Skrittura
Ġakobb 2


Kapitlu 2

Ġakobb jiddenunzja l‑imħabba lejn l‑għana, il‑kburija, u n‑nuqqas ta’ kastità—Il‑bnedmin jistgħu jfittxu l‑għana biex jgħinu lil għajrhom—Il‑Mulej jordna li l‑ebda raġel fost in‑Nefiti m’għandu jkollu aktar minn mara waħda—Il‑Mulej jieħu gost bil‑kastità tan‑nisa. Madwar 544–421 Q.K.

1 Il‑kliem li Ġakobb, ħu Nefi, qal lill‑poplu ta’ Nefi, wara l‑mewt ta’ Nefi:

2 Issa, għeżież ħuti, jiena, Ġakobb, skont ir‑responsabbiltà li jiena għandi lejn Alla, biex nonora l‑uffiċċju tiegħi b’għaqal, u biex inkun nista’ neħles ħwejġi minn dnubietkom, jiena llum nitla’ ġewwa t‑tempju ħalli nkun nista’ nxandrilkom il‑kelma ta’ Alla.

3 U intom stess tafu li s’issa jien dejjem kont diliġenti fl‑uffiċċju tas‑sejħa tiegħi; iżda llum qed inħossni mgħobbi b’xewqa u anzjetà għall‑ġid ta’ ruħkom ferm aktar milli qatt ħassejtni s’issa.

4 Għax araw, sa issa, intom kontu ubbidjenti lejn il‑kelma tal‑Mulej, li jiena tajtkom.

5 Iżda araw, isimgħuni, u kunu afu li bl‑għajnuna tal‑Ħallieq mill‑aktar setgħan tas‑sema u l‑art jien nista’ nkellimkom dwar ħsibijietkom, kif intom qed tibdew taqgħu fid‑dnub, liema dnub jidher mill‑aktar mistmerr f’għajnejja, iva, u mistmerr f’għajnejn Alla.

6 Iva, dan inikkitli ruħi u jwassalni biex bil‑mistħija ninġibed lura mill‑preżenza tal‑Ħallieq tiegħi, fejn se jkolli nixhed magħkom dwar il‑ħżunija ta’ qalbkom.

7 U nħossni nitnikket ukoll li se jkolli nuża kliem daqsxejn iebes dwarkom, quddiem martkom u wliedkom, li ħafna minnhom għandhom sentimenti mill‑aktar teneri u safja u delikati quddiem Alla, liema ħaġa togħġob lil Alla;

8 U nimmaġina li huma ġew hawn fuq biex jisimgħu l‑kelma ħelwa ta’ Alla, iva, il‑kelma li tfejjaq ir‑ruħ imġarrba.

9 Għalhekk, inħoss ruħi titqal li se jkolli nagħmel dan, minħabba l‑kmandament strett li rċevejt mingħand Alla, li nwiddibkom rigward ir‑reati tagħkom, li nkabbar il‑ġrieħi ta’ dawk li diġà jinsabu miġruħa, minflok ma nkun ta’ konsolazzjoni u nfejqilhom il‑ġrieħi tagħhom; u dawk li ma sfawx miġruħa, minflok ma nmantnihom permezz tal‑kelma ħelwa ta’ Alla, inpoġġi l‑istalletti biex inifdulhom ruħhom u nweġġgħalhom il‑moħħ delikat tagħhom.

10 Iżda, minkejja l‑kobor ta’ dil‑ħaġa, jeħtieġ li nagħmel skont il‑kmand strett ta’ Alla, u nkellimkom dwar il‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tagħkom, fil‑preżenza ta’ dawk li huma safja f’qalbhom, u ta’ qalbhom maqsuma, u taħt il‑ħarsa tal‑għajn penetranti ta’ Alla li Jista’ Kollox.

11 Għalhekk, jeħtieġ ngħidilkom il‑verità skont is‑sempliċità tal‑kelma ta’ Alla. Għax araw, wara li staqsejt lill‑Mulej, dan hu dak li Huwa qalli: Ġakobb, għada itla’ ġewwa t‑tempju, u xandar il‑kelma li se nagħtik lil dan il‑poplu.

12 U issa araw, ħuti, din hi l‑kelma li jien se nxandrilkom, li ħafna minnkom bdejtu tfittxu għad‑deheb, u għall‑fidda, u għal kull xorta ta’ metall prezzjuż, li f’din l‑art, li hi art imwiegħda għalikom u għal nisilkom, huma preżenti bil‑kotra.

13 U l‑id tal‑providenza tbissmitilkom bi ħlewwa kbira, fejn intom ksibtu bosta għana; u għaliex xi wħud minnkom ksibtu b’abbundanza akbar milli kisbu ħutkom intom minfuħin fil‑kburija ta’ qalbkom, u għandkom raskom iebsa u arroganti minħabba l‑lussu ta’ lbieskom, u tippersegwitaw lil ħutkom għax taħsbu li intom aħjar minnhom.

14 U issa, ħuti, taħsbu li Alla jiġġustifika li intom tagħmlu dan? Araw, jiena ngħidilkom, Le. Iżda hu jikkundannakom, u jekk tibqgħu għaddejjin b’dawn il‑ħwejjeġ il‑ħaqq tiegħu ma jdumx ma jinżel fuqkom.

15 O li kien li huwa jurikom li jista’ jniffidkom, u b’ħarsa waħda ta’ għajnejh jista’ jixħetkom mal‑art!

16 O li kien li hu jeħliskom minn dan il‑ħażen u din il‑ħaġa mistkerrha. U, O li kien li intom tisimgħu l‑kelma tal‑kmand tiegħu, u ma tħallux din il‑kburija ta’ qalbkom teqredilkom ruħkom!

17 Araw li tqisu lil ħutkom bħalkom infuskom, u uru l‑id tal‑ħbiberija ma’ kulħadd u aqsmu magħhom il‑ġid tagħkom, biex huma jkunu għonja bħalkom.

18 Iżda qabel ma tfittxu l‑għana, araw li tfittxu s‑saltna ta’ Alla.

19 U wara li tkunu ksibtu tama fi Kristu intom tiksbu l‑għana, jekk tfittxuha; u araw li tfittxuha bl‑intenzjoni li tagħmlu l‑ġid—li tlibbsu lill‑għeri, u titimgħu lill‑imġewwaħ, u teħilsu lil min hu fil‑jasar, u tagħtu l‑għajnuna lill‑marid u lill‑imsejken.

20 U issa, ħuti, jiena kellimtkom dwar il‑kburija; u dawk fostkom li għakkistu lil għajrkom, u ppersegwitajtuh minħabba l‑kburija f’qalbkom, permezz tal‑ħwejjeġ li takom Alla, xi tgħiduli dwar dan?

21 Ma taħsbux li ħwejjeġ bħal dawn huma mistmerra minn dak li ħoloq lil kull bniedem? U li bniedem wieħed hu prezzjuż f’għajnejh daqs l‑ieħor. U li l‑bnedmin kollha ġejjin mit‑trab; u għall‑istess għan hu ħalaqhom, biex huma jħarsu l‑kmandamenti tiegħu u jigglorifikawh għal dejjem.

22 U issa jien se nieqaf inkellimkom dwar din il‑kburija. U li kieku mhux se jkolli nkellimkom dwar reat aktar serju, qalbi tithenna bil‑kbir minħabba fikom.

23 Iżda l‑kelma ta’ Alla nħossha ttaqqalni minħabba r‑reati aktar serji tagħkom. Għax araw, jgħid il‑Mulej: Dan il‑poplu qed jibda jikber fil‑ħażen; huma ma jifhmux l‑iskrittura, għax jippruvaw jiskużaw lilhom infushom għalfejn huma jiżnu, minħabba l‑ħwejjeġ li ġew miktubin dwar David, u ibnu Salamun.

24 Araw, David u Salamun verament kellhom bosta nisa u konkubini, liema ħaġa kienet mistmerra minni, jgħid il‑Mulej.

25 Għalhekk, dan jgħid il‑Mulej, jien mexxejt lil dan il‑poplu ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, bil‑qawwa ta’ driegħi, ħalli nkun nista’ nqajjem għalija fergħa ġusta mill‑frott ta’ ġenbejn Ġużeppi.

26 Għalhekk, jien il‑Mulej Alla ma nħallix li dan il‑poplu jagħmel bħal dawk tal‑qedem.

27 Għalhekk, ħuti, isimgħuni, u iftħu widnejkom għall‑kelma tal‑Mulej: Għax l‑ebda raġel fostkom m’għandu jkollu aktar minn mara waħda; u konkubini m’għandu jkollu xejn;

28 Għax jien, il‑Mulej Alla, nieħu gost bil‑kastità tan‑nisa. U ż‑żína jiena nistmerra; dan jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

29 Għalhekk, dan il‑poplu għandu jħares il‑kmandamenti tiegħi, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, jew misħuta tkun l‑art minħabba fih.

30 Għax jekk jiena, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, inqajjem nisel għalija, jiena nikkmanda lill‑poplu tiegħi; altrimenti huma għandhom jisimgħu minn dawn il‑ħwejjeġ.

31 Għax araw, jien, il‑Mulej, rajt in‑niket, u smajt il‑biki tal‑bniet tal‑poplu tiegħi fl‑art ta’ Ġerusalemm, iva, u fl‑artijiet kollha tal‑poplu tiegħi, minħabba l‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha ta’ żwieġhom.

32 U jien mhux se nħalli, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, li l‑biki tal‑bniet sbieħ ta’ dan il‑poplu, li jien mexxejt ’il barra mill‑art ta’ Ġerusalemm, jasal għandi kontra l‑irġiel tal‑poplu tiegħi, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

33 Għax huma mhux se jieħdu fil‑jasar lill‑bniet tal‑poplu tiegħi minħabba t‑tenerezza tagħhom, inkella jiena nżurhom b’saħta kbira, li twassal għall‑qerda tagħhom; għax huma m’għandhomx jiżnu, bħal dawk tal‑qedem, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

34 U issa araw, ħuti, intom tafu li dawn il‑kmandamenti ġew mogħtija lil missierna, Leħi; għalhekk, intom kontu tafuhom qabel; u intom ġibtu fuqkom kundanna kbira; għax għamiltu dawn il‑ħwejjeġ li ma kellkomx tagħmlu.

35 Araw, intom għamiltu aktar ħażen minn ħutna l‑Lamaniti. Intom qsamtu l‑qalb tan‑nisa ħelwin tagħkom, u tliftu l‑fiduċja ta’ wliedkom, minħabba l‑eżempji ħżiena tagħkom quddiemhom, u t‑tnewwiħ ta’ qalbhom jitla’ ’l fuq lejn Alla kontrikom. U minħabba r‑rigorożità tal‑kelma ta’ Alla, li tinżel kontrikom, bosta qlub mietu, mifnija b’ġrieħi mill‑aktar fondi.