Skrittura
Mosija 5


Kapitlu 5

Il‑Qaddisin isiru wlied subien u bniet ta’ Kristu permezz tal‑fidi—Huma mbagħad jissejħu b’isem Kristu—Is‑Sultan Benjamin iħeġġiġhom biex iżommu sħiħ u ma jitħarrkux f’għemejjel tajba. Madwar 124 Q.K.

1 U issa, ġara li meta s‑sultan Benjamin kellem lil niesu, hu bagħat messaġġiera fosthom, għax xtaq ikun jaf dwar niesu jekk huma emmnux il‑kliem li hu kien qalilhom.

2 U huma lkoll għajtu b’leħen wieħed u qalu: Iva, aħna nemmnu l‑kliem kollu li għidtilna; u aħna nafu wkoll li huwa kollu minnu u veru, minħabba l‑Ispirtu tal‑Mulej Omnipotenti, li wassal għal bidla kbira fina, jew f’qalbna, fejn m’għandniex aktar dispożizzjoni li nagħmlu l‑ħażen, iżda li nagħmlu kontinwament it‑tajjeb.

3 U aħna stess, ukoll, permezz tat‑tjubija infinita ta’ Alla, u l‑manifestazzjonijiet tal‑Ispirtu tiegħu, għandna għarfien kbir ta’ dak li għandu jiġi; u nistgħu nħabbru dwar kull ħaġa jekk ikun jaqbel li aħna nagħmlu dan.

4 U hija l‑fidi li kellna dwar il‑ħwejjeġ li kellimna dwarhom is‑sultan li wasslitna għal dan l‑għarfien kbir, u minħabba f’hekk aħna nithennew b’hena mill‑aktar kbira.

5 U aħna lesti li nidħlu f’patt ma’ Alla tagħna li ninsabu lesti nagħmlu r‑rieda tiegħu, u nkunu ubbidjenti lejn il‑kmandamenti tiegħu f’dak kollu li jikkmandana, għall‑kumplament ta’ ħajjitna, sabiex ma nġibux fuqna nfusna turment bla tmiem, kif tkellem dwaru l‑anġlu, ħalli ma nixorbux mit‑tazza tal‑korla ta’ Alla.

6 U issa, dan hu l‑kliem li xtaq minnhom is‑sultan Benjamin; u għalhekk qalilhom: Intom tkellimtu dwar dak li xtaqt jien; u l‑patt li intom għamiltu huwa patt ġust.

7 U issa, minħabba l‑patt li għamiltu intom se tissejħu wlied Kristu, uliedu subien u bniet; għax araw, illum lilkom huwa nissel spiritwalment; għax intom tgħidu li seħħet bidla f’qalbkom permezz tal‑fidi tagħkom f’ismu; għalhekk, intom imwielda minnu u sirtu wliedu, subien u bniet.

8 U taħt dan it‑titlu intom sirtu ħielsa, u m’hemm l‑ebda titlu ieħor li permezz tiegħu tistgħu tkunu ħielsa. M’hemm l‑ebda isem ieħor li permezz tiegħu tinkiseb is‑salvazzjoni; għalhekk, nitlobkom sabiex tieħdu fuqkom isem Kristu, intom ilkoll li dħaltu fil‑patt ma’ Alla li sejrin tkunu ubbidjenti sat‑tmiem ta’ ħajjitkom.

9 U għad jiġri li kull min jagħmel hekk se jsib ruħu fuq il‑lemin ta’ Alla, għax hu se jkun jaf l‑isem li bih se jissejjaħ; għax hu se jissejjaħ bl‑isem ta’ Kristu.

10 U issa għad jiġri, li kull min mhux se jieħu fuqu isem Kristu se jissejjaħ b’xi isem ieħor; għalhekk, huwa jsib ruħu fuq ix‑xellug ta’ Alla.

11 U nixtieqkom tiftakru wkoll, li dan huwa l‑isem li jien għidt li se nagħtikom, liema isem qatt m’għandu jitħassar, ħlief permezz ta’ ksur il‑liġi; għalhekk, attenti li ma tiksrux il‑liġi, biex l‑isem ma jitħassarx minn ġo qalbkom.

12 Jien ngħidilkom, nixtieq li intom tiftakru biex iżżommu l‑isem dejjem miktub f’qalbkom, ħalli ma ssibux ruħkom fuq ix‑xellug ta’ Alla, iżda li intom tisimgħu u tagħrfu l‑leħen li sejjer isejħilkom, kif ukoll, l‑isem li bih se jsejħilkom.

13 Għax kif jista’ bniedem ikun jaf l‑imgħallem li huwa qatt ma serva, u li għalih hu barrani, u li jinsab ’il bogħod minn ħsibijietu u mill‑intenzjonijiet ta’ qalbu?

14 U għal darb’oħra, x’għandu jagħmel raġel, jaqbad ħmara li hi tal‑ġar tiegħu, u jżommha għandu? Jiena ngħidilkom, Le; lanqas biss għandu jippermettilha li tirgħa qalb il‑merħliet tiegħu, iżda għandu jkeċċieha ’l bogħod, u jeħles minnha. Jien ngħidilkom, li lilkom l‑istess għad jiġrilkom jekk ma tkunux tafu l‑isem li bih se tissejħu.

15 Għalhekk, nitlobkom sabiex iżżommu sħiħ u ma titħarrkux, u tħabirku dejjem f’għemejjel tajba, sabiex Kristu, il‑Mulej Alla Omnipotenti, jorbotkom miegħu, ħalli intom tkunu tistgħu titwasslu sas‑smewwiet, ħalli jkun jista’ jkollkom is‑salvazzjoni ta’ dejjem u l‑ħajja eterna, permezz tal‑għerf, u l‑qawwa, u l‑ġustizzja, u l‑ħniena ta’ dak li ħoloq kull ħaġa, kemm fis‑sema u anke fl‑art, li hu Alla fuq kulħadd. Ammen.