Skrittura
Mosija 28


Kapitlu 28

Ulied Mosija jmorru jxandru fost il‑Lamaniti—Permezz taż‑żewġ ġebliet tal‑veġġent, Mosija jittraduċi l‑pjanċi tal‑Ġarediti. Madwar 92 Q.K.

1 Issa ġara li wara li wlied Mosija wettqu dan kollu, huma ħadu grupp żgħir magħhom u reġgħu lura għand missierhom, is‑sultan, u xtaquh li huwa jħallihom ikunu jistgħu, flimkien ma’ dawn li huma għażlu, jitilgħu sal‑art ta’ Nefi ħalli jkunu jistgħu jxandru l‑ħwejjeġ li huma semgħu, u biex ikunu jistgħu jaqsmu l‑kelma ta’ Alla ma’ ħuthom, il‑Lamaniti—

2 Biex forsi jkunu jistgħu jwassluhom biex jagħrfu lill‑Mulej Alla tagħhom, u jikkonvinċuhom dwar il‑ħażen ta’ missirijiethom; u biex forsi jkunu jistgħu jfejquhom mill‑mibegħda tagħhom lejn in‑Nefiti, ħalli huma wkoll jitwasslu biex jithennew fil‑Mulej Alla tagħhom, ħalli jkunu jistgħu joffru l‑id tal‑ħbiberija lil xulxin, u ma jkunx hemm aktar tilwim fl‑art li tahom il‑Mulej Alla tagħhom.

3 Issa huma kellhom ix‑xewqa li s‑salvazzjoni tiġi mxandra lil kull ħlejqa, għax ma kinux jifilħu jaraw mqar ruħ waħda tinqered; iva, anke l‑ħsieb biss li xi ruħ se jkollha tgħaddi minn turment bla tmiem wassalhom biex huma jitriegħdu u jirtogħdu.

4 U kien b’dan il‑mod li l‑Ispirtu tal‑Mulej ħadem fuqhom, għax huma kienu l‑aktar ħżiena fost il‑midinbin. U l‑Mulej ħass fil‑ħniena infinita tiegħu li kellu jħenn għalihom; madankollu huma batew daqstant diqa f’qalbhom minħabba ħżunithom, fejn batew ferm għax beżgħu li sejrin jitwarrbu għal dejjem.

5 U ġara li huma għaddew bosta jiem jitolbu b’ħerqa lil missierhom ħalli jkunu jistgħu jitilgħu sal‑art ta’ Nefi.

6 U s‑sultan Mosija mar u staqsa lill‑Mulej jekk għandux iħalli lil uliedu jitilgħu fost il‑Lamaniti biex ixandru l‑kelma.

7 U l‑Mulej qal lil Mosija: Ħallihom jitilgħu, għax bosta sejrin jemmnu fi kliemhom, u se jiksbu l‑ħajja eterna; u jiena sejjer neħles lil uliedek minn idejn il‑Lamaniti.

8 U ġara li Mosija ppermetta li huma jitilgħu u jagħmlu skont ma talbuh.

9 U huma rħewlha lejn ix‑xagħri biex jitilgħu ħalli jxandru l‑kelma fost il‑Lamaniti; u minn issa ’l quddiem jiena sejjer nikteb dwar l‑għemejjel tagħhom.

10 Issa s‑sultan Mosija ma kellu lil ħadd f’idejn min jgħaddi s‑saltna, għax ma kien hemm ħadd fost uliedu li kien lest jaċċetta s‑saltna.

11 Għalhekk huwa ħa l‑annali li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tal‑bronż, kif ukoll fuq il‑pjanċi ta’ Nefi, u l‑ħwejjeġ kollha li huwa kien żamm u ppreserva skont il‑kmandamenti ta’ Alla, wara li ttraduċa u ra li jinkitbu l‑annali li kienu fuq il‑pjanċi tad‑deheb li kienu nstabu min‑nies ta’ Limħi, li ġew mgħoddija lilu permezz ta’ id Limħi;

12 U dan huwa għamel minħabba l‑anzjetà kbira tan‑nies tiegħu; għax huma kellhom xewqa kbira ferm li jkunu jafu dwar dawk in‑nies li kienu nqerdu.

13 U issa huwa ttraduċihom permezz ta’ dawk iż‑żewġ ġebliet li kienu marbutin maż‑żewġt itruf ta’ qaws.

14 Issa dawn il‑ħwejjeġ kienu ġew imħejjijin sa mill‑bidu nett, u ġew mgħoddija minn nisel għal nisel, bil‑għan li jinterpretaw l‑ilsna;

15 U huma ġew imħarsa u ppreservati permezz ta’ id il‑Mulej, ħalli hu jkun jista’ jiżvela lil kull ħlejqa li għandha tiret l‑art dwar il‑ħażen u l‑għemejjel mistkerrha tal‑poplu tiegħu;

16 U kull min għandu f’idejh dawn il‑ħwejjeġ jissejjaħ veġġent, skont id‑drawwa tal‑qedem.

17 Issa li Mosija temm jittraduċi dawn l‑annali, araw, huma jitkellmu dwar poplu li kien ġie meqrud, miż‑żmien li fih huma nqerdu u jibqgħu sejrin lura sal‑bini tat‑torri l‑kbir, fiż‑żmien li fih il‑Mulej ħawwad ilsien il‑poplu u huma spiċċaw imxerrdin ma’ wiċċ l‑art kollha, iva, sewwasew minn dak iż‑żmien u jibqgħu sejrin lura sal‑ħolqien ta’ Adam.

18 Issa dan ir‑rakkont wassal lin‑nies ta’ Mosija biex jitnikktu bil‑kbir, iva, huma mtlew bid‑diqa; madankollu dan wassalhom biex jiksbu bosta informazzjoni, li mliethom b’ferħ kbir.

19 U dan ir‑rakkont se jinkiteb aktar tard; għax araw, ikun jaqbel li n‑nies kollha jkunu jafu l‑ħwejjeġ li hemm miktuba f’dan ir‑rakkont.

20 U issa, kif għidtilkom, wara li s‑sultan Mosija wettaq dan kollu, huwa ħa l‑pjanċi tal‑bronż, u kull ħaġa li hu kien ippreserva, u għaddihom lil Alma, li kien iben Alma; iva, l‑annali kollha, kif ukoll l‑interpreti, u tahomlu, u ordnalu biex iħarishom u jippreservahom, kif ukoll biex iżomm storja bil‑mitkub tal‑poplu, ħalli l‑kitba tkun tista’ tgħaddi minn ġenerazzjoni għall‑oħra, l‑istess kif ilha tgħaddi minn ġenerazzjoni għall‑oħra miż‑żmien li fih Leħi ħalla Ġerusalemm.