Skrittura
Mormon 1


Il‑Ktieb ta’ Mormon

Kapitlu 1

Ammaron jagħti struzzjonijiet lil Mormon dwar l‑annali sagri—Jingħata bidu għal gwerra bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti—It‑Tliet Nefiti jittieħdu minn fuq l‑art—Jiddomina l‑ħażen, in‑nuqqas ta’ twemmin, is‑seħer, u l‑magħmul. Madwar W.K. 321–326.

1 U issa jiena, Mormon, se nikteb rakkont ta’ dak kollu li jiena rajt u smajt, u se nsejjaħlu l‑Ktieb ta’ Mormon.

2 U fiż‑żmien li Ammaron ħeba l‑annali għall‑Mulej, huwa ġie fuqi, (jien kelli madwar għaxar snin, u kont bdejt nitgħallem xi ftit skont it‑tagħlim ta’ niesi) u Ammaron qalli: Qed nara li inti tifel bil‑għaqal, u kapaċi tosserva malajr;

3 Għalhekk, meta jkollok madwar erbgħa u għoxrin sena rridek tiftakar dak kollu li inti qgħadt tosserva dwar dan il‑poplu; u meta jkollok dik l‑età rridek tmur fl‑art ta’ Antum, f’għolja li se jkun jisimha Xim; u hemmhekk jiena sejjer naħbi għall‑Mulej l‑inċiżjonijiet sagri kollha relatati ma’ dan il‑poplu.

4 U ara, inti għandek tieħu għandek il‑pjanċi ta’ Nefi, u l‑bqija għandek tħallihom fejn qegħdin; u fuq il‑pjanċi ta’ Nefi ara li tnaqqax dak kollu li inti qgħadt tosserva dwar dan il‑poplu.

5 U jiena, Mormon, li ġej min‑nisel ta’ Nefi, (u isem missieri kien Mormon) ftakart dak kollu li ordnali nagħmel Ammaron.

6 U ġara li meta kelli ħdax‑il sena, missieri ħadni fl‑art tan‑nofsinhar, sewwasew fl‑art ta’ Żaraħemla.

7 Wiċċ l‑art kollha kien imtela’ bil‑bini, u kien hemm nies kważi daqs kemm kien hemm ramel tal‑baħar.

8 U ġara li f’din is‑sena ngħata bidu għal gwerra bejn in‑Nefiti, li kienu jikkonsistu min‑Nefiti u l‑Ġakobbin u l‑Ġużeppin u ż‑Żoramiti; u din kienet gwerra bejn in‑Nefiti, u l‑Lamaniti u l‑Lemweliti u l‑Ismagħelin.

9 Issa l‑Lamaniti u l‑Lemweliti u l‑Ismagħelin kienu jissejħu Lamaniti, u ż‑żewġ naħat kienu Nefiti u Lamaniti.

10 U ġara li l‑gwerra li faqqet fosthom bdiet mill‑fruntiera ta’ Żaraħemla, ħdejn l‑ilmijiet ta’ Sidon.

11 U ġara li n‑Nefiti ġabru flimkien għadd kbir ta’ rġiel, tant li huma spiċċaw qabżu t‑tletin elf. U ġara li f’din l‑istess sena huma ħadu sehem f’għadd ta’ battalji, li fihom in‑Nefiti għelbu lil‑Lamaniti u qatlu ħafna minnhom.

12 U ġara li l‑Lamaniti spiċċaw biex irtiraw il‑pjan li kellhom, u fl‑art bdiet issaltan il‑paċi; u l‑paċi baqgħet issaltan għal madwar erba’ snin, li matulhom ma kien hemm l‑ebda tixrid ta’ demm.

13 Iżda l‑ħażen reġa’ beda jiddomina fuq wiċċ l‑art kollha, hekk li l‑Mulej ħa minn fosthom lit‑tliet dixxipli maħbubin tiegħu, u l‑għemejjel tal‑mirakli u l‑fejqan spiċċaw waqfu minħabba l‑ħażen tal‑poplu.

14 U huma ma baqgħux jirċievu aktar doni mingħand il‑Mulej, u fuq ħadd ma niżel l‑Ispirtu s‑Santu, minħabba ħżunithom u n‑nuqqas ta’ fidi tagħhom.

15 U jiena, li kelli ħmistax‑il sena u li kont bil‑għaqal mhux ħażin, ġie jżurni l‑Mulej, u jiena doqt u għaraft it‑tjubija ta’ Ġesù.

16 U jiena ppruvajt inxandar il‑kelma lil dan il‑poplu, iżda fommi ma stajtx niftħu, u jien ġejt miżmum milli nxandrilhom il‑kelma; għax araw, huma ħaduha minn jeddhom kontra Alla; u d‑dixxipli maħbubin ittieħdu minn fuq l‑art, minħabba ħżunithom.

17 Iżda jiena bqajt fosthom, imma ġejt miżmum milli nxandrilhom il‑kelma, minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom; u minħabba l‑ebusija ta’ qalbhom ġiet misħuta l‑art minħabba fihom.

18 U dawn il‑ħallelin Gadjantuni, li kienu fost il‑Lamaniti, spiċċaw biex infestaw il‑pajjiż, hekk li n‑nies li kienu jgħammru fih spiċċaw jaħbu t‑teżori tagħhom fl‑art; u huma saru jiżolqu, minħabba li l‑Mulej kien seħet il‑pajjiż, hekk li huma ma setgħux jerġgħu jeħduhom lura jew jerġgħu jeħduhom f’idejhom.

19 U ġara li fosthom beda jseħħ is‑seħer, u l‑magħmul u l‑maġija; u l‑qawwa tal‑malinn spiċċat ħakmet wiċċ l‑art kollha, u b’hekk ġie fis‑seħħ il‑kliem li kien qal Abinadi, u li kien qal ukoll Samwel il‑Lamanita.