Skrittura
Għeter 4


Kapitlu 4

Moroni jiġi ordnat biex jissiġilla l‑kitbiet ta’ ħu Ġared—Huma mhux se jiġu żvelati qabel man‑nies ikollhom fidi bħal ma kellu ħu Ġared—Kristu jordna lin‑nies biex jemmnu kliemu u kliem id‑dixxipli tiegħu—Il‑bnedmin mitlubin jindmu u jemmnu l‑evanġelju, u huma jsalvaw.

1 U l‑Mulej ordna lil ħu Ġared biex jinżel minn ġol‑muntanja, minn quddiem il‑Mulej, u jikteb il‑ħwejjeġ li huwa ra; u huma mhux se jitħallew jiġu żvelati lil ulied il‑bnedmin qabel ma huwa jiġi mtella’ fuq is‑salib; u kien għalhekk li s‑Sultan Mosija żammhom għandu, biex huma ma jiġux żvelati lid‑dinja qabel ma Kristu juri lilu nnifsu lill‑poplu tiegħu.

2 U hekk kif Kristu wera tabilħaqq lilu nnifsu lill‑poplu tiegħu huwa ordna biex huma jiġu żvelati lid‑dinja.

3 U issa, wara li hu wera lilu nnifsu, huma spiċċaw biex ftit, ftit tilfu l‑fidi; u ma baqa’ ħadd aktar ħlief il‑Lamaniti, u dawn spiċċaw biex warrbu l‑evanġelju ta’ Kristu; għalhekk jiena ġejt ordnat biex nerġa’ naħbihom fl‑art.

4 Araw, jiena ktibt fuq dawn il‑pjanċi sewwasew il‑ħwejjeġ li ra ħu Ġared; u ħwejjeġ akbar milli ra ħu Ġared qatt ma dehru qabel.

5 Għalhekk il‑Mulej ordnali sabiex niktibhom; u jien hekk għamilt. U huwa ordnali sabiex nissiġillahom; u ordnali wkoll sabiex nissiġilla l‑interpretazzjoni tagħhom; għalhekk jiena ssiġillajt l‑interpreti, kif ordnali nagħmel il‑Mulej.

6 Għax il‑Mulej qalli: Huma m’għandhomx jaslu għand il‑Ġentili qabel iż‑żmien li fih huma jindmu minn ħżunithom, u jsiru nies safja quddiem il‑Mulej.

7 U fiż‑żmien li fih huma jeżerċitaw il‑fidi tagħhom fija, jgħid il‑Mulej, l‑istess kif għamel ħu Ġared, biex fija huma jitqaddsu, imbagħad jiena nurihom il‑ħwejjeġ li ra ħu Ġared, u jien anke niżvelalhom ir‑rivelazzjonijiet kollha tiegħi, jgħid Ġesù Kristu, Bin Alla, Missier is‑sema u l‑art, u kull ħaġa li tinsab fihom.

8 U misħut hu min jeħodha kontra l‑kelma tal‑Mulej; u misħut hu min jiċħad dawn il‑ħwejjeġ; għax lil dawn jien ma nurihom l‑ebda ħwejjeġ akbar, jgħid Ġesù Kristu; għax hu jien li qed nitkellem.

9 U mal‑kmand tiegħi jinfetħu u jingħalqu s‑smewwiet; u meta nitkellem jien l‑art titheżżeż; u mal‑kmand tiegħi dawk li jgħammru fuq l‑art imutu kollha, sewwasew permezz tan‑nar.

10 U min ma jemminx kliemi ma jemminx lid‑dixxipli tiegħi; u ġġudikaw intom jekk huwiex jien li qed nitkellem; għax fl‑aħħar jum għad tkunu tafu li huwa tabilħaqq jiena li qed nitkellem.

11 Iżda min jemmen dawn il‑ħwejjeġ li jiena għidt, lilu jiena nżur permezz tad‑dehra tal‑Ispirtu tiegħi, u huwa lili jagħraf u għalija jixhed. Għax permezz tal‑Ispirtu tiegħi huwa jagħraf li dawn il‑ħwejjeġ huma vera; liema Spirtu jipperswadi lill‑bnedmin biex jagħmlu t‑tajjeb.

12 U kull ħaġa li tipperswadi lill‑bnedmin biex jagħmlu t‑tajjeb ġejja minni; għax it‑tajjeb mhu ġej minn ħadd ħlief minni. Jien hu dak li nwassal lill‑bnedmin biex jagħmlu dak kollu li hu tajjeb; min ma jemminx kliemi ma jemminx fija—li jiena hu; u min ma jemminx fija ma jemminx fil‑Missier li bagħatni. Għax ara, jiena l‑Missier, jiena d‑dawl, u l‑ħajja, u l‑verità tad‑dinja.

13 Ejjew għandi, intom il‑Ġentili, u jien nurikom il‑ħwejjeġ li huma akbar, dak l‑għarfien li jinsab moħbi minħabba n‑nuqqas ta’ fidi.

14 Ejjew għandi, O intom li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael, u jien nurikom kemm ħejja għalikom ħwejjeġ kbar il‑Missier, sa mill‑ħolqien tad‑dinja; u dan ma ġiex żvelat lilkom, minħabba n‑nuqqas ta’ fidi.

15 Araw, meta intom iċċartu dak il‑velu tan‑nuqqas ta’ fidi li jwassalkom biex tibqgħu fl‑istat mill‑aktar terribbli tagħkom ta’ ħażen, u ebusija tal‑qalb, u għama tal‑moħħ, imbagħad il‑ħwejjeġ kbar u tal‑għaġeb li baqgħu ma ġewx żvelati lilkom sa mill‑ħolqien tad‑dinja—iva, meta intom issejħu lill‑Missier f’ismi, b’qalb maqsuma u spirtu niedem, imbagħad intom tagħrfu li l‑Missier tabilħaqq ftakar fil‑patt li huwa għamel ma’ missirijietkom, O dar ta’ Iżrael.

16 Imbagħad ir‑rivelazzjonijiet tiegħi, li ordnajt lill‑qaddej tiegħi Ġwanni biex jikteb, jiġu żvelati quddiem għajnejn kulħadd. Ftakru li meta taraw dawn il‑ħwejjeġ, għandkom tkunu tafu li ż‑żmien li fih se jiġu żvelati jkun qorob tabilħaqq.

17 Għalhekk, meta tirċievu dan ir‑rakkont intom għandkom tkunu tafu li l‑ħidma tal‑Missier bdiet tiġi fis‑seħħ fuq wiċċ l‑art kollha.

18 Għalhekk, indmu, intom kollha minn truf id‑dinja, u ejjew għandi, u emmnu fl‑evanġelju tiegħi, u tgħammdu f’ismi; għax min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat; u s‑sinjali jsieħbu lil dawk li jemmnu f’ismi.

19 U hieni dak li jinstab li hu fidil lejn ismi fl‑aħħar jum, għax huwa jiġi mgħolli ’l fuq biex jgħammar fis‑saltna li ġiet imħejjija għalih sa mill‑ħolqien tad‑dinja. U araw huwa jiena li għidt dan. Ammen.