2010-2019
Dejjem Niftakru Fih
Konferenza Ġenerali ta’ April 2016


Dejjem Niftakru Fih

B’ umiltà jiena nixhed u nitlob li aħna dejjem niftakru fih—f’kull ħin, f’kull ħaġa u f’ kull post li nistgħu nkunu fih.

Għeżież ħuti, meta jiena kont qed inservi fl-Asja, in-nies xi kultant kienu jistaqsu, “Presbiteru Gong, kemm hemm nies joqogħdu fir-Reġjun tal-Asja fejn hemm il-Knisja?

Jien weġibt, “Nofs il-popolazzjoni tad-dinja—3.6 biljun ruħ.”

Xi ħadd staqsa, “Diffiċli tiftakar isimhom kollha?”

Li niftakru—u ninsew—hi parti mill-ħajja ta’ kuljum. Per eżempju, darba, wara li kienet ilha ħin mhux ħażin tfittex il-mowbajl ġdid tagħha ma’ kullimkien, marti finalment iddeċidiet li ċċempel in-numru tagħha minn telefon ieħor. Meta hija semgħet it-telefon tagħha jċempel, marti qalet bejna u bejn ruħha, “Dak kif qed iċempluli? Jiena n-numru tiegħi għadni ma tajtu lil ħadd!”

Li niftakru—u ninsew—hija wkoll parti mill-vjaġġ etern tagħna. Iż-żmien, l-għażla ħielsa u l-memorja jgħinuna nitgħallmu, nikbru u nkabbru l-fidi tagħna.

Fil-kliem ta’ għanja mill-aktar favorita:

Inkantaw biex insellmu l-isem ta’ Ġesù,

U nfaħħruh u nagħtuh ġieħ. …

O Qaddisin, ħudu u ixhdu

Li tiftakru fih.1

Kull ġimgħa, meta nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nagħmlu patt li dejjem se niftakru fih. Mill-400 referenza fl-iskrittura li hemm għall-kelma ftakru, dawn huma sitt modi kif nistgħu dejjem niftakru fih.

L-ewwel, nistgħu dejjem niftakru fih billi nafdaw fil-patti, fil-wegħdiet u fl-assigurazzjonijiet Tiegħu.

Il-Mulej jiftakar il-patti ta’ dejjem Tiegħu—minn żmien Adam sal-jum li fih id-dixxendenti ta’ Adam “se jħaddnu l-verità u jħarsu ‘l fuq, imbagħad Sijon tħares lejn id-dinja, u s-smewwiet kollha jitheżżu bil-hena u d-dinja titriegħed bil-ferħ.”2

Il-Mulej jiftakar il-wegħdiet Tiegħu, fosthom il-wegħdiet li jiġbor lill-ulied Iżrael mill-artijiet fejn jinsabu mxerrdin kif insibu tul il-Ktieb ta’ Mormon: Testment ieħor ta’ Ġesù Kristu u wegħdiet li ġew mogħtija lil kull membru u missjunarju li jiftakar fil-valur tal-erwieħ.3

Il-Mulej jiftakar u jassigura l-ġnus u l-popli. F’ dawn il-jiem mill-aktar impenjattivi u ta’ konfużjoni,4 “xi wħud fil-karrijiet, oħrajn fiż-żwiemel, imma aħna f’isem il-Mulej Alla l-qawwa tagħna”5 li jiggwida “l-futur kif għamel il-passat.”6 Fi “żminijiet perikolużi,”7 aħna “niftakru li mhijiex il-ħidma tal-Mulej li hija frustrata, iżda l-ħidma tal-bniedem.”8

It-tieni, aħna nistgħu dejjem niftakru fih billi bi gratitudni nagħrfu l-influwenza Tiegħu f’ kull ħaġa f’ ħajjitna.

L-influwenza tal-Mulej f’ ħajjitna hi aktar faċli nagħrfuha hekk kif niftakru kif seħħew l-affarijiet wara li jkunu għadda kollox. Il-filosofu Kristjan Søren Kierkegaard iddeskriva dan, b’ dan il-mod: “Il-ħajja nispiċċaw nifhmuha verament wara li tkun għaddiet. Iżda … għandna ngħixuha billi nħarsu lejn il-futur.”9

L-għażiża ommi m’ilux għalqet 90 sena. Bi gratitudni hija qasmet it-testimonjanza tagħha dwar il-barkiet ta’ Alla f’ kull avveniment ewlieni f’ ħajjitha. L-istejjer tal-familja, it-tradizzjonijiet tal-familja u r-relazzjonijiet tal-familja jgħinuna niftakru l-ħwejjeġ tal-passat, filwaqt li jipprovdulna mudell u tama għall-futur. Il-linji tal-awtorità tas-saċerdozju u l-barkiet patrijarkali jagħtu xhieda tal-influwenza ta’ Alla tul il-ġenerazzjonijiet.

Ġieli ħaristu lejkom infuskom bħala l-ktieb ta’ tifkira tagħkom—tirriflettu x’ tagħżlu u kif tagħżlu dak li tiftakru?

Per eżempju, meta jiena kont iżgħar, jiena verament xtaqt nilgħab il-baskitbol li jintlagħab bejn il-kulleġġi. Bdejt nipprattika u nipprattika. Darba waħda il-kowċ ipponta lejn dak li kien jilgħab fiċ-ċentru mat-tìm tal-istat li kien fih 6 piedi u erba’ pulzieri u ieħor li kien jilgħab fuq quddiem mal-aqwa tal-kulleġġi li kien fih 6 piedi u żewġ pulzieri u qalli, “Jekk irrid nista’ npoġġik fit-tìm, iżda ċ-ċans hu li qatt ma tilgħab.” Imbagħad niftakar kemm bil-ħlewwa kollha ħeġġiġni, “Għaliex ma tippruvax tilgħab il-futbol? Tkun tajjeb ħafna.” Il-membri tal-familja tiegħi tantx kemm ferħu meta skurjajt l-ewwel gowl.

Aħna nistgħu niftakru lil dawk li jagħtuna ċans, u t-tieni ċans, b’ onestà, bi tjubija, bil-paċenzja u b’ inkuraġġiment. U aħna nistgħu nsiru dawk li oħrajn jiftakru meta huma kienu jeħtieġu tant l-għajnuna tagħna. Mod kif nistgħu niftakru fih hu billi bi gratitudi niftakru fl-assistenza tal-oħrajn u fl-influwenza li tiggwidana tal-Ispirtu. Huwa mod kif nistgħu ngħoddu l-ħafna barkiet tagħna u naraw dak li għamel Alla.10

It-tielet, nistgħu niftakru fih billi nafdawh meta l-Mulej jassigurana li “dak li nidem minn dnubietu, hu stess jiġi maħfur, u jiena, il-Mulej, ma nibqax niftakarhom iżjed.”11

Meta aħna nindmu verament, inkluż meta nistqarru u nabbandunaw dnubietna, aħna nistaqsu flimkien ma’ Enos, hekk kif il-ħtija titneħħa minn fuqna, “Mulej, dan kif seħħ?” u nisimgħu t-tweġiba Tiegħu “Minħabba l-fidi tiegħek fi Kristu”12 u l-istedina Tiegħu “fakkarni.”13

La darba aħna nindmu u l-mexxejja tas-saċerdozju jiddikjaraw li aħna denji, m’għandniex nibqgħu nistqarru dawn id-dnubiet passati tagħna. Li tkunu denji ma jfissirx li tkunu perfetti. Il-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet jistedinna biex b’ umiltà nkunu fil-paċi fil-vjaġġ tagħna tal-ħajja lejn dak il-jum li fih niġu pperfezzjonati fi Kristu,14 mhux il-ħin kollu ninkwetaw, niffrustraw ruħna jew inħossuna mdejqin minħabba l-imperfezzjonijiet tagħna. Ftakru, Huwa jaf b’ dak kollu li aħna ma rridu lil ħadd ikun jaf dwarna—u xorta waħda jħobbna.

Xi kultant il-ħajja tippruvalna l-fiduċja tagħna fil-ħniena, fil-ġustizzja u l-ġudizzju ta’ Kristu u fl-istedina li teħlisna Tiegħu biex inħallu l-Att tal-Fidwa Tiegħu jfejjaqna hekk kif aħna naħfru lil ħaddieħor u lilna nfusna.

Waħda tfajla f’ pajjiż ieħor applikat biex tmur taħdem bħala ġurnalista iżda l-uffiċjal li kien qed jagħti dawn l-impjiegi kien verament bla qalb. Huwa qalilha, “Permezz tal-firma tiegħi, jiena se niggarantixxi li inti ma ssirx ġurnalista iżda tmur tiftaħ id-drenaġġ.” Hija kienet l-unika mara tiftaħ id-drenaġġi qalb grupp ta’ rġiel.

Snin wara, din il-mara laħqet uffiċjal. Darba waħda wieħed raġel mar għandha għax kellu bżonn il-firma tagħha minħabba mpjieg.

Hija staqsietu, “Tiftakarni?” Ma ftakarhiex.

Hija qaltlu, “Inti ma tiftakarnix, iżda jiena niftakrek. Permezz tal-firma tiegħek inti tajt il-garanzija li jiena qatt ma nsir ġurnalista. Permezz tal-firma tiegħek, inti bagħatni niftaħ id-drenaġġi, l-unika mara fi grupp ta’ rġiel.”

Hija qaltli, “Ħassejt li kelli nittratta lil dak ir-raġel aħjar minn kif ittrattani hu—iżda ma kellix il-qawwa nagħmel dan.” Xi kultant dik il-qawwa ma tkunx tinsab ġewwa fina, iżda tkun tinsab f’li aħna niftakru l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Meta l-fiduċja tisfa ttraduta, il-ħolm imfarrak, il-qlub muġugħa kontinwament, meta nkunu rridu li sseħħ ġustizzja u nkunu neħtieġu l-ħniena, meta nkunu mimlijin rabja u d-dmugħ iċarċar ma ħaddejna, meta nkunu rridu nafu ma xiex se naqbdu u x’ għandna nitilqu minn idejna, aħna nistgħu dejjem niftakru fih. Il-ħajja mhux daqshekk krudili daqs kemm xi kultant tidher li hi. Il-kompassjoni infinita Tiegħu tista’ tgħinna nsibu t-triq tagħna, il-verità u l-ħajja.15

Meta niftakru kliemu u l-eżempju Tiegħu, aħna la noffendu ruħna u lanqas noffendu lil oħrajn.

Missier sieħbi kien jaħdem bħala mekkanik. L-impjieg onest tiegħu kien iħalli l-marki tiegħu anki wara li jkun ħasel idejh bir-reqqa. Darba waħda xi ħadd fit- tempju qal lill-missier sieħbi li huwa kien messu jaħsel jdejh sew qabel ma jmur iservi hemmhekk. Minflok ma ħassu offiż, dan ir-raġel twajjeb beda jogħrok il-borom tal-familja b’ ħafna sapun b’ idejh kull darba li kien se jmur jattendi t-tempju. Huwa eżempju veru ta’ dawk li “jitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej” u “joqogħdu fil-post imqaddes tiegħu” bl-aktar idejn indaf u l-aktar qlub safjin.16

Jekk aħna qed inżommu f’ qalbna sentimenti xejn tajba u sens ta’ riżentiment, jew jekk għandna nitolbu lil ħaddieħor biex jaħfrilna, issa huwa ż-żmien li nagħmlu dan.

Ir-raba’, Huwa jistedinna biex niftakru li Huwa dejjem lest biex jilqagħna lura d-dar.

Aħna nitgħallmu billi nistaqsu u nfittxu. Iżda jekk jogħġobkom tiqfux tesploraw sakemm taslu hemm—biex nuża kliem T. S. Eliot—“sakemm taslu minn fejn tkun bdejtu l-ewwel darba.”17 Meta tkunu lesti, jekk jogħġobkom, erġgħu, iftħu qalbkom għall-Ktieb ta’ Mormon minn fejn kontu bdejtu l-ewwel darba. Jekk jogħġobkom, erġgħu, itolbu b’ intenzjoni ġenwina, minn fejn kontu bdejtu għall-ewwel darba.

Afdaw f’ dik il-memorja dgħajfa ta’ żmien ilu. Ħalluha tkabbar il-fidi tagħkom. Ma’ Alla, qatt mhu tard wisq biex nindmu.

Il-profeti tal-qedem u dawk moderni jitolbuna b’ ħerqa ħalli ma nħallux l-imperfezzjonijiet, id-difetti u d-dgħjufijiet umani—kemm tagħna kif ukoll ta’ ħaddieħor—iżommuna milli nimmissjaw il-veritajiet, il-patti u l-qawwa feddejja li jinsabu fl-evanġelju rrestawrat Tiegħu.18 Dan huwa speċjalment importanti fi knisja li fiha lkoll kemm aħna nikbru permezz tal-parteċipazzjoni imperfetta tagħna. Il-Profeta Joseph qal, “Jiena qatt m’għidtilkom li jiena perfett; iżda m’hemm l-ebda żball fir-rivelazzjonijiet li jiena għallimt.”19

Il-ħames, aħna nistgħu dejjem niftakru fih f’ Jum il-Ħadd permezz tas-sagrament. Fi tmiem il-ministeru mortali Tiegħu u fil-bidu tal-ministeru Tiegħu bħala bniedem imqajjem mill-imwiet, is-Salvatur tagħna ħa l-ħobż u l-inbid u talab sabiex aħna niftakru f’ ġismu u demmu,20 “għax kull meta tagħmlu dan intom tiftakru din is-siegħa li kont magħkom.”21

Fl-ordinanza tas-sagrament, aħna nixhdu ma’ Alla l-Missier li aħna lesti li nieħdu fuqna l-isem ta’ Ibnu u dejjem niftakru fih u nżommu l-kmandamenti Tiegħu, li Huwa tana, sabiex dejjem ikollna l-Ispirtu Tiegħu magħna.22

Kif għallem Amuleki, aħna niftakru fih meta aħna nitolbu dwar l-għelieqi tagħna, il-merħliet tagħna u d-djar tagħna, u meta aħna niftakru f’ dawk li huma fil-bżonn, f’ min hu għeri, fil-morda u f’ dawk li qed isofru.23

Finalment, is-sitta, is-Salvatur tagħna jistedinna sabiex dejjem niftakru fih kif Huwa dejjem jiftakar fina.

Fil-Kontinent Amerikan, is-Salvatur tagħna mqajjem mill-imwiet stieden lil dawk preżenti sabiex imorru, wieħed wieħed, imissu b’ idhom ġenbu u jħossu s-sinjali tal-imsiemer f’ idejh u fil-pali ta’ saqajh.24

L-iskrittura tiddeskrivi l-qawmien mill-imwiet meta “r-riġlejn u l-ġogi kollha se jerġgħu jirrestawraw ruħhom … ma’ ġisem perfett,” u “saħansitra lanqas xagħra waħda mir-ras mhu se tintilef.”25 B’ dan l-għarfien, jekk jogħġobkom ikkunsidraw kif il-ġisem perfett imqajjem mill-imwiet tas-Salvatur tagħna xorta waħda kien għad kellu fih il-ġrieħi f’ ġenbu u s-sinjali tal-imsiemer f’ idejh u fil-pali ta’ saqajh.26

F’ ċerti żmien fl-istorja, irġiel mortali ġew mogħtija l-mewt permezz tal-kruċifissjoni. Iżda kien biss is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, li ħaddana Miegħu waqt li kien għadu qed iġorr fuqu l-marki tal-imħabba pura Tiegħu. Huwa biss ġab fis-seħħ il-profezija li jiġi mgħolli fuq is-salib sabiex iressaq lil kull wieħed u waħda minna, personalment, lejh.27

Is-Salvatur tagħna ddikjara:

“Mqar jekk tinsa, jien ma ninsik qatt.

“Ara! Naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja.”28

Huwa xehed: “Jiena dak li ġejt mgħolli ‘l fuq. Jiena Ġesù li ġejt imsallab. Jiena Iben Alla.”29

B’ umiltà jiena nixhed u nitlob li aħna dejjem niftakru fih—f’kull ħin, f’kull ħaġa u f’ kull post li nistgħu nkunu fih.30 F’ isem Ġesù Kristu, amen.