Skrittura
Mormon 6


Kapitlu 6

In‑Nefiti jinġabru fl‑art ta’ Kumora għall‑aħħar battalji—Mormon jaħbi l‑annali sagri fl‑għolja ta’ Kumora—Il‑Lamaniti joħorġu rebbieħa u l‑ġens Nefita jispiċċa jinqered—Mijiet ta’ eluf jinqatlu permezz tax‑xabla. Madwar W.K. 385.

1 U issa se nagħlaq ir‑rakkont tiegħi dwar il‑qerda tal‑poplu tiegħi, in‑Nefiti. U ġara li aħna tlaqna għal għonq it‑triq qabel il‑Lamaniti.

2 U jiena, Mormon, ktibt ittra lis‑sultan tal‑Lamaniti, u wrejtu bix‑xewqa tagħna li niġbru flimkien lin‑niesna fl‑art ta’ Kumora, qrib l‑għolja li kien jisimha Kumora, u hemmhekk naffrontawhom f’battalja.

3 U ġara li s‑sultan tal‑Lamaniti laqa’ x‑xewqa tiegħi.

4 U ġara li aħna mxejna lejn l‑art ta’ Kumora, u tellajna t‑tined tagħna madwar l‑għolja ta’ Kumora; u dan seħħ f’art mimlija ilmijiet, xmajjar, u għejun; u hawn bdejna nittamaw li aħna jirnexxielna niksbu vantaġġ fuq il‑Lamaniti.

5 U hekk kif ġiet fi tmiemha s‑sena tliet mija u erbgħa u tmenin, aħna ġbarna flimkien il‑bqija ta’ niesna fl‑art ta’ Kumora.

6 U ġara li meta aħna ġbarna lil niesna kollha flimkien fl‑art ta’ Kumora, araw jiena, Mormon, bdejt nixjieħ; u peress li kont naf li din kienet se tkun l‑aħħar taqbida tal‑poplu tiegħi, u għax il‑Mulej kien ordnali biex ma nħallix l‑annali, li kienu sagri u li kienu għaddew għandna minn missirijietna, jaqgħu f’idejn il‑Lamaniti, (għax il‑Lamaniti jispiċċaw jeqirduhom) għalhekk jiena ktibt dan ir‑rakkont fuq il‑pjanċi ta’ Nefi, u ħbejt fl‑għolja ta’ Kumora l‑annali kollha li ġew fdati f’idejja minn id il‑Mulej, ħlief għal dawn il‑ftit pjanċi li jiena tajt lill‑ibni Moroni.

7 U ġara li n‑nies tiegħi, flimkien ma’ marthom u wliedhom, setgħu jaraw l‑armati tal‑Lamaniti resqin lejhom; u bil‑biża’ tal‑mewt mill‑aktar terribbli li jħossu fihom il‑ħżiena kollha, huma baqgħu jistennewhom ħalli jaħbtu għalihom.

8 U ġara li huma ġew biex jaħbtu għalina, u kulħadd kien maħkum minn biża’ mill‑aktar kbira minħabba l‑għadd kbir tagħhom.

9 U ġara li huma bdew jattakkaw lill‑poplu tiegħi permezz tax‑xabla, u permezz tal‑qaws, u permezz tal‑vleġġa, u permezz tal‑mannara, u b’kull xorta ta’ armi tal‑gwerra.

10 U ġara li n‑nies tiegħi sfaw maqtula, iva, sewwasew l‑għaxart elef li kienu miegħi, u jiena sfajt midrub f’nofshom; u huma għaddew minn ħdejja bla ma temmewli ħajti.

11 U wara li huma spiċċaw biex qatlu lin‑nies tiegħi kollha minbarra l‑erbgħa u għoxrin li aħna konna, (li fostna kien hemm ibni Moroni) u wara li spiċċajna ħlisniha mill‑mewt minn fost in‑nies kollha tagħna, l‑għada aħna stajna naraw, wara li l‑Lamaniti reġgħu lura fil‑kampijiet tagħhom, minn fuq il‑quċċata tal‑għolja ta’ Kumora, l‑għaxart elef ruħ li sfaw maqtula minn fost in‑nies tiegħi, li kienu mmexxijin minni.

12 U aħna stajna naraw ukoll l‑għaxart elef ruħ minn fost il‑poplu tiegħi li kienu mmexxijin minn ibni Moroni.

13 U araw, l‑għaxart elef ruħ ta’ Gidgiddona sfaw maqtula, u hu spiċċa mejjet f’nofshom ukoll.

14 U Lama safa maqtul mal‑għaxart elef li kellu miegħu; u Gilgal safa maqtul mal‑għaxart elef li kellu miegħu; u Limħa safa maqtul mal‑għaxart elef li kellu miegħu; u Ġenewm safa maqtul mal‑għaxart elef li kellu miegħu; u Kumenija, u Moronija, u Antjonu, u Xiblom, u Xem, u Ġoż, sfaw maqtula mal‑għaxart elef li kull wieħed kellu miegħu.

15 U ġara li kien hemm għaxra oħra li spiċċaw mietu permezz tax‑xabla, flimkien mal‑għaxart elef li kull wieħed minnhom kellu miegħu; iva, sewwasew in‑nies tiegħi kollha, ħlief għal dawk l‑erbgħa u għoxrin li kienu miegħi, kif ukoll xi ftit li kienu ħarbu lejn l‑artijiet tan‑nofsinhar, u xi ftit li kienu ngħaqdu mal‑Lamaniti, spiċċaw inqatlu; u ġisimhom, u għadamhom, u demmhom jinsabu fuq wiċċ l‑art, fejn tħallew minn dawk li qatluhom biex fuq wiċċ l‑art jitħassru, u jitmermru u jerġgħu lura għand ommna l‑art.

16 U ruħi riedet tinqasam bin‑niket, minħabba n‑nies tiegħi li sfaw maqtula, u jiena għajjatt:

17 O ġmiel tiegħi, għalfejn tbegħedtu minn triqat il‑Mulej! O ġmiel tiegħi, għalfejn warrabtu lill‑istess Ġesù li kien jinsab lest biex jilqagħkom għandu b’dirgħajh miftuħa!

18 Araw, kieku intom m’għamiltux dan, ma kontux tinqatlu. Iżda araw, intom ġejtu maqtula, u jiena nibki t‑telfa tagħkom.

19 O ġmiel tiegħi, uliedi subien u bniet, intom il‑missirijiet u l‑ommijiet, intom l‑irġiel u n‑nisa, O ġmiel tiegħi, kif spiċċajtu lkoll maqtula!

20 Iżda araw, intom ħallejtu din id‑dinja, u n‑niket tiegħi mhuwiex se jġibkom lura.

21 U ma jdumx ma jasal il‑jum meta l‑ġisem mortali tagħkom ixedd fuqu l‑immortalità, u dawn l‑iġsma li bħalissa qed jitmermru u jitħassru dalwaqt se jxeddu fuqhom ġisem li ma jitħassarx; imbagħad jeħtieġ li intom tieqfu quddiem it‑tribunal ta’ Kristu, biex isir ħaqq minnkom skont għemilkom; u jekk intom tkunu ġusti, henjin tkunu intom flimkien ma’ missirijietkom li ħallew din il‑ħajja qabilkom.

22 O li kieku intom urejtu l‑indiema qabel ma ġiet fuqkom din il‑qerda kbira. Iżda araw, intom ħallejtu din id‑dinja, u l‑Missier, iva, il‑Missier Etern tas‑smewwiet, jaf xi stat tinsabu fih; u hu jagħmel minnkom skont il‑ġustizzja u l‑ħniena tiegħu.