Skrittura
Ħelaman 7


Il‑Profezija ta’ Nefi, Bin Ħelaman—Alla jhedded lin‑nies ta’ Nefi li huwa se jżurhom fl‑għadab tiegħu, sal‑qerda sħiħa tagħhom jekk huma ma jindmux minn ħżunithom. Alla jibgħat il‑pesta fuq il‑poplu ta’ Nefi; huma jindmu u jduru lejh. Samwel, li hu Lamanita, iħabbar lin‑Nefiti.

Jikkonsisti minn kapitlu 7 sa 16.

Kapitlu 7

Nefi ma jkunx milqugħ fin‑naħa tat‑tramuntana u jerġa’ lura f’Żaraħemla—Huwa jitlob fuq torri fil‑ġnien tiegħu u mbagħad iwiddeb lin‑nies biex jindmu jew inkella jinqerdu. Madwar 23–21 Q.K.

1 Araw, issa ġara li fis‑sena disgħa u sittin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu Nefita, Nefi, bin Ħelaman, reġa’ lura fl‑art ta’ Żaraħemla mill‑art tat‑tramuntana.

2 Għax huwa kien mar fost in‑nies li kienu fl‑art tat‑tramuntana, u xandrilhom il‑kelma ta’ Alla, u ħabbrilhom bosta ħwejjeġ;

3 U huma ma laqgħux kliemu, hekk li li ma setax jibqa’ aktar fosthom, iżda reġa’ lura għal darb’oħra f’art twelidu.

4 U meta ra lin‑nies fi stat ta’ ħażen daqstant terribbli, u ra lil dawk il‑ħallelin Gadjantuni jokkupaw is‑siġġijiet tat‑tribunal—fejn kienu usurpaw is‑setgħa u l‑awtorità tal‑pajjiż; u warrbu l‑kmandamenti ta’ Alla, u bl‑ebda mod ma ppruvaw jagħmlu dak li hu ġust quddiemu; u ma wrew l‑ebda ġustizzja ma’ wlied il‑bnedmin;

5 Li kkundannaw lit‑twajbin minħabba t‑tjieba tagħhom; u bdew iħallu lill‑ħatja u lill‑ħżiena jgħadduha lixxa minħabba flushom; u barra minn hekk ħadu l‑poter f’idejhom fit‑tmexxija tal‑gvern, biex imexxu u jagħmlu li jridu huma, biex ikunu jistgħu jiksbu l‑għana u l‑glorja tad‑dinja, u, barra minn hekk, ikunu jistgħu b’aktar faċilità jagħmlu adulterju, u jisirqu, u joqtlu, u jagħmlu li jridu huma—

6 Issa dan il‑ħażen kollu seħħ fost in‑Nefiti, fi spazju ta’ ftit snin biss; u meta Nefi ra dan, qalbu tqanqlet bin‑niket li ħass ġewwa fih; u fl‑agunija ta’ ruħu huwa stqarr:

7 O, li kieku għext ħajti fi żmien meta missieri Nefi ħalla l‑art ta’ Ġerusalemm, biex miegħu kont inkun nista’ nithenna fl‑art imwiegħda; fi żmienu niesu kienu jsibuha faċli jagħmlu dak li kien mitlub minnhom, kienu dejjem jaraw li jħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, u tqal biex jitmexxew ħalli jagħmlu l‑ħażen; u ma kinux isibuha bi tqila biex jagħtu widen għal kliem il‑Mulej—

8 Iva, li kieku jien għext ħajti f’dawk iż‑żminijiet, ruħi kienet tithenna fit‑tjieba ta’ ħuti.

9 Iżda araw, jien ġejt magħżul biex ngħix f’dawn iż‑żminijiet, u biex ruħi timtela bin‑niket minħabba dan il‑ħażen ta’ ħuti.

10 U araw, ġara li dan seħħ fuq torri, li kien fil‑ġnien ta’ Nefi, li kien jinsab qrib it‑triq, li kienet tagħti għas‑suq ewlieni, li kien fil‑belt ta’ Żaraħemla; għalhekk, Nefi niżel għarkupptejh fuq it‑torri li kien jinsab fil‑ġnien tiegħu, liema torri kien jinsab ukoll qrib il‑bieb tal‑ġnien minn fejn kienet tgħaddi t‑triq.

11 U ġara li kien hemm xi rġiel għaddejjin minn hemm u lemħu lil Nefi waqt li kien qed joffri ruħu lil Alla fuq it‑torri; u huma marru jiġru jgħidu lin‑nies b’dak li kienu raw, u n‑nies inġabru flimkien f’miġemgħa biex jaraw għalfejn kien hemm daqstant niket minħabba l‑ħżunija tal‑poplu.

12 U issa, meta Nefi qam fuq riġlejh huwa ra l‑folla miġbura flimkien.

13 U ġara li huwa fetaħ fommu u qalilhom: Araw, għalfejn inġbartu hawn flimkien? Biex jiena ngħidilkom dwar ħżunitkom?

14 Iva, għax jiena tlajt fuq it‑torri tiegħi ħalli nkun nista’ noffri ruħi lil Alla tiegħi, minħabba l‑qalb mill‑aktar imnikkta tiegħi u dan minħabba ħżunitkom!

15 U minħabba l‑krib u t‑tnehid tiegħi intom inġbartu flimkien, u qed tistagħġbu; iva, u għandkom verament għalfejn tistagħġbu; iva, għandkom tistagħġbu għax intom tajtu lilkom infuskom f’idejn ix‑xitan u huwa ħakem qalbkom daqstant.

16 Iva, x’fettlilkom waqajtu għall‑istigazzjoni ta’ dak li qed jipprova jixħet ruħkom fil‑miżerja ta’ dejjem u fi gwaj bla tmiem?

17 Indmu, indmu! Għalfejn għandkom tmutu? Duru, duru lejn il‑Mulej Alla tagħkom. Għalfejn abbandunakom?

18 Huwa minħabba li intom webbistu qalbkom; iva, ma tridux tagħtu widen għal leħen ir‑ragħaj it‑tajjeb; iva, intom xgħeltu lill‑Mulej bil‑għadab għalikom.

19 U araw, minflok mhu se jiġborkom flimkien, jekk intom ma tindmux, huwa sejjer ixerridkom ma’ kullimkien u intom issiru ikel għall‑klieb u l‑bhejjem selvaġġi.

20 O, x’fettlilkom insejtu lil Alla tagħkom fl‑istess jum li fih ħeliskom?

21 Iżda araw, dan għamiltuh biex takkwistaw, għall‑ftaħir tal‑bnedmin, iva, u biex tkunu tistgħu tiksbu d‑deheb u l‑fidda. U intom irbattu qalbkom mal‑għana u mal‑frugħa ta’ din id‑dinja, li minħabba fihom intom qtiltu, u ssakkeġġjajtu, u sraqtu, u tajtu xhieda falza kontra għajrkom, u għamiltu kull xorta ta’ ħażen.

22 U minħabba f’hekk, jekk intom ma tindmux, intom se tintlaqtu minn gwaj. Għax jekk ma tindmux, araw, din il‑belt kbira, kif ukoll dawk l‑ibliet il‑kbar li jinsabu mal‑madwar, li jinsabu fl‑art li aħna għandna f’idejna, jispiċċaw jittieħdu minn idejna u intom ma tibqgħux tgħammru aktar fihom; għax araw, il‑Mulej lilkom ma jagħtikomx il‑qawwa, kif s’issa dejjem għamel, biex tkunu tistgħu tibqgħu tirreżistu kontra l‑għedewwa tagħkom.

23 Għax araw, dan jgħid il‑Mulej: Jien ma niżvelax qawwieti mal‑ħżiena, la ma’ wieħed u lanqas mal‑ieħor, niżvelaha biss ma’ dawk li jindmu minn dnubiethom, u jagħtu widen għal kliemi. Issa għalhekk, nixtieqkom taraw, ħuti, li se jkun aktar jaqbel għal‑Lamaniti milli għalikom jekk intom tibqgħu ma tindmux.

24 Għax araw, huma aktar twajbin minnkom, għax huma ma dinbux kontra dak l‑għarfien kbir li intom ksibtu; għalhekk il‑Mulej se juri ħnientu magħhom; iva, huwa se jtawwal jiemhom fuq din l‑art u se jkattar nisilhom, anke meta intom tisfaw meqruda għal kollox jekk tibqgħu ma tindmux.

25 Iva, ħażin ikun għalikom minħabba dik il‑ħaġa mill‑aktar mistkerrha li feġġet fostkom; u li intom ingħaqadtu magħha, iva, ma’ dik it‑tajfa sigrieta li waqqaf Gadjantun!

26 Iva, ħażin se jkun għalikom minħabba dik il‑kburija li intom ħallejtuha tidħol f’qalbkom, li mlietkom b’arroganza li tiżboq it‑tajjeb kollu tagħkom u dan minħabba l‑għana mill‑aktar kbira tagħkom!

27 Iva, ħażin ikun għalikom minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tagħkom!

28 U jekk ma tindmux intom sejrin tinqerdu; iva, anke artijietkom sejrin jittieħdulkom, u sejrin tinqerdu minn fuq wiċċ l‑art.

29 Għax araw, jien mhux qed ngħid dan kollu minn rajja, għax dawn il‑ħwejjeġ jien ma nafhomx minn rajja; iżda araw, jien naf li dan kollu huwa veru għax kien il‑Mulej Alla li żvelali dan kollu, għalhekk jiena nixhed li għad jiġu fis‑seħħ.