxerrda ta’ Iżrael, u fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, u minn fosthom iressqu bosta erwieħ lejn Ġesù, sabiex jaqtgħu xewqithom, kif ukoll minħabba l‑qawwa konvinċenti ta’ Alla li tinsab fihom.

30 U huma jixbħu lill‑anġli ta’ Alla, u jekk jitolbu lill‑Missier f’isem Ġesù huma jistgħu juru lilhom infushom lil kwalunkwe bniedem li jħossu li hu xieraq li jagħmlu dan.

31 Għalhekk, permezz tagħhom se jiġu fis‑seħħ bosta għemejjel kbar u tal‑għaġeb, qabel il‑jum kbir li qed joqrob meta l‑bnedmin kollha sejrin jieqfu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu;

32 Madankollu anke fost il‑Ġentili se tiġi fis‑seħħ permezz tagħhom ħidma kbira u tal‑għaġeb, qabel jum il‑ħaqq.

33 U jekk intom għandkom l‑iskrittura kollha, liema skrittura tagħti rendikont tal‑għemejjel kollha tal‑għaġeb ta’ Kristu, intom suppost tafu, skont kliem Kristu, li dawn il‑ħwejjeġ sejrin jiġu żgur fis‑seħħ.

34 U ħażin ikun għalih dak li ma jismax minn kliem Ġesù, kif ukoll minn dawk li huwa għażel u bagħat fosthom; għax min ma jaċċettax kliem Ġesù u kliem dawk li huwa bagħat ma jkunx qed jaċċetta lilu; u għalhekk lil dawn huwa ma jaċċettax għandu fl‑aħħar jum;

35 U dawn kien ikun aħjar għalihom li kieku ma twieldu xejn. Għax taħsbu intom li tistgħu tevitaw il‑ħaqq ta’ dak Alla li jħossu offiż, li l‑bnedmin għaffġu taħt saqajhom, li permezz tiegħu tistgħu tiksbu s‑salvazzjoni?

36 U issa araw, jiena tkellimt dwar dawk li għażel il‑Mulej, iva, speċjalment dwar it‑tlieta li ttieħdu fis‑smewwiet, li ma kontx naf jekk kinux ġew imsaffija mill‑mortalità għall‑immortalità—

37 Iżda araw, minn l‑aħħar li ktibt, jiena staqsejt lill‑Mulej, u huwa żvela miegħi li kien jeħtieġ li f’ġisimhom isseħħ bidla, għax jekk le, kien ikollhom iduqu l‑mewt;

38 Għalhekk, biex huma ma jduqux il‑mewt seħħet bidla f’ġisimhom, ħalli huma ma jsofru la uġigħ u lanqas niket għajr għad‑dnubiet tad‑dinja.

39 Issa din il‑bidla ma kenitx l‑istess bħal dik li se sseħħ fl‑aħħar jum; iżda fihom seħħet bidla, hekk li Satana ma jista’ jkollu l‑ebda setgħa fuqhom, ħalli huwa ma jkunx jista’ jġarrabhom; u huma ġew imqaddsa fil‑ġisem, u b’hekk saru qaddisa, u s‑setgħat tad‑dinja ma jistgħux iżommuhom.

40 U huma se jibqgħu f’dan l‑istat sa jum il‑ħaqq ta’ Kristu; u f’dak il‑jum huma sejrin jesperjenzaw bidla akbar, u se jiġu milqugħin fis‑saltna tal‑Missier biex minnha ma jitilqu qatt aktar, iżda huma jgħammru ma’ Alla għal dejjem fis‑smewwiet.