Skrittura
Mosija 15


Kapitlu 15

Kif Kristu huwa kemm il‑Missier kif ukoll l‑Iben—Hu se jidħol għall‑poplu tiegħu u se jitgħabba bi ħtijiethom—Huma u l‑profeti qaddisa kollha huma n‑nisel tiegħu—Hu jġib fis‑seħħ il‑Qawmien mill‑imwiet—It‑tfal ċkejknin jiksbu l‑ħajja eterna. Madwar 148 Q.K.

1 U issa Abinadi qalilhom: Irridkom tifhmu li Alla nnifsu se jiġi fost ulied il‑bnedmin, u sejjer jifdi lill‑poplu tiegħu.

2 U għaliex huwa se jgħammar fil‑ġisem hu se jkun jissejjaħ Iben Alla, u għax hu ssottometta ġismu għar‑rieda tal‑Missier, huwa kemm il‑Missier kif ukoll l‑Iben—

3 Il‑Missier, għaliex tnissel bil‑qawwa ta’ Alla; u l‑Iben, minħabba l‑ġisem; b’hekk huwa jsir kemm il‑Missier kif ukoll l‑Iben—

4 U huma Alla wieħed, iva, il‑veru Missier Etern tas‑sema u tal‑art.

5 U għalhekk il‑ġisem isir suġġett għall‑Ispirtu, jew l‑Iben għall‑Missier, li huma Alla wieħed, fejn jesperjenza t‑tiġrib, u ma jċedix għat‑tiġrib, iżda jippermetti li jiġi mżeblaħ, u msawwat, u mwarrab, u miċħud mill‑poplu tiegħu stess.

6 U wara dan kollu, wara li jwettaq bosta mirakli tal‑għaġeb fost ulied il‑bnedmin, hu se jinġarr, iva, sewwasew kif qal Isaija, bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, u baqa’ ma fetaħx fommu.

7 Iva, bl‑istess mod hu se jinġarr, jiġi msallab, u jinqatel, fejn il‑ġisem sewwasew isir suġġett għall‑mewt, u r‑rieda tal‑Iben tinbela fir‑rieda tal‑Missier.

8 U b’dal‑mod Alla jkisser l‑irbit tal‑mewt, għax ikun kiseb ir‑rebħa fuq il‑mewt; u lill‑Iben jagħtih il‑qawwa li jidħol għal ulied il‑bnedmin—

9 U hu tela’ fis‑smewwiet, mimli kollu ħniena u kompassjoni lejn ulied il‑bnedmin; u jinsab wieqaf bejnhom u bejn il‑ġustizzja; hu li kisser l‑irbit tal‑mewt, li ħa fuqu nnifsu ħżunithom u ħtijiethom, u lilhom huwa feda, u ssodisfa l‑bżonn tal‑ġustizzja.

10 U issa jiena ngħidilkom, min se jitkellem dwar nislu? Araw, jiena ngħidilkom, li meta hu joffri ruħu b’sagrifiċċju għad‑dnub hu għad jara lil nislu. U issa xi tgħidu? U nislu min se jkun?

11 Araw, jiena ngħidilkom, li kull min sema’ kliem il‑profeti, iva, il‑profeti qaddisa kollha li ħabbru dwar il‑miġja tal‑Mulej—jiena ngħidilkom, li dawk kollha li taw widen għal kliemhom, u emmnu li l‑Mulej sejjer jifdi lill‑poplu tiegħu, u ħarsu ’l quddiem lejn dak il‑jum għal maħfra ta’ dnubiethom, jiena ngħidilkom, li dawn huma n‑nisel tiegħu, jew aħjar dawn huma l‑werrieta tas‑saltna ta’ Alla.

12 Għax dawn huma dawk li dnubiethom huwa ġarr; dawn huma dawk li għalihom huwa miet, biex jifdihom minn ħtijiethom. U issa, mhumiex huma n‑nisel tiegħu?

13 Iva, u l‑profeti mhumiex kull wieħed li fetaħ fommu biex iħabbar, kull wieħed li ma waqax fil‑ħtija, jiġifieri l‑profeti qaddisa kollha sa mill‑bidu tad‑dinja? Jiena ngħidilkom li n‑nisel tiegħu huma dawn.

14 U dawn huma dawk li xandru l‑paċi, li wasslu l‑aħbar it‑tajba, li xandru s‑salvazzjoni; u qalu lil Sijon: Alla tiegħek isaltan!

15 U kemm kienu sbieħ fuq il‑muntanji riġlejhom!

16 U kemm huma sbieħ fuq il‑muntanji wkoll ir‑riġlejn ta’ dawk li għadhom ixandru l‑paċi!

17 U kemm huma sbieħ fuq il‑muntanji wkoll ir‑riġlejn ta’ dawk li minn issa ’l quddiem għad ixandru l‑paċi, iva, minn issa ’l quddiem u għal dejjem!

18 U araw, jien ngħidilkom, dan mhux kollox. Għax kemm huma sbieħ fuq il‑muntanji r‑riġlejn ta’ dak li jwassal l‑aħbar it‑tajba, li huwa l‑fundatur tal‑paċi, iva, sewwasew il‑Mulej, li feda lill‑poplu tiegħu; iva, dak li ġab is‑salvazzjoni għall‑poplu tiegħu;

19 Għax li kieku ma kienx għall‑fidwa li huwa għamel għall‑poplu tiegħu, li ġiet imħejjija sa mill‑ħolqien tad‑dinja, jien ngħidilkom, li kieku ma kienx għal dan, l‑umanità kollha kienet tispiċċa tintilef.

20 Iżda araw, l‑irbit tal‑mewt sejjer jitkisser, u l‑Iben sejjer isaltan, u jkollu l‑qawwa fuq il‑mewt; għalhekk, huwa jġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet tal‑mejtin.

21 U jiġi fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet, sewwasew l‑ewwel qawmien; iva, sewwasew il‑qawmien ta’ dawk li kienu, u dawk li huma, u dawk li għad ikunu, sewwasew sal‑qawmien mill‑imwiet ta’ Kristu—għax hekk se jkun jissejjaħ.

22 U issa, il‑qawmien mill‑imwiet tal‑profeti kollha, u ta’ dawk kollha li emmnu f’kulma qalu, jew ta’ dawk kollha li ħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla, se jseħħ fl‑ewwel qawmien; għalhekk, huma l‑ewwel qawmien.

23 Huma jiġu mgħollija ’l fuq biex jgħammru ma’ Alla li fdihom; b’hekk huma jkollhom il‑ħajja eterna permezz ta’ Kristu, li kisser l‑irbit tal‑mewt.

24 U dawn huma dawk li se jkunu parti mill‑ewwel qawmien; u dawn huma dawk li mietu qabel ġie Kristu, fl‑injuranza tagħhom, li lilhom is‑salvazzjoni ma ġietx imxandra. U b’hekk il‑Mulej iġib fis‑seħħ ir‑restawrazzjoni tagħhom; u huma jkunu parti mill‑ewwel qawmien, jew aħjar ikollhom il‑ħajja eterna, għax huma jiġu mifdija mill‑Mulej.

25 U t‑tfal ċkejknin ukoll jiksbu l‑ħajja eterna.

26 Iżda ħarsu u ibżgħu, u tkexkxu quddiem Alla, għax għandkom għalfejn titkexkxu; għax il‑Mulej ma jifdix lil dawk li jeħduha kontrih u jmutu fi dnubiethom; iva, sewwasew dawk kollha li mietu fi dnubiethom sa mill‑bidu tad‑dinja, li minn rajhom ħaduha kontra Alla, li kienu jafu l‑kmandamenti ta’ Alla, u ma ħarsuhomx; dawn huma dawk li mhux se jkunu parti mill‑ewwel qawmien.

27 Għalhekk m’għandkomx għalfejn titkexkxu? Għax ħadd minn dawn ma jikseb is‑salvazzjoni; għax lil ħadd minn dawn ma feda l‑Mulej; iva, lanqas ma jista’ l‑Mulej jifdi lil dawn; għax hu ma jistax jiċħad lilu nnifsu; għax hu ma jistax jiċħad il‑ġustizzja minn dak li hu tagħha.

28 U issa jiena ngħidilkom li għad jasal żmien fejn is‑salvazzjoni tal‑Mulej se tiġi mxandra lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu.

29 Iva, Mulej, l‑għassiesa tiegħek se jgħollu leħenhom; b’leħen wieħed flimkien se jgħannu; għax se jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom lill‑Mulej iġib lura lil Sijon.

30 Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għannu lkoll bil‑ferħ; għax farraġ il‑Mulej il‑poplu tiegħu, huwa feda lil Ġerusalemm.

31 Kixef il‑Mulej id‑driegħ tiegħu qaddis, f’għajnejn il‑ġnus kollha; u t‑truf kollha tal‑art sejrin jaraw is‑salvazzjoni ta’ Alla tagħna.