Skrittura
Kliem ta’ Mormon 1


Il‑Kliem ta’ Mormon

Kapitlu 1

Mormon jiġbor fil‑qosor il‑pjanċi l‑kbar ta’ Nefi—Hu jpoġġi l‑pjanċi ż‑żgħar flimkien mal‑pjanċi l‑oħra—Is‑sultan Benjamin jistabbilixxi s‑sliem fl‑art. Madwar W.K. 385.

1 U issa jiena, Mormon, li dalwaqt wasalt biex ngħaddi r‑rakkont li kont qed nikteb f’idejn ibni Moroni, araw jiena rajt b’għajnejja kważi l‑qerda kollha tal‑poplu tiegħi, in‑Nefiti.

2 U issa li għaddew mijiet u mijiet ta’ snin minn wara l‑miġja ta’ Kristu jiena se ngħaddi dawn l‑annali f’idejn ibni; u naħseb li hu għad jara b’għajnejh il‑qerda sħiħa tal‑poplu tiegħi. Iżda nittama li Alla jippermettilu li jeħlisha mill‑qerda tagħhom, biex ikun jista’ jikteb xi ħaġa dwarhom, u xi ħaġa dwar Kristu, biex forsi xi darba jkun ta’ ġid għalihom.

3 U issa, se nitkellem xi ħaġa dwar dak li jiena ktibt; għax wara li jien għamilt sommarju mill‑pjanċi ta’ Nefi, li jibqa’ sejjer sas‑saltna ta’ dan is‑sultan Benjamin, li Għamaleki tkellem dwaru, jien fittixt fl‑annali li għaddew f’idejja, u sibt dawn il‑pjanċi, li fihom dan ir‑rakkont qasir tal‑profeti, minn Ġakobb u jibqa’ sejjer sas‑saltna ta’ dan is‑sultan Benjamin, kif ukoll ħafna mill‑kliem ta’ Nefi.

4 U jien sodisfatt bil‑ħwejjeġ li jinsabu fuq dawn il‑pjanċi, minħabba l‑profeziji dwar il‑miġja ta’ Kristu; u missirijieti jafu li ħafna minnhom ġew fis‑seħħ; iva, u jien naf ukoll li bosta ħwejjeġ li ġew imħabbra dwarna sal‑lum il‑ġurnata ġew fis‑seħħ, u ħafna oħrajn li jmorru lil hinn mill‑ġurnata tal‑lum żgur li se jiġu fis‑seħħ—

5 Għalhekk, jien għażilt dawn il‑ħwejjeġ, biex intemm l‑istorja tiegħi fuqhom, fejn jien se nieħu l‑kumplament tal‑istorja tiegħi mill‑pjanċi ta’ Nefi; u lanqas nista’ nikteb biss wieħed fil‑mija mill‑ħwejjeġ tal‑poplu tiegħi.

6 Iżda araw, jien se nieħu dawn il‑pjanċi, li fihom dawn il‑profeziji u r‑rivelazzjonijiet, u se npoġġihom mal‑kumplament tal‑istorja tiegħi, għax għalija huma ta’ valur kbir; u naf li se jkunu ta’ valur kbir għal ħuti.

7 U se nagħmel dan għal għan għaqli; għax dan hu li għadda minn għala widnejja, skont l‑għemejjel tal‑Ispirtu tal‑Mulej li jinsab fija. U issa, jiena ma nafx kollox; iżda l‑Mulej jaf b’kull ħaġa li għad trid tiġri; għalhekk, huwa jaħdem fija biex nagħmel skond ir‑rieda tiegħu.

8 U t‑talba tiegħi lil Alla tikkonċerna lil ħuti, biex huma jkunu jistgħu għal darb’oħra jaslu biex jagħrfu lil Alla, iva, il‑fidwa ta’ Kristu; biex għal darb’oħra jkunu jistgħu jerġgħu jsiru poplu dħuli.

9 U issa jiena, Mormon, se ngħaddi biex intemm l‑istorja tiegħi, li se nieħu mill‑pjanċi ta’ Nefi; u se nagħmel dan skont l‑għarfien u d‑dehen li tani Alla.

10 Għalhekk, ġara li wara li Għamaleki għadda dawn il‑pjanċi f’idejn is‑sultan Benjamin, hu ħadhom u poġġihom flimkien mal‑pjanċi l‑oħra, li fihom l‑annali li kienu ngħataw mis‑slaten, minn nisel għal nisel sa żmien is‑sultan Benjamin.

11 U huma għaddew minn id is‑sultan Benjamin, minn nisel għal nisel sakemm spiċċaw f’idejja. U jien, Mormon, nitlob lil Alla li jibqgħu jiġu mħarsa minn issa ’l quddiem. U naf li huma se jiġu mħarsa; għax fuqhom hemm miktuba ħwejjeġ kbar, u se jsir ħaqq min‑nies tiegħi u minn ħuthom skont dak li hemm miktub fihom f’dak il‑jum kbir u aħħari, skont il‑kelma ta’ Alla li tinsab miktuba.

12 U issa, rigward dan is‑sultan Benjamin—hu kellu xi ftit ta’ tilwim fost il‑poplu tiegħu.

13 U ġara wkoll li l‑armati tal‑Lamaniti niżlu mill‑art ta’ Nefi, biex jiġġieldu kontra l‑poplu tiegħu. Iżda araw, is‑sultan Benjamin ġabar flimkien l‑armati tiegħu, u rreżistihom; u hu ġġieled bil‑qawwa ta’ driegħu, bix‑xabla ta’ Laban.

14 U bil‑qawwa tal‑Mulej ħaduha kontra l‑għedewwa tagħhom, sakemm huma qatlu eluf u eluf ta’ Lamaniti. U ġara li huma ħaduha kontra l‑Lamaniti sakemm keċċewhom ’il barra mill‑artijiet kollha ta’ wirthom.

15 U ġara li wara kien hemm Kristi foloz, u huma ġew imsikkta milli jitkellmu, u ġew ikkastigati skont ir‑reati tagħhom;

16 U wara li kien hemm profeti foloz, u predikaturi u għalliema foloz fost il‑poplu, u dawn kollha ġew ikkastigati skont ir‑reati tagħhom; u wara li kien hemm ħafna tilwim u qasma kbira fost il‑Lamaniti, araw, ġara li s‑sultan Benjamin, bl‑għajnuna tal‑profeti qaddisa li kien hemm fost il‑poplu tiegħu—

17 Għax araw, is‑sultan Benjamin kien raġel qaddis, u huwa saltan fuq il‑poplu tiegħu b’ġustizzja; u fl‑art kien hemm bosta rġiel qaddisa, u huma xandru l‑kelma ta’ Alla b’qawwa u b’awtorità; u huma użaw kliem mill‑aktar iebes minħabba r‑ras iebsa tal‑poplu—

18 Għalhekk, bl‑għajnuna ta’ dawn, is‑sultan Benjamin, li ħadem bil‑qawwa kollha ta’ ġismu u bil‑fakultà kollha ta’ ruħu, flimkien mal‑profeti, reġa’ għal darb’oħra stabbilixxa s‑sliem fl‑art.