Skrittura
3 Nefi 5


Kapitlu 5

In‑Nefiti jindmu u jabbandunaw dnubiethom—Mormon jikteb l‑istorja ta’ niesu u jxandrilhom il‑kelma ta’ dejjem—Iżrael għad jinġabar flimkien mid‑dispersjoni twila tiegħu. Madwar W.K. 22–26.

1 U issa araw, ma kien hemm lanqas ruħ waħda fost il‑poplu Nefita li b’xi mod iddubitat kliem il‑profeti qaddisa kollha li semmgħu leħinhom; għax huma kienu jafu li kien hemm il‑ħtieġa li kliemhom jiġi fis‑seħħ.

2 U huma kienu jafu li kien hemm bżonn li Kristu jiġi, minħabba l‑bosta sinjali li ngħataw, skont kliem il‑profeti; u minħabba l‑ħwejjeġ li ġew fis‑seħħ diġà huma kienu jafu li hemm il‑ħtieġa li kollox jiġi fis‑seħħ skont dak li ntqal.

3 Għalhekk huma abbandunaw dnubiethom kollha, kif ukoll l‑għemejjel mistkerrha tagħhom, u ż‑żína tagħhom, u qdew lil Alla bir‑reqqa kollha lejl u nhar.

4 U issa ġara li meta huma ħadu lill‑ħallelin kollha bħala priġunieri, fejn ma kien hemm ħadd minn fost dawk li ma kinux inqatlu li ħarab, huma tefgħu lill‑priġunieri tagħhom fil‑ħabs, u taw ordni biex il‑kelma ta’ Alla tiġi mxandra lilhom; u dawk kollha li nidmu minn dnubiethom u li daħlu f’patt li ma kienu se joqtlu lil ħadd aktar ingħataw il‑ħelsien.

5 Iżda dawk kollha li ma daħlux f’patt, u li komplew iżommu bil‑moħbi dak il‑qtil f‘qalbhom, iva, dawk kollha li nstabu jlissnu kliem ta’ theddid kontra ħuthom ġew ikkundannati u kkastigati skont il‑liġi.

6 U b’hekk huma ġabu fi tmiemhom dawk l‑alleanzi ħżiena, u sigrieti, u mistkerrha, li minħabba fihom seħħ daqstant ħażen, u nqatlu daqstant nies.

7 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tnejn u għoxrin, kif ukoll is‑sena tlieta u għoxrin, u s‑sena erbgħa u għoxrin, u ħamsa u għoxrin; u b’hekk għaddew ħamsa u għoxrin sena.

8 U seħħew bosta ħwejjeġ li, f’għajnejn xi wħud, huma mill‑aktar kbar u tal‑għaġeb; madankollu, dawn ma jistgħux jinkitbu kollha f’dan il‑ktieb; iva, dan il‑ktieb bil‑kemm jista’ jkun fih wieħed fil‑mija minn dak kollu li seħħ fost daqstant nies fi spazju ta’ ħamsa u għoxrin sena;

9 Iżda araw hemm annali li fihom l‑għemejjel kollha ta’ dan il‑poplu; u rakkont iqsar iżda veru ngħata minn Nefi.

10 Għalhekk jiena ktibt l‑istorja ta’ dawn il‑ħwejjeġ skont l‑istorja ta’ Nefi, li ġiet imnaqqxa fuq il‑pjanċi li kienu jissejħu l‑pjanċi ta’ Nefi.

11 U araw, jiena nikteb din l‑istorja fuq pjanċi li għamilt b’idejja stess.

12 U araw, jien jisimni Mormon, u ġejt imsemmi għall‑art ta’ Mormon, l‑art li fiha Alma waqqaf il‑knisja fost il‑poplu, iva, l‑ewwel knisja li twaqqfet fosthom wara t‑trasgressjoni tagħhom.

13 Araw, jiena dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, Iben Alla. Jiena ġejt imsejjaħ minnu sabiex inxandar il‑kelma tiegħu fost il‑poplu tiegħu, ħalli huma jkun jista’ jkollhom il‑ħajja ta’ dejjem.

14 U kien jaqbel li jien, skont ir‑rieda ta’ Alla, biex it‑talb ta’ dawk li għaddew għal ħajja oħra, li kienu erwieħ qaddisa, jinstama’ skont il‑fidi tagħhom, nikteb storja ta’ dal‑ħwejjeġ li seħħew—

15 Iva, storja żgħira dwar dak li seħħ sa minn meta Leħi ħalla Ġerusalemm, sewwasew sa dan iż‑żmien.

16 Għalhekk jiena se nikteb l‑istorja tiegħi mir‑rakkont li ngħata minn dawk li ġew qabli, sal‑bidu ta’ żmieni;

17 Imbagħad jiena se nikteb storja tal‑ħwejjeġ li jiena rajt b’għajnejja stess.

18 U jiena naf li l‑istorja li jien se nikteb se tkun waħda ġusta u vera; madankollu huma bosta l‑ħwejjeġ li, skont il‑lingwaġġ tagħna, ma nistgħux niktbu.

19 U issa jiena se nieqaf nitkellem dwari nnifsi, u se nkompli bir‑rakkont tiegħi dwar il‑ħwejjeġ li seħħew qabel żmieni.

20 Jiena Mormon, dixxendent dirett ta’ Leħi. Għandi għalfejn inbierek lil Alla tiegħi u lis‑Salvatur tiegħi Ġesù Kristu, talli ħareġ lil missirijietna ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, (u ħadd ma kien jaf b’dan għajr huwa nnifsu u dawk li huwa ħareġ ’il barra minn dik l‑art) u talli lili u lill‑poplu tiegħi tana daqstant għarfien għas‑salvazzjoni ta’ ruħna.

21 Sewwasew huwa bierek lid‑dar ta’ Ġakobb, u wera l‑ħniena tiegħu ma’ nisel Ġużeppi.

22 U diment li wlied Leħi komplew iħarsu l‑kmandamenti tiegħu huwa berikhom u għenhom biex ikomplu jirnexxu skont kelmtu.

23 Iva, u huwa sewwasew se jerġa’ jwassal fdal ta’ nisel Ġużeppi għall‑għarfien tal‑Mulej Alla tagħhom.

24 U daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, huwa se jiġbor mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja l‑fdal kollu ta’ nisel Ġakobb, li jinsab mxerred ma’ wiċċ l‑art kollha.

25 U huwa għamel patt mad‑dar kollha ta’ Ġakobb, liema patt li huwa għamel ma’ dar Ġakobb għandu jiġi fis‑seħħ fiż‑żmien dovut tiegħu, fejn huwa sejjer jirrestawra d‑dar kollha ta’ Ġakobb għall‑għarfien tal‑patt li huwa għamel magħhom.

26 U mbagħad huma jsiru jafu lill‑Feddej tagħhom, li hu Ġesù Kristu, Bin Alla; u mbagħad huma jinġabru flimkien mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja f’artijiethom, li minnhom kienu spiċċaw imxerrdin ma’ kullimkien; iva, daqs kemm hu ħaj il‑Mulej hekk għad jiġri. Ammen.