Skrittura
Ġakobb 7


Kapitlu 7

Xerem jiċħad lil Kristu, jeħodha kontra Ġakobb, jitlob li jrid jara sinjal, u jaqla’ daqqa ta’ ħarta mingħand Alla—Il‑profeti kollha tkellmu dwar Kristu u l‑Espjazzjoni tiegħu—In‑Nefiti għexu ħajjithom bħala nies vagabondi, twieldu fil‑hemm, u kienu mibgħuda mil‑Lamaniti. Madwar 544–421 Q.K.

1 U issa ġara li wara li għaddew numru ta’ snin, ġie raġel fost il‑poplu ta’ Nefi, li kien jismu Xerem.

2 U ġara li hu beda jxandar fost il‑poplu, u jgħarrafhom li m’għandu jkun hemm l‑ebda Kristu. U hu xandar lin‑nies bosta ħwejjeġ li ma kienu xejn ħlief tifħir żejjed; u għamel dan ħalli jkun jista’ jeqred id‑duttrina ta’ Kristu.

3 U ħadem bir‑reqqa sabiex forsi jkun jista’ jqarraq bi qlub in‑nies, tant li huwa spiċċa biex qarraq b’bosta qlub; u hu li kien jaf li jien, Ġakobb, kelli fidi fi Kristu li għandu jiġi, ipprova jsib il‑ħin opportun biex forsi jiġi għandi.

4 U kien bniedem għaref, fejn kellu għarfien perfett tal‑lingwa tal‑poplu; għalhekk, kien kapaċi juża ħafna kliem ħelu, u ħafna diskors perswasiv, skont il‑qawwa tax‑xitan.

5 U hu kien qed jittama li jħawwadni fil‑fidi tiegħi, minkejja l‑bosta rivelazzjonijiet u l‑bosta ħwejjeġ li jiena rajt relatati ma’ dawn il‑ħwejjeġ; għax jien verament rajt l‑anġli, u huma daru bija. U minn żmien għall‑ieħor jiena smajt ukoll leħen il‑Mulej ikellimni permezz ta’ kliemu; għalhekk, ma stajtx nitħawwad.

6 U ġara li hu ġie għandi, u kellimni b’dan il‑mod, fejn qalli: Ħija Ġakobb, ili nipprova nsib il‑ħin opportun biex forsi niġi nkellmek; għax jiena smajt, u naf ukoll, li inti tiġri mhux ħażin minn post għall‑ieħor, ixxandar dak li inti ssejjaħlu l‑evanġelju, jew id‑duttrina ta’ Kristu.

7 U int qarraqt bil‑parti l‑kbira ta’ dan il‑poplu fejn huma qed jispiċċaw jgħawwġu s‑sewwa ta’ Alla, u ma jħarsux il‑liġi ta’ Mosè li hija s‑sewwa; u jibdlu l‑liġi ta’ Mosè f’qima lejn xi ħadd li inti tgħid li għandu jiġi mijiet ta’ snin oħra. U issa, ara, jiena, Xerem, se nistqarr miegħek li din hija dagħwa; għax l‑ebda bniedem ma jaf dwar dawn il‑ħwejjeġ; għax ħadd ma jista’ jitkellem dwar ħwejjeġ li għad iridu jseħħu. U b’dan il‑mod Xerem beda jeħodha kontrija.

8 Iżda ara, il‑Mulej Alla sawwab l‑Ispirtu tiegħu f’ruħi, tant li jiena irribattejt kull kelma li qalli.

9 U għidtlu: Inti tiċħad lil Kristu li għandu jiġi? U hu qalli: Jekk mhux se jkun hawn Kristu, jiena m’iniex niċħdu; iżda jien naf li m’hawn l‑ebda Kristu, la qatt kien hawn, u lanqas mhu se jkun hawn.

10 U jien għidtlu: L‑iskrittura temminha? U hu qalli, Iva.

11 U għidtlu: Mela ma tifhimhiex; għax hija verament tixhed dwar Kristu. Ara, jiena ngħidlek li ħadd mill‑profeti ma kiteb, jew ma ħabbar xejn ħlief kliem li jittratta dwar dan Kristu.

12 U dan mhux kollox—dan ġie żvelat lili, għax jiena smajt u rajt; u ġie żvelat ukoll lili bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; għalhekk, jien naf li jekk ma sseħħx l‑ebda espjazzjoni, l‑umanità kollha tispiċċa tintilef.

13 U ġara li huwa qalli: Urini sinjal bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, li dwaru inti taf ħafna.

14 U jien għidtlu: Jien x’jien biex inġarrab ’l Alla sabiex lilek nurik sinjal f’xi ħaġa li inti taf li hija vera? Imma inti tiċħadha, għax inti max‑xitan. Madankollu, ma tkunx magħmula r‑rieda tiegħi; iżda jekk Alla jagħtik daqqa ta’ ħarta, ħudha bħala sinjal li hu għandu l‑qawwa, kemm fis‑sema u kemm fl‑art; kif ukoll, li Kristu għandu jiġi. U tkun magħmulha r‑rieda tiegħek, O Mulej, u mhux tiegħi.

15 U ġara li meta jien, Ġakobb, għidt dan il‑kliem, il‑qawwa tal‑Mulej niżlet fuqu, hekk li waqa’ mal‑art. U ġara li hu ġie mantnut għal perjodu ta’ bosta jiem.

16 U ġara li hu qal lin‑nies: Għada nġabru flimkien, għax jien se mmut; għalhekk, nixtieq inkellem lin‑nies qabel immut.

17 U ġara li l‑għada l‑miġemgħa nġabret flimkien; u hu kellimhom ċar u tond u ċaħad il‑ħwejjeġ li kien għallimhom, u stqarr dwar Kristu, u dwar il‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu, u l‑qadi tal‑anġli.

18 U hu qalilhom ċar u tond li hu kien ġie mqarraq mill‑qawwa tax‑xitan. U hu tkellem dwar l‑infern, u dwar l‑eternità, u dwar il‑kastig etern.

19 U qal: Nibża’ li għamilt id‑dnub li ma jinħafirx, għaliex gdibt lil Alla; għax jien ċħadt lil Kristu, u għidt li emmint l‑iskrittura; u hi verament tixhed dwaru. U peress li jien b’dal‑mod gdibt lil Alla nibża’ verament li l‑istat tiegħi se jkun wieħed terribbli; iżda jien se nistqarr kollox ma’ Alla.

20 U ġara li meta hu qal dan il‑kliem ma setax jitkellem aktar, u radd ruħu.

21 U meta l‑miġemgħa rat li hu qal dawn il‑ħwejjeġ ftit qabel ma radd ruħu, huma stagħġbu bil‑kbir; sewwasew li l‑qawwa ta’ Alla niżlet fuqhom, u ħassewhom maħkuma tant li waqgħu mal‑art.

22 Issa, jiena, Ġakobb, ħadt pjaċir b’din il‑ħaġa, għax dan hu dak li kont tlabt mingħand Missieri li hu fis‑Smewwiet; għax hu sema’ l‑għajta tiegħi u sema’ talbi.

23 U ġara li s‑sliem u l‑imħabba ta’ Alla ġew irrestawrati mill‑ġdid fost il‑poplu; u huma bdew iqallbu l‑iskrittura, u ma tawx widen aktar għall‑kliem ta’ dan ir‑raġel ħażin.

24 U ġara li ġew imfassla bosta metodi kif il‑Lamaniti setgħu jiġu riformati u jinġiebu lura għall‑għarfien tal‑verità; iżda kien kollu ta’ xejn, għax huma kienu jħobbu l‑gwerer u t‑tixrid tad‑demm, u kellhom mibegħda eterna kontrina, kontra l‑istess ħuthom. U kontinwament ippruvaw jeqirduna bil‑qawwa ta’ dirgħajhom.

25 Għalhekk, in‑nies ta’ Nefi ffortifikaw ruħhom kontrihom; permezz ta’ dirgħajhom, u bil‑qawwa tagħhom kollha, billi afdaw f’dak li hu l‑Alla u l‑blata tas‑salvazzjoni tagħhom; għalhekk, sa issa baqgħu rebbieħa fuq l‑għedewwa tagħhom.

26 U ġara li jien, Ġakobb, bdejt nixjieħ; u r‑rakkont ta’ dan il‑poplu qed jinżamm fuq il‑pjanċi l‑oħra ta’ Nefi, għalhekk, jien se nikkonkludi dan ir‑rakkont, fejn niddikjara li jien ktibt skont dak li naf jien, billi ngħid li ż‑żmien tagħna għadda, kif ukoll ħajjitna għaddiet bħallikieku kienet ħolma, aħna li aħna poplu solitarju u solenni, vagabond, imkeċċi minn Ġerusalemm, imwieled fil‑hemm, f’deżert, u mibgħud minn ħutna, li kkawżaw gwerer u ġlied; għalhekk, aħna għaddejna ħajjitna fin‑niket.

27 U jien, Ġakobb, rajt li dalwaqt se jkolli ninżel f’qabarti; għalhekk, jien għidt lil ibni Enos: Ħu dawn il‑pjanċi. U għidtlu bil‑ħwejjeġ li kien ordnali ħija Nefi, u hu wiegħed li kien se jobdi dawn il‑kmandi. U jien se ntemm il‑kitba tiegħi fuq dawn il‑pjanċi, liema kitba kienet waħda żgħira; u lil min jaqraha ngħidlu saħħa, nittama li ħafna minn ħuti jaqraw kliemi. Addiju, ħuti.