Skrittura
Introduzzjoni


Introduzzjoni

Il‑Ktieb ta’ Mormon hu volum ta’ skrittura mqaddsa komparabbli mal‑Bibbja. Huwa rakkont tal‑interazzjoni ta’ bejn Alla u l‑abitanti tal‑qedem tal‑Ameriki u fih il‑milja tal‑evanġelju ta’ dejjem.

Il‑ktieb ġie miktub minn bosta profeti tal‑qedem permezz tal‑ispirtu tal‑profezija u r‑rivelazzjoni. Kliemhom, miktub fuq pjanċi tad‑deheb, ġie kkwotat u miġbur fil‑qosor minn profeta‑storiku jismu Mormon. Ir‑rakkont fih l‑istorja ta’ żewġ ċiviltajiet kbar. Waħda minnhom ġiet minn Ġerusalemm fis‑sena 600 Q.K. u wara nqasmet f’żewġt iġnus, magħrufin bħala n‑Nefiti u l‑Lamaniti. L‑oħra ġiet ferm qabel meta l‑Mulej ħawwad l‑ilsna fit‑Torri ta’ Babel. Dan il‑grupp hu magħruf bħala l‑Ġarediti. Wara eluf ta’ snin, ilkoll ġew meqrudin ħlief għal‑Lamaniti, li huma fost l‑antenati tal‑Indjani Amerikani.

L‑akbar ġrajja li tissemma fil‑Ktieb ta’ Mormon hija l‑ministeru personali tal‑Mulej Ġesù Kristu fost in‑Nefiti ftit wara l‑qawmien tiegħu. Il‑ktieb jippreżenta d‑duttrina tal‑evanġelju, jiddeskrivi l‑pjan tas‑salvazzjoni, u jgħid lill‑bnedmin x’għandhom jagħmlu biex jiksbu l‑paċi f’din il‑ħajja u s‑salvazzjoni eterna fil‑ħajja li jmiss.

Wara li Mormon temm il‑kitbiet tiegħu, hu għadda r‑rakkont lil ibnu Moroni, li żied ftit kliem minn tiegħu u ħeba l‑pjanċi fl‑Għolja Kumora. Fil‑21 ta’ Settembru, 1823, dan l‑istess Moroni, bħala bniedem igglorifikat u mqajjem mill‑mewt, deher lill‑Profeta Joseph Smith u tah struzzjonijiet relatati mal‑annali antiki u t‑traduzzjoni eventwali tagħhom għal‑lingwa Ingliża.

Fiż‑żmien dovut il‑pjanċi ġew mgħoddija lil Joseph Smith, li ttraduċihom bid‑don u l‑qawwa ta’ Alla. Ir‑rakkont issa hu ppubblikat f’bosta lingwi bħala xhieda ġdida u addizzjonali li Ġesù Kristu hu Iben Alla l‑ħaj u li dawk kollha li jersqu lejh u jobdu l‑liġijiet u l‑ordinanzi tal‑evanġelju tiegħu jistgħu jsalvaw.

Dwar dan ir‑rakkont il‑Profeta Joseph Smith qal: “Jiena għidt lill‑aħwa li l‑Ktieb ta’ Mormon kien l‑aktar ktieb korrett fost kull ktieb ieħor fuq din l‑art, u hu l‑ġebla tax‑xewka tar‑reliġjon tagħna, u bniedem jista’ jersaq aktar viċin Alla jekk jobdi l‑preċetti tiegħu, milli jobdi dawk f’xi ktieb ieħor.”

Minbarra Joseph Smith, il‑Mulej ippermetta li ħdax‑il persuna oħra jaraw personalment il‑pjanċi tad‑deheb u jkunu xhieda speċjali tal‑verità u d‑divinità tal‑Ktieb ta’ Mormon. It‑testimonjanzi miktuba tagħhom huma inklużi hawnhekk bħala “It‑Testimonjanza ta’ Tliet Xhieda” u “It‑Testimonjanza ta’ Tmien Xhieda.”

Aħna nistiednu lill‑bnedmin kollha ma’ kullimkien biex jaqraw il‑Ktieb ta’ Mormon, jixtarru f’qalbhom il‑messaġġ li fih, u mbagħad jistaqsu lil Alla, il‑Missier Etern, f’isem Kristu jekk il‑ktieb huwiex veru. Dawk li jagħmlu dan u jistaqsu b’fidi jiksbu xhieda tal‑verità u d‑divinità tiegħu bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu. (Ara Moroni 10:3–5.)

Dawk li jiksbu din ix‑xhieda divina mill‑Ispirtu s‑Santu jsiru jafu wkoll permezz tal‑istess qawwa li Ġesù Kristu huwa s‑Salvatur tad‑dinja, li Joseph Smith huwa r‑rivelatur u l‑profeta tiegħu f’dawn l‑aħħar żminijiet, u li l‑Knisja ta’ Ġesù Kristu tal‑Qaddisin tal‑Aħħar Żmien hi s‑saltna tal‑Mulej imwaqqfa għal darb’oħra fuq din l‑art, bi tħejjija għat‑Tieni Miġja tal‑Messija.