Skrittura
Mosija 17


Kapitlu 17

Alma jemmen u jikteb kliem Abinadi—Abinadi jingħata l‑mewt permezz tan‑nar—Hu jħabbar il‑mard u l‑mewt permezz tan‑nar fuq il‑qattiela tiegħu. Madwar 148 Q.K.

1 U issa ġara li meta Abinadi temm jgħid dan il‑kliem, is‑sultan ordna sabiex il‑qassisin jaqbduh taħt idejhom u jaraw li huwa jingħata l‑mewt.

2 Iżda kien hemm wieħed fosthom jismu Alma, li wkoll kien ġej min‑nisel ta’ Nefi. U hu kien raġel żagħżugħ, u emmen il‑kliem li qal Abinadi, għax kien jaf dwar il‑ħażen li Abinadi xehed kontrihom; għalhekk huwa beda jitlob bil‑ħerqa lis‑sultan biex ma jagħdabx ma’ Abinadi, iżda jħallih imur fis‑sliem.

3 Iżda s‑sultan aktar inkorla, u talab biex Alma jitkeċċa minn fosthom, u bagħat lill‑qaddejja tiegħu warajh ħalli jkunu jistgħu joqtluh.

4 Iżda hu ħarab minn quddiemhom u mar jistaħba ħalli ma jsibuhx. U fil‑bosta jiem li għamel mistoħbi huwa kiteb dak kollu li kien qal Abinadi.

5 U ġara li s‑sultan ordna sabiex l‑għassiesa tiegħu jiċċirkundaw lil Abinadi u jaqbduh taħt idejhom; u huma rabtuh u xeħtuh fil‑ħabs.

6 U wara tlett ijiem, wara li ddiskuta mal‑qassisin tiegħu, hu ordna sabiex għal darb’oħra jerġa’ jinġieb quddiemu.

7 U huwa qallu: Abinadi, aħna sibna akkuża kontrik, u inti jistħoqqlok il‑mewt.

8 Għax inti għidt li Alla nnifsu għandu jinżel fost ulied il‑bnedmin; u issa, minħabba f’hekk inti għandek tingħata l‑mewt jekk inti ma tirtirax il‑kliem kollu deni li għidt dwari u dwar il‑poplu tiegħi.

9 Issa Abinadi qallu: Jiena ngħidlek, jien mhux se nirtira l‑kliem li għidtilkom dwar dan il‑poplu, għax huwa kollu veru; u biex inti tkun taf kemm hu minnu jiena ppermettejt lili nnifsi li naqa’ f’idejk.

10 Iva, u jien lest inbati sewwasew sal‑mewt, u m’iniex se nirtira kliemi, li se jkun ta’ xhieda kontra tagħkom. U jekk int toqtolni inti tkun xerridt demm innoċenti, u dan ukoll se jkun ta’ xhieda kontra tiegħek fl‑aħħar jum.

11 U issa s‑sultan Noè kien sejjer jitilqu, għax beża’ minn kliemu; għax hu beża’ li fuqu kienu se jinżlu l‑ġudizzji ta’ Alla.

12 Iżda l‑qassisin għollew leħinhom kontrih, u bdew jakkużawh u jgħidu: Huwa żeblaħ lis‑sultan. Għalhekk is‑sultan imtela kollu għadab kontrih, u tahulhom biex ikunu jistgħu joqtluh.

13 U ġara li huma qabduh taħt idejhom u rabtuh, u bdew isawwtuh bil‑frosta, iva, sakemm imut.

14 U issa waqt li beda jinħaraq bil‑fjammi, huwa għajjat u qalilhom:

15 Araw, hekk kif għamiltu lili, għad jiġri wkoll li n‑nisel tagħkom għad iwassal biex ħafna jbatu l‑uġigħ li qed inbati jiena, sewwasew l‑uġigħ tal‑mewt permezz tan‑nar; u dan għax huma jemmnu fis‑salvazzjoni tal‑Mulej Alla tagħhom.

16 U għad jiġri li intom sejrin tintlaqtu b’kull xorta ta’ mard minħabba ħżunitkom.

17 Iva, u sejrin tintlaqtu minn kull naħa, u se tiġu mkeċċijin u mxerdin ’l hemm u ’l hawn, sewwasew kif merħla selvaġġa tiġi mkeċċija mill‑bhejjem selvaġġi u feroċi.

18 U f’dak il‑jum intom sejrin tinqabdu u tittieħdu f’idejn l‑għedewwa tagħkom, u mbagħad intom se tbatu, kif batejt jiena, l‑uġigħ tal‑mewt permezz tan‑nar.

19 B’hekk Alla jkun ivvendika ruħu minn dawk li jeqirdu lill‑poplu tiegħu. O Alla, ilqa’ ruħi.

20 U issa, meta Abinadi qal dan il‑kliem, huwa waqa’, hekk kif ingħata l‑mewt permezz tan‑nar; iva, hu ġie mogħti l‑mewt għaliex ma riedx jiċħad il‑kmandamenti ta’ Alla, u huwa ssiġilla l‑verità ta’ kliemu permezz ta’ mewtu.