Skrittura
Għeter 13


Kapitlu 13

Għeter jitkellem dwar Ġerusalemm il‑Ġdida li għandha tinbena fl‑Amerika minn nisel Ġużeppi—Huwa jħabbar, jitkeċċa ’l barra, jikteb l‑istorja tal‑Ġarediti, u jbassar il‑qerda tal‑Ġarediti—Il‑gwerra tinfirex mal‑pajjiż kollu.

1 U issa jiena, Moroni, se ngħaddi biex intemm l‑istorja tiegħi dwar il‑qerda tan‑nies li dwarhom kont qed nikteb.

2 Għax araw, huma ċaħdu dak kollu li qal Għeter; għax hu kellimhom tabilħaqq dwar kull ħaġa, sa mill‑bidu tal‑bniedem; u li wara li marru l‑ilmijiet minn fuq wiċċ din l‑art hija saret art magħżula, aqwa minn kull art oħra, art magħżula mill‑Mulej; għalhekk il‑Mulej ried li n‑nies kollha li jgħammru fiha jaqdu lilu;

3 U hi kienet il‑post fejn se jkun hemm Ġerusalemm il‑Ġdida, li se tinżel mis‑smewwiet, u s‑santwarju mqaddes tal‑Mulej.

4 Araw, Għeter ra żmien Kristu, u huwa tkellem dwar Ġerusalemm il‑Ġdida li se tkun tinsab fuq din l‑art.

5 U huwa tkellem ukoll dwar id‑dar ta’ Iżrael, u dwar Ġerusalemm li minnha għandu jiġi Leħi—u wara li tinqered hija terġa’ tinbena mill‑ġdid, bħala belt qaddisa għall‑Mulej; għalhekk, ma tistax tkun Ġerusalemm ġdida għax kienet ilha hemm minn żmien il‑qedem; iżda hija għandha tinbena mill‑ġdid, u se tkun belt qaddisa tal‑Mulej; u se tinbena għad‑dar ta’ Iżrael—

6 U li Ġerusalemm il‑Ġdida għandha tinbena fuq din l‑art, għall‑fdal ta’ nisel Ġużeppi, għal liema ħwejjeġ kien hemm raffigurazzjoni.

7 Għax kif Ġużeppi wassal biex missieru jinġieb fl‑art tal‑Eġittu, huwa spiċċa miet hemmhekk; għalhekk, il‑Mulej wassal biex fdal ta’ nisel Ġużeppi jinġieb hawn mill‑art ta’ Ġerusalemm, ħalli hu jkun jista’ juri ħniena mal‑fdal ta’ nisel Ġużeppi biex huma ma jinqerdux, l‑istess kif huwa wera ħniena ma’ missier Ġużeppi biex huwa ma jinqeridx.

8 Għalhekk, il‑fdal ta’ dar Ġużeppi se jwaqqaf daru fuq din l‑art; u din se tkun l‑art ta’ wirthom; u huma sejrin jibnu belt qaddisa għall‑Mulej, l‑istess bħal Ġerusalemm tal‑qedem; u huma mhu se jitħalltu ma’ ħadd aktar, sakemm jasal it‑tmiem meta d‑dinja tispiċċa.

9 U se jkun hemm sema ġdida u art ġdida; u se jkunu jixbħu lil dawk ta’ qabel bid‑differenza li ta’ qabel issa għabu, u kollox sar ġdid.

10 Imbagħad titfaċċa Ġerusalemm il‑Ġdida; u henjin dawk li jgħammru fiha, għaliex dawn huma dawk li bajdu lbieshom permezz ta’ demm il‑Ħaruf; u huma dawk li huma magħduda fost il‑fdal ta’ nisel Ġużeppi, li kien jagħmel parti mid‑dar ta’ Iżrael.

11 Imbagħad titfaċċa wkoll Ġerusalemm tal‑qedem; u henjin huma dawk li jgħammru fiha għax huma ġew maħsula f’demm il‑Ħaruf; u dawn huma dawk li spiċċaw imxerrdin u li nġabru mill‑erba’ rkejjen tad‑dinja, u mill‑artijiet tat‑tramuntana, u li se jgawdu mit‑twettiq tal‑patt li Alla għamel ma’ missierhom, Abraham.

12 U meta jseħħu dawn il‑ħwejjeġ, huma jġibu fis‑seħħ l‑iskrittura li tgħid, hemm dawk li kienu l‑ewwel li għad ikunu l‑aħħar; u hemm dawk li kienu l‑aħħar li għad ikunu l‑ewwel.

13 U kont għoddni se nikteb aktar, iżda ġejt miżmum milli nagħmel dan; imma kbar u tal‑għaġeb kienu l‑profeziji ta’ Għeter; iżda lilu qisuh bħallikieku mhu xejn, u keċċewh ’il barra; u mal‑jum huwa mar jistaħba ġo għar, u mal‑lejl mar josserva dak li kien se jolqot lill‑poplu.

14 U waqt li kien qed jgħammar ġol‑għar huwa kiteb il‑bqija ta’ dan ir‑rakkont, fejn mal‑lejl huwa beda josserva l‑qerda li kienet se tolqot lill‑poplu.

15 U ġara li f’dik l‑istess sena li fiha ġie mkeċċi ’l barra minn fost il‑poplu ngħata bidu għal gwerra kbira fost il‑poplu, għax kienu ħafna l‑irġiel setgħana li marru u ppruvaw jeqirdu lil Kurjantumir permezz tal‑pjanijiet sigrieta u kollha ħażen, li dwarhom tkellimt qabel.

16 U issa Kurjantumir, li kien studja hu stess it‑tattiċi tal‑gwerra u l‑qerq tad‑dinja, spiċċa għalhekk jaffronta lil dawk kollha li ppruvaw jeqirduh.

17 Iżda huwa baqa’ ma nidimx, l‑istess is‑sbieħ uliedu; l‑istess is‑sbieħ ulied Koħor; l‑istess is‑sbieħ ulied Koriħor; f’kelma waħda, ma kien hemm ħadd fuq wiċċ l‑art kollha minn fost is‑sbieħ uliedhom, subien u bniet, li nidem minn dnubietu.

18 Għalhekk, ġara li fl‑ewwel sena li fiha Għeter għammar ġewwa l‑għar, kien hemm bosta nies li sfaw maqtula permezz tax‑xabla minn dawk li kienu jagħmlu parti mill‑alleanzi sigrieti, li kienu qed jiġġieldu kontra Kurjantumir ħalli jkunu jistgħu jieħdu f’idejhom is‑saltna.

19 U ġara li wlied Kurjantumir tqabdu bil‑kbir u tilfu ħafna demm.

20 U fit‑tieni sena ġiet il‑kelma tal‑Mulej lil Għeter, li huwa kellu jmur u jħabbar lil Kurjantumir li jekk huwa jindem, u n‑nies kollha ta’ daru, il‑Mulej kien lest jagħtih saltnatu u jkollu ħniena mill‑poplu—

21 Iżda jekk ma jindimx, huma jispiċċaw jinqerdu kollha, u n‑nies kollha ta’ daru, minbarra hu. U huwa jibqa’ ħaj biss biex ikun jista’ jara l‑profeziji jiġu fis‑seħħ, liema profeziji tkellmu dwar nies oħra li għad jirċievu għandhom l‑art biex jgħammru fiha; u se jkunu huma li jidfnu lil Kurjantumir; u kulħadd se jispiċċa jinqered minbarra Kurjantumir.

22 U ġara li Kurjantumir baqa’ ma nidimx, u l‑istess in‑nies ta’ daru, u l‑istess il‑poplu; u l‑gwerer ma waqfux; u huma ppruvaw joqtlu lil Għeter, iżda huwa ħarab minn quddiemhom u reġa’ mar jistaħba ġewwa l‑għar.

23 U ġara li qam ċertu wieħed jismu Xared, u huwa wkoll mar jiġġieled f’battalja kontra Kurjantumir; u spiċċa għelbu, hekk li fit‑tielet sena ħadu fl‑eżilju.

24 U fir‑raba’ sena, l‑ulied subien ta’ Kurjantumir għelbu lil Xared, u reġgħu għaddew is‑saltna għal darb’oħra f’idejn missierhom.

25 Issa ngħata bidu għal gwerra fuq wiċċ l‑art kollha, fejn kull raġel flimkien mat‑tajfa tiegħu beda jiġġieled għal dak li ried.

26 U kien hemm il‑briganti, u fi kliem ieħor, kull xorta ta’ ħażen fuq il‑wiċċ kollu tal‑art.

27 U ġara li Kurjantumir inkorla bil‑kbir għal Xared, u mar biex jaffrontah f’battalja flimkien mal‑armati tiegħu; u huma affrontaw lil xulxin f’saħna kbira, u affrontaw lil xulxin ġewwa l‑wied ta’ Gilgal; u l‑battalja saret waħda mill‑aktar qalila.

28 U ġara li Xared dam jitqabad miegħu għal tlett ijiem sħaħ. U Kurjantumir spiċċa għelbu, u baqa’ jsegwih sakemm wasal fil‑wita ta’ Ħexlon.

29 U ġara li Xared reġa’ spiċċa f’battalja miegħu fuq il‑wita; u araw, huwa għeleb lil Kurjantumir, u ġiegħlu jerġa’ lura lejn il‑wied ta’ Gilgal.

30 U Kurjantumir reġa’ għal darb’oħa spiċċa f’battalja ma’ Xared fil‑wied ta’ Gilgal, li fiha huwa għeleb lil Xared u qatlu.

31 U Xared darab lil Kurjantumir f’kuxxtejh, u minħabba f’hekk huwa dam sentejn sħaħ ma jmur għal battalja, u dan kien żmien li fih in‑nies kollha fuq wiċċ l‑art infexxew joqtlu, u ma kien hemm ħadd min iżommhom.