Skrittura
Moroni 8


Kapitlu 8

Il-magħmudija tat-tfal iż-żgħar hija ħaġa ħażina u mistkerrha—It-tfal iż-żgħar huma ħajjin fi Kristu minħabba l-Espjazzjoni—Il-fidi, l-indiema, il-ħlewwa u l-qalb umli, ir-riċeviment tal-Ispirtu s-Santu, u li tibqa’ sħiħ sal-aħħar iwasslu għas-salvazzjoni. Madwar A.D. 401–421.

1 Ittra li missieri Mormon kiteb lili Moroni; u kitibhieli ftit wara s-sejħa tiegħi għall-ministeru. U huwa kitibli b’dan il-mod u qalli:

2 Għażiż ibni, Moroni, jien inħossni mill-aktar ferħan li l-Mulej Ġesù Kristu ftakar fik, u sejjaħlek għall-ministeru tiegħu, u għall-ħidma qaddisa tiegħu.

3 Jien dejjem niftakar fik fit-talb tiegħi, u l-ħin kollu nitlob lil Alla l-Missier f’isem l-Iben Mqaddes tiegħu, Ġesù, li permezz tat-tjubija u l-grazzja infinita tiegħu, huwa jibqa’ jħarsek jekk inti tkompli teżerċita l-fidi f’ismu sat-tmiem.

4 U issa, ibni, se nkellmek dwar ħaġa li tassew qed tnikkitni; għax jien inħossni mnikket li intom qed tispiċċaw titlewmu bejnietkom.

5 Għax jekk dak li smajt huwa minnu, intom bdejtu titlewmu bejnietkom dwar il-magħmudija tat-tfal iż-żgħar tagħkom.

6 U issa, ibni, nixtieq li inti tara x’tagħmel biex fostkom ma jkomplix iseħħ dan l-iżball mill-aktar serju; hu għalhekk li jiena ktibt din l-ittra.

7 Għax ftit wara li sirt naf b’dawn il-ħwejjeġ li qed jiġru fostkom jiena staqsejt lill-Mulej dwar dil-ħaġa. U l-Mulej kellimni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u qalli:

8 Isma’ kliem Kristu, il-Feddej tiegħek, il-Mulej u Alla tiegħek. Ara, jiena ma ġejtx fid-dinja biex insejjaħ għall-indiema lill-ġusti, iżda lill-midinbin; mhux dawk li huma f’saħħithom jeħtieġu t-tabib, iżda l-morda; għalhekk, it-tfal iż-żgħar huma f’saħħithom, għax mhumiex kapaċi jagħmlu d-dnub; għalhekk is-saħta ta’ Adam titneħħa minn fuqhom minħabba fija, u m’għandha l-ebda kontroll fuqhom; u l-liġi taċ-ċirkonċiżjoni m’għadhiex tgħodd aktar minħabba fija.

9 U b’dan il-mod l-Ispirtu s-Santu żvela miegħi l-kelma ta’ Alla; għalhekk, ibni l-għażiż, jiena naf li quddiem Alla jekk wieħed jgħammed lit-tfal iż-żgħar huwa jkun qed jgħaddi ż-żmien bi ħwejjeġ mill-aktar solenni.

10 Ara jien ngħidlek li dak li inti għandek tgħallem hu dan—l-indiema u l-magħmudija lil dawk li huma kontabbli u kapaċi jagħmlu d-dnub; iva, għallem lill-ġenituri li jeħtieġ li huma jindmu u jitgħammdu, u jumiljaw ruħhom bħal uliedhom iċ-ċkejknin, u huma lkoll isalvaw flimkien ma’ wliedhom iċ-ċkejknin.

11 U wliedhom iċ-ċkejknin la jeħtieġu ndiema, u lanqas magħmudija. Ara, il-magħmudija hija għall-indiema biex jitwettqu l-kmandamenti għall-maħfra tad-dnubiet.

12 Iżda t-tfal iż-żgħar huma ħajjin fi Kristu, u ilhom sa mill-ħolqien tad-dinja; għax kieku mhux hekk, Alla mhuwiex Alla ġust, iżda Alla li jinbidel, u li jħares lejn wiċċ in-nies; għax kemm tfal żgħar mietu mingħajr ma tgħammdu!

13 Għalhekk, jekk it-tfal iż-żgħar ma jistgħux isalvaw mingħajr magħmudija, dawk spiċċaw biex marru ġo infern bla tmiem.

14 Ara jiena ngħidlek, li min jaħseb li t-tfal ċkejknin jeħtieġu l-magħmudija jinsab għaddej minn ħafna mrar u jinsab fil-jasar tal-ħażen; għax hu la għandu fidi, la għandu tama, u lanqas karità; għalhekk, jekk huwa jkollu jsofri l-mewt waqt li għadu jaħsibha b’dal-mod, huwa jinxteħet fl-infern.

15 Għax kbir wisq huwa l-ħażen ta’ min jemmen li Alla jsalva tarbija għaliex tgħammdet, u tarbija oħra jkollha tintilef għaliex ma tgħammditx.

16 Ħażin għalihom dawk li jgħawġu b’dan il-mod it-triqat tal-Mulej, għax huma għad jinqerdu jekk jibqgħu ma jindmux. Ara, jiena nitkellem bil-kunfidenza kollha, għax jien ġejt mogħti l-awtorità minn Alla; u ma nibżax minn dak li jista’ jagħmel il-bniedem; għax l-imħabba sħiħa tkeċċi ’l barra kull biża.

17 U qalbi mimlija karità, li hija l-imħabba ta’ dejjem; għalhekk, uliedi huma kollha l-istess għalija; għalhekk, jiena nħobb lit-tfal iż-żgħar b’imħabba sħiħa; u huma lkoll l-istess u huma benefiċjarji tas-salvazzjoni.

18 Għax jiena naf li Alla la huwa Alla inġust u lanqas xi esseru li jinbidel; iżda huwa ma jinbidel qatt mill-eternità għall-eternità.

19 It-tfal iż-żgħar ma jistgħux jindmu; għalhekk, kemm huwa kbir il-ħażen li wieħed iċaħħadhom minn kull ħniena safja ta’ Alla, għaliex lkoll kemm huma huma ħajjin fih minħabba l-ħniena tiegħu.

20 U dawk li jgħidu li t-tfal iż-żgħar jeħtieġu l-magħmudija ikunu qed jiċħdu l-ħniena kollha ta’ Kristu, u jqisu l-espjazzjoni tiegħu u l-qawwa tal-fidwa tiegħu bħallikieku ma jiswew xejn.

21 Ħażin ikun għalihom, għax huma jinsabu fil-periklu tal-mewt, u tal-infern, u tat-turment bla tmiem. Jien qed ngħid dan b’kunfidenza kbira għax Alla ordnali ngħid dan. Isimgħu milli qed ngħid u agħtu widen, għax inkella kliemi jkun ta’ xhieda kontrikom quddiem it-tribunal ta’ Kristu.

22 Għax araw, it-tfal iż-żgħar huma kollha ħajjin fi Kristu, u l-istess dawk kollha li jinsabu mingħajr il-liġi. Għax il-qawwa tal-fidwa tapplika għal dawk kollha li m’għandhom l-ebda liġi; għalhekk, min mhuwiex ħati, jew min ma jinsab taħt l-ebda ħtija, ma jistax jindem; u għalih il-magħmudija ma tiswa xejn—

23 Iżda nkunu qed ngħaddu ż-żmien b’Alla jekk niċħdu l-ħniena ta’ Kristu, u l-qawwa tal-Ispirtu Qaddis tiegħu, u nafdaw f’għemejjel mejta.

24 Ara, ibni, din il-ħaġa m’għandhiex tkun; għax l-indiema tapplika għal dawk li huma ħatja u li fuqhom hemm is-saħta tal-ksur ta’ liġi.

25 U l-ewwel frott tal-indiema hija l-magħmudija; u l-magħmudija hi possibbli permezz tal-fidi għat-twettiq tal-kmandamenti; u t-twettiq tal-kmandamenti jwassal għall-maħfra tad-dnubiet;

26 U l-maħfra tad-dnubiet twassal għal qalb ħelwa u umli; u permezz ta’ qalb ħelwa u umli tasal iż-żjara tal-Ispirtu s-Santu, li huwa l-Farrâġ li jimliena bit-tama u b’imħabba sħiħa, liema mħabba tibqa’ ħajja permezz tat-talb regolari, sakemm jasal it-tmien, meta l-qaddisin kollha għad jgħammru ma’ Alla.

27 Ara, ibni, jekk minn hawn u ftit ieħor ma mmurx għall-battalja kontra l-Lamaniti jiena nerġa’ niktiblek. Ara, is-suppervja ta’ dan il-ġens, jew ta’ dan il-poplu Nefita, se twassalhom għall-qerda tagħhom jekk huma jibqgħu ma jindmux.

28 Itlob għalihom, ibni, biex huma forsi jindmu. Għax ara, jien wisq nibża’ li l-Ispirtu m’għadux jgħammar aktar magħhom; u f’din in-naħa tal-pajjiż qed jippruvaw ixejnu kull qawwa u awtorità li ġejja minn Alla; u huma qed jiċħdu l-Ispirtu s-Santu.

29 U wara li jiċħdu għarfien daqstant kbir, ibni, ma jdumux wisq ma jinqerdu, u dan iġib fis-seħħ il-profeziji li tkellmu dwarhom il-profeti, kif ukoll il-kliem li qal l-istess Salvatur tagħna.

30 Saħħa, ibni, sakemm nerġa’ niktiblek, jew sakemm nerġgħu niltaqgħu. Ammen.