Skrittura
Enos 1


Il‑Ktieb ta’ Enos

Kapitlu 1

Enos jitlob b’qawwa u jikseb maħfra ta’ dnubietu—Ifeġġ f’moħħu leħen il‑Mulej, fejn iwiegħed is‑salvazzjoni għal‑Lamaniti fi żmien futur—In‑Nefiti ppruvaw jirriformaw lil‑Lamaniti—Enos jithenna fil‑Feddej tiegħu. Madwar 420 Q.K.

1 Araw, ġara li jiena, Enos, naf li missieri kien bniedem ġust—għax hu għallimni dwar l‑ilsien tiegħu, kif ukoll skont it‑trawwim u t‑twiddib tal‑Mulej—u mbierek ikun isem Alla tiegħi għal dan—

2 U jiena se ngħidilkom dwar it‑taqbida li kelli quddiem Alla, qabel ma ksibt maħfra ta’ dnubieti.

3 Araw, jiena mort nikkaċċja l‑bhejjem fil‑foresti; u l‑kliem li ta’ spiss smajt lil missieri jgħid dwar il‑ħajja eterna, u l‑hena tal‑qaddisin, ħassejtu jippenetra ruħi.

4 U ruħi ħaditha l‑ġuħ; u nżilt għarkupptejja quddiem il‑Ħallieq tiegħi, u lilu jien sejjaħt permezz tat‑talb u t‑tħannin ferventi tiegħi għal ruħi; u għaddejt il‑jum kollu nsejjaħlu; iva, u meta wasal il‑lejl bqajt insemma’ leħni tant li laħaq is‑smewwiet.

5 U smajt leħen jgħidli: Enos, dnubietek maħfura, u inti se tkun imbierek.

6 U jiena, Enos, kont naf li Alla ma jigdibx; għalhekk, ġejt meħlus mill‑ħtija tiegħi.

7 U jiena għidt: Mulej, kif jista’ jkun dan?

8 U huwa qalli: Minħabba l‑fidi tiegħek fi Kristu, li lilu inti la qatt smajt u lanqas qatt rajt qabel. U għad iridu jgħaddu ħafna snin qabel ma hu juri lilu nnifsu fil‑ġisem; għalhekk, mur, il‑fidi tiegħek salvatek.

9 Issa, ġara li meta jiena smajt dan il‑kliem, fija bdejt inħoss xewqa kbira għall‑ġid ta’ ħuti, in‑Nefiti; għalhekk, jiena ftaħt qalbi kollha ma’ Alla għalihom.

10 U waqt li kont għadni qed nitqabad fl‑ispirtu, araw, f’moħħi feġġ mill‑ġdid leħen il‑Mulej, u qalli: Jiena se nżur lil ħutek skont id‑diliġenza tagħhom fil‑ħarsien tal‑kmandamenti tiegħi. Lilhom jiena tajt din l‑art, u din hija art qaddisa; u m’iniex se nisħetha jekk mhux minħabba l‑ħażen; għalhekk, jien se nżur lil ħutek skont kif għidt; u se nara illi fin‑niket ħtijiethom jikkollassaw fuq rashom.

11 U wara li jiena, Enos, smajt dan il‑kliem, il‑fidi tiegħi fil‑Mulej bdiet tissoda; u permezz ta’ bosta taqbid jien tlabtu għal ħuti, il‑Lamaniti.

12 U ġara li wara li jiena tlabt u ħdimt bir‑reqqa kollha, il‑Mulej qalli: Jien se nagħti lilek skont ix‑xewqat tiegħek, minħabba l‑fidi tiegħek.

13 U issa araw, dan kien dak li jiena xtaqt mingħandu—li jekk kellu jkun li l‑poplu tiegħi, in‑Nefiti, jaqa’ fil‑ħtija, u b’xi mod jinqered, u l‑Lamaniti ma jinqerdux, il‑Mulej Alla jippreserva l‑istorja tal‑poplu tiegħi, in‑Nefiti; anke jekk dan jitwettaq permezz tal‑qawwa tad‑driegħ qaddis tiegħu, sabiex f’xi żmien futur hi tkun tista’ tinġieb għad‑dawl għal‑Lamaniti, biex, forsi, huma jkunu jistgħu jitwasslu lejn is‑salvazzjoni—

14 Għax bħalissa t‑taqbid tagħna biex inġibuhom lura lejn il‑vera fidi kien kollu ta’ xejn. U fl‑għadab tagħhom huma ħalfu li, kieku kien possibbli, huma jeqirdu lilna u l‑annali tagħna, kif ukoll id‑drawwiet kollha ta’ missirijietna.

15 Għalhekk, jien li naf li l‑Mulej Alla kellu s‑setgħa li jippreserva l‑annali tagħna, bdejt kontinwament insejjaħlu, għax hu qalli: Kull ma titlob b’fidi, u temmen li se jingħatalek f’isem Kristu, inti taqilgħu.

16 U jien fidi kelli, u tlabt lil Alla biex hu jippreserva l‑annali; u għamel patt miegħi li hu kien se jġibhom għad‑dawl għal‑Lamaniti fiż‑żmien li jagħżel hu.

17 U jien, Enos, kont naf li dan kien se jseħħ skont il‑patt li huwa għamel; għalhekk ruħi sabet is‑serħan.

18 U l‑Mulej qalli: Missirijietek ukoll staqsewni dwar dil‑ħaġa; u huma jingħatalhom skont il‑fidi tagħhom; għax il‑fidi tagħhom kienet tixbah lil tiegħek.

19 U ġara li jien, Enos, mort indur fost il‑poplu ta’ Nefi, inħabbar dwar ħwejjeġ li għandhom iseħħu, u nixhed dwar ħwejjeġ li jiena smajt u rajt.

20 U nagħti xhieda li l‑poplu ta’ Nefi verament fittex bil‑ħrara biex iġib lura lil‑Lamaniti lejn il‑veru fidi f’Alla Iżda l‑ħidma tagħna kienet kollha ta’ xejn; kellhom mibegħda stinata, u huma kienu mmexxijin min‑natura ħażina tagħhom tant li saru nies slavaġ, u feroċi, u għatxana għad‑demm, kollhom idolatrija u ħmieġ; jieklu bhejjem tal‑priża; jgħammru ġewwa t‑tined, u jiġġerrew fix‑xagħri bi ħżiem qasir tal‑ġild madwar qaddhom u b’rashom imqaxxra; u kienu nies kapaċi bil‑qaws, u bl‑ixmitarra, u bil‑mannara. U ħafna minnhom ma kienu jieklu xejn ħlief laħam nej; u kienu kontinwament jippruvaw jeqirduna.

21 U ġara li n‑nies ta’ Nefi bdew jaħdmu r‑raba’, u jkabbru kull xorta ta’ ċereali, u frott, u jrabbu għadd ta’ merħliet, u varjetà ta’ bhejjem ta’ kull tip, u mogħoż, u mogħoż selvaġġ, kif ukoll ħafna żwiemel.

22 U fostna kien hemm għadd kbir ta’ profeti. U n‑nies kienu nies ta’ ras iebsa, ma tfehemhomx.

23 U ma kien hemm xejn ħlief ħruxija mill‑aktar kbira, u bdew ixandru u jħabbru dwar il‑gwerer, u l‑ġlied, u l‑qerda, u kontinwament ifakkruhom dwar il‑mewt, u t‑tul tal‑eternità, u l‑ħaqq u l‑qawwa ta’ Alla, u ħwejjeġ bħal dawn—kontinwament iħeġġuhom biex jibqgħu fil‑biża’ tal‑Mulej. Ngħidilkom li ma konniex neqsin minn dawn il‑ħwejjeġ, u minn ċarezza mill‑aktar kbira fid‑diskors, li żammewhom milli f’qasir żmien jispiċċaw jinżlu dritt għall‑qerda. U hu b’dan il‑mod li jiena nikteb dwarhom.

24 U jien rajt għadd ta’ gwerer bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti tul il‑jiem ta’ ħajti.

25 U ġara li jiena bdejt nixjieħ, u għaddew mija u disgħa u sebgħin sena miż‑żmien li fih missierna Leħi ħalla Ġerusalemm.

26 U rajt li dalwaqt kelli ninżel ġewwa qabri, wara li ġejt imħeġġeġ mill‑qawwa ta’ Alla biex inxandar u nħabbar fost dan il‑poplu, u niddikjara l‑kelma skont il‑verità li tinsab fi Kristu. U jien iddikjarajtha fil‑jiem kollha ta’ ħajti, u l‑ferħ li ġabitli jiżboq kull ħaġa li toffri d‑dinja.

27 U dalwaqt se mmur fil‑post tal‑mistrieħ tiegħi, li hu ħdejn il‑Feddej tiegħi; għax naf li fih se nsib is‑serħan. U nifraħ fil‑jum meta l‑ġisem mortali tiegħi jxedd fuqu l‑immortalità, u jieqaf quddiemu; hemmhekk jiena nithenna hekk kif nara wiċċu, u huwa jgħidli: Ejja għandi, imbierek, hawn post imħejji għalik fl‑abitazzjonijiet ta’ Missieri. Ammen.