Skrittura
Ħelaman 15


Kapitlu 15

Il‑Mulej ikkastiga lin‑Nefiti għaliex ħabbhom—Il‑Lamaniti li kkonvertew huma ta’ fidi ferma u soda—Fl‑aħħar żminijiet il‑Mulej se juri l‑ħniena tiegħu mal‑Lamaniti. Madwar 6 Q.K.

1 U issa, għeżież ħuti, araw, jiena nistqarr magħkom li jekk intom ma tindmux djarkom għad jispiċċaw ħerba.

2 Iva, jekk intom ma tindmux, in‑nisa tagħkom se jkollhom verament għalfejn jitnikktu fil‑jum li fih se jkunu qed ireddgħu; għax intom se tippruvaw taħarbu u mhu se ssibu l‑ebda post ta’ refuġju; iva, u xi gwaj se jkunu fih dawk li huma tqal, għax se jkunu qed iġorru l‑piż u ma jistgħux jaħarbu; għalhekk, huma jispiċċaw mgħaffġin u jitħallew imutu.

3 Iva, gwaj għal dan il‑poplu li jissejjaħ il‑poplu ta’ Nefi jekk huma ma jindmux, meta jaraw dawn is‑sinjali u l‑għeġubijiet kollha li se jiġu murija lilhom; għax araw, huma kienu poplu magħżul mill‑Mulej; iva, lill‑poplu ta’ Nefi huwa ħabb, u lilhom ukoll huwa kkastiga; iva, fil‑jiem ta’ ħżunithom lilhom huwa kkastiga għaliex ħabbhom.

4 Iżda araw ħuti, huwa kellu mibegħda lejn il‑Lamaniti għax l‑għemejjel tagħhom kienu kontinwament ħżiena, u dan minħabba l‑ħażen tad‑drawwa ta’ missirijiethom. Iżda araw, is‑salvazzjoni waslet għandhom permezz tal‑predikazzjoni tan‑Nefiti; u għal dan il‑għan li l‑Mulej tawwal jiemhom.

5 U nixtieqkom taraw li l‑biċċa l‑kbira minnhom jinsabu fit‑triq li mitlubin jimxu fiha, u huma qed iġibu ruħhom sewwa quddiem Alla, u qed jaraw li jħarsu l‑kmandamenti tiegħu u l‑liġijiet u d‑digrieti tiegħu skont il‑liġi ta’ Mosè.

6 Iva, jien ngħidilkom, li l‑biċċa l‑kbira minnhom qed jagħmlu dan, u qed jagħmlu li jistgħu b’diliġenza kontinwa biex forsi jkunu jistgħu jwasslu lill‑bqija ta’ ħuthom għall‑għarfien tal‑verità; għalhekk ħafna huma li qed jiżdiedu magħhom ta’ kuljum.

7 U araw, intom dan tafuh, għax dan rajtuh b’għajnejkom, li dawk kollha fosthom li jitwasslu għall‑għarfien tal‑verità, u li jkunu jafu dwar id‑drawwiet ħżiena u mistkerrha ta’ missirijiethom, u li qed jiġu mmexxija biex jemmnu l‑iskrittura mqaddsa, sewwasew il‑profeziji tal‑profeti qaddisa, li jinsabu miktubin, li jwassluhom għall‑fidi fil‑Mulej, u għall‑indiema, liema fidi u ndiema jwasslu għal bidla f’qalbhom—

8 Għalhekk, dawk kollha li waslu għal dan, intom stess tafu li dawn huma nies fermi u sodi fil‑fidi, u f’dik il‑ħaġa li permezz tagħha huma kisbu l‑ħelsien.

9 U intom tafu wkoll li huma difnu l‑armi tagħhom tal‑gwerra, u huma jibżgħu jerġgħu jaqbduhom f’idejhom ma jmorrux b’xi mod jaqgħu fid‑dnub; iva, qed taraw li huma jibżgħu li jaqgħu fid‑dnub—għax araw huma jippreferu jiġu mgħaffġa u maqtula mill‑għedewwa tagħhom, milli jaqbdu x‑xwabel tagħhom kontrihom, u dan minħabba l‑fidi tagħhom fi Kristu.

10 U issa, minħabba d‑determinazzjoni tagħhom, ladarba huma jemmnu fil‑ħaġa li huma jemmnu fiha, fi kliem ieħor minħabba l‑fermezza tagħhom ladarba jiksbu d‑dawl, araw, il‑Mulej sejjer iberikhom u jtawwal jiemhom, minkejja ħżunithom—

11 Iva, anke jekk ftit, ftit huma jispiċċaw jitilfu l‑fidi, il‑Mulej sejjer itawwal jiemhom, sakemm jasal iż‑żmien li dwaru tkellmu missirijietna, kif ukoll il‑profeta Żenos, u bosta profeti oħra, dwar ir‑restawrazzjoni ta’ ħutna, il‑Lamaniti, lura għall‑għarfien tal‑verità—

12 Iva, jien ngħidilkom, li fl‑aħħar żminijiet il‑wegħdiet tal‑Mulej se jkunu disponibbli għal ħutna, il‑Lamaniti; u minkejja l‑bosta taħbit li huma se jiffaċċjaw, u minkejja li huma se jinġarru ’l hawn u ’l hemm fuq wiċċ l‑art, u se jinqabdu, u se jiġu mġiegħla jbatu u se jitferrxu ma’ kullimkien, mingħajr ebda post ta’ refuġju, il‑Mulej se jkollu ħniena minnhom.

13 U dan se jseħħ skont il‑profezija, li tgħid li huma sejrin jitwasslu għall‑vera għarfien, li huwa l‑għarfien tal‑Feddej tagħhom, li hu l‑kbir u l‑veru ragħaj tagħhom, u se jingħaddu man‑nagħaġ tiegħu.

14 Għalhekk jien ngħidilkom, se jkun aktar jaqbel għalihom milli għalikom jekk intom ma tindmux.

15 Għax araw, li kieku l‑għeġubijiet il‑kbar li ġew murija lilkom ġew murija lilhom, iva, lil dawk li ftit, ftit spiċċaw tilfu l‑fidi minħabba d‑drawwiet ta’ missirijiethom, tistgħu taraw intom stess li huma qatt ma kienu se jerġgħu jispiċċaw jitilfu l‑fidi.

16 Għalhekk, jgħid il‑Mulej: jiena m’iniex se neqridhom għal kollox, iżda se nordna biex fil‑jum tal‑għerf tiegħi huma jerġgħu lura għandi, jgħid il‑Mulej.

17 U issa araw, jgħid il‑Mulej, dwar il‑poplu Nefita: Jekk huma mhux se jindmu, u mhux se jaraw li jagħmlu r‑rieda tiegħi, jiena se neqridhom għal kollox, jgħid il‑Mulej, minħabba n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom, minkejja l‑bosta għeġubijiet kbar li jiena għamilt fosthom; u daqs kemm hu ħaj il‑Mulej dan kollu għad jiġi fis‑seħħ, jgħid il‑Mulej.