Librerija
Nirċievu l-Qawwa ta’ Ġesù Kristu f’ Ħajjitna


Nirċievu l-Qawwa ta’ Ġesù Kristu f’ Ħajjitna

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa mimli bil-qawwa Tiegħu, li hi disponibbli għal ulied kollha ta’ Alla li jinsabu bil-ħerqa kollha jfittxu din il-qawwa.

Għeżież ħuti, aħna qed ngħixu f’ dispensazzjoni mill-aktar diffiċli. Madwarna għandna diversi sfidi, kontroversji u kumplessitajiet. Dawn iż-żminijiet imqanqla kienu ġew imbassra mis-Salvatur. Huwa widdibna li fi żmienna l-avversarju se jqajjem l-għadab fi qlub il-bnedmin u huwa jmexxihom fit-triq il-ħażina.1 Madankollu l-intenzjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet qatt ma kienet li aħna niffaċċjaw din il-konfużjoni ta’ problemi personali u soċjali weħidna.

Alla hekk ħabb lid-dinja li bagħat lil Ibnu l-waħdien2 biex jgħinna.3 U Ibnu, Ġesù Kristu, ta ħajtu għalina. Dan kollu sar sabiex aħna jkun jista’ jkollna aċċess għall-qawwa divina—qawwa suffiċjenti biex aħna nkunu nistgħu niffaċċjaw id-diffikultajiet, l-ostakli u t-tentazzjonijiet ta’ żmienna.4 Illum nixtieq inkellimkom dwar kif aħna nistgħu nirċievu f’ ħajjitna l-qawwa tal-Imgħallem tagħna, Sidna Ġesù Kristu.

Aħna jeħtieġ nibdew billi nitgħallmu dwaru.5 “Huwa impossibbli li aħna niġu salvati fl-injoranza.”6 Aktar ma aħna nsiru nafu dwar il-ministeru u l-missjoni tas-Salvatur7—aktar ma aħna nifhmu d-duttrina Tiegħu8 u x’ għamel għalina—aktar aħna nsiru nafu li Hu jista’ jipprovdilna l-qawwa li neħtieġu f’ ħajjitna.

Aktar kmieni din is-sena, jiena staqsejt lill-adulti żgħażagħ tal-Knisja biex kull ġimgħa huma jikkonsagraw parti minn ħinhom biex jistudjaw kull ħaġa li Ġesù qal u għamel kif inhi miktuba fix-xogħlijiet stabbiliti.9 Jiena stedinthom biex il-kurrikulu personali ewlieni tagħhom ikun kull referenza mill-iskrittura dwar Ġesù Kristu li huma jistgħu jsibu fil-Gwida tas-Suġġetti.10

Jiena tlabthom jagħmlu dan għaliex din kienet ħaġa li kont diġà għamilt jiena stess. Jiena qrajt u mmarkajt kull vers li fih hemm referenza għal Ġesù Kristu, hekk kif inhu mniżżel taħt it-titolu ewlienu u l-57 sottotitolu li nsibu fil-Gwida tas-Suġġetti.11 Meta temmejt dan l-eżerċizzju mill-aktar eċċitanti, marti staqsietni x’ impatt ħalla fuqi dan kollu. Jien għedtilha, “Inħossni bniedem verament differenti!”

Ħassejt id-devozzjoni tiegħi lejh tiġġedded hekk kif fil-Ktieb ta’ Mormon jiena qrajt id-dikjarazzjoni tas-Salvatur innifsu dwar il-missjoni Tiegħu fil-mortalità. Huwa ddikjara:

“Jiena ġejt fid-dinja sabiex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri, għaliex Missieri bagħatni.

“U Missieri bagħatni biex jien nittella’ fuq is-salib.”12

Bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna nirreferu għall-missjoni Tiegħu bħala l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, li għamilha possibbli għal kull wieħed u waħda minna li aħna nqumu mill-mewt u għamilha possibbli wkoll li dawk kollha li jindmu minn dnubiethom u jirċievu u jżommu l-ordinanzi u l-patti essenzjali tagħhom ikunu jistgħu jiksbu l-ħajja eterna.

Bħala duttrina, ma nkunux kompletament korretti jekk meta nitkellmu dwar is-sagrifiċċju tat-tpattija tal-Mulej aħna nużaw frażijiet fil-qosor bħal “Att tal-Fidwa” jew “il-qawwa li ssaħħaħna tal-Att tal-Fidwa” jew “napplikaw l-Att tal-Fidwa” jew “nissaħħu permezz tal-Att tal-Fidwa.” L-użu ta’ dawn l-espressjonijiet jista’ jwassal biex aħna niżvijjaw il-fidi tagħna billi nispiċċaw nittrattaw l- avveniment bħallikieku dan seta’ jeżisti u għandu fih qawwa indipendentiment minn Missierna tas-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu.

Skont il-pjan etern u meraviljuż tal-Missier, huwa s-Salvatur li sofra. Huwa s-Salvatur li kisser l-irbit tal-mewt. Huwa s-Salvatur li ħallas il-prezz għal dnubietna u għat-trasgressjonijiet tagħna u Hu jista’ jeħlisna minnhom dejjem jekk aħna nindmu minnhom. Huwa s-Salvatur li jeħlisna mill-mewt fiżika u spiritwali.

M’hawn l-ebda esseru astratt li jissejjaħ “l-Att tal-Fidwa” li aħna nistgħu nduru lejh għall-għajnuna, għall-fejqan, għall-maħfra jew biex aħna niksbu l-qawwa. Ġesù Kristu huwa s-sors. Termini sagri bħal Att tal-Fidwa u Reżurezzjoni jiddeskrivu dak li s-Salvatur għamel, skont il-pjan tal-Missier, biex aħna nkunu nistgħu ngħixu bit-tama f’ din il-ħajja u niksbu l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss. L-aħjar mod kif aħna nistgħu nifhmu u napprezzaw is-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur—l-akbar avveniment fl-istorja kollha umana—hu meta aħna speċifikament norbtuh b’ mod ċar Miegħu.

Il-Profeta Joseph Smith enfasizza l-importanza tal-missjoni tas-Salvatur meta huwa ddikjara bla tlaqliq li “l-prinċipji fundamentali tar-reliġjon tagħna huma t-testimonjanza tal-Appostli u l-Profeti, dwar Ġesù Kristu, li Huwa miet, indifen, u reġa’ qam fit-tielet jum, u tela’ s-sema; u kull ħaġa oħra marbuta mar-reliġjon tagħna hija biss żjieda ma’ dan.”13

Kienet din l-istess dikjarazzjoni tal-Profeta li mmotivat il-15-il profeta, bassâr u rivelatur biex jiddikjaraw u jiffirmaw it-testimonjanza tagħhom li tfakkar l-2,000 anniversarju mit-twelid tal-Mulej. Dik it-testimonjanza storika jisimha “Il-Kristu l-Ħaj.”14 Ħafna huma dawk il-membri li waslu biex tgħallmu bl-amment il-veritajiet li hemm fiha. Oħrajn bilkemm jafu li teżisti. Hekk kif intom tagħmlu dak kollu li tistgħu biex titgħallmu aktar dwar Ġesù Kristu, nitlobkom bil-ħerqa biex tistudjaw “Il-Kristu l-Ħaj.”

Hekk kif aħna ninvestu ħina biex nitgħallmu dwar is-Salvatur u s-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa Tiegħu, aħna nħossuna inklinati li nipparteċipaw ukoll f’ mod ieħor importanti kif aħna nistgħu naċċessaw il-qawwa Tiegħu: billi nagħżlu li jkollna l-fidi fih u nimxu warajh

Il-vera dixxipli ta’ Ġesù Kristu huma lesti li jkunu differenti min-nies l-oħra tad-dinja u ma jiddejqux jgħidu dak li jemmnu. Huma nies kuraġġjużi, devoti u ma jintimidawx ruħhom malajr. Jiena sirt naf dwar dawn it-tip ta’ dixxipli waqt ħidma li jiena kelli riċentiment ġewwa l-Messiku, fejn jien iltqajt mal-uffiċjali tal-gvern kif ukoll mal-mexxejja ta’ għadd ta’ denominazzjonijiet reliġjużi oħra. Kollha kemm huma rringrazzjawni għall-isforzi erojċi u ta’ suċċess tal-membri tagħna li jipproteġu u jippreservaw iż-żwiġijiet u l-familji b’ saħħithom f’ pajjiżhom.

Mhix xi ħaġa faċli jew awtomatika li aħna nsiru dan it-tip ta’ dixxipli mimlijin qawwa. Jeħtieġ li aħna nkunu ffokati sewwa fuq is-Salvatur u l-evanġelju Tiegħu. Hemm bżonn ta’ sforz mentali min-naħa tagħna biex aħna nibqgħu dejjem inħarsu lejn f’ kull ħsieb.15 Iżda meta aħna nagħmlu dan, id-dubji u l-beżgħat tagħna jispiċċaw biex jgħibu.16

Riċentiment jiena sirt naf dwar waħda tfajla adoloxxenti li ma tibża’ minn xejn u li qiegħda fil-klassi Laurel. Hija ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’ kompetizzjoni li kienet se ssir madwar l-istat bħala rappreżentanta tal-iskola fejn kienet tattendi iżda li kienet se ssir fl-istess lejla tal-laqgħa tas-Soċjetà tal-Għajnuna tal-wited, liema laqgħa hija kienet tat kelmtha li tattendi. Meta hija rrealizzat b’ dan il-kunflitt u spjegat lill-uffiċjali tal-kompetizzjoni li kien se jkollha titlaq kmieni mill-kompetizzjoni biex tattendi laqgħa importanti li kellha, ġiet mgħarrfa li hi kienet se tiġi skwalifikata jekk hija tagħmel dan.

X’ għamlet din it-tfajla qaddisa tal-aħħar jiem? Hija baqgħet leali lejn l-impenn tagħha li tipparteċipa fil-laqgħa tas-Soċjetà tal-Għajnuna. Kif kienet ġiet imwiegħda, hija ġiet skwalifikata mill-kompetizzjoni ta’ madwar l-istat. Meta ġiet mistoqsija dwar id-deċiżjoni tagħha, hija sempliċiment wieġbet, “Ħeq, il-Knisja hi aktar importanti, mhux hekk?”

Il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu twassalna biex nagħmlu affarijiet li kieku ma kienx għall-fidi tagħna ma naslux biex nagħmluhom. Il-fidi li timmotivana biex aħna naġixxu tagħtina aċċess akbar għall-qawwa Tiegħu.

Aħna nkabbru wkoll il-qawwa tas-Salvatur f’ ħajjitna meta aħna nagħmlu ċerti patti sagri u nibdew inżommu dawk l-istess patti b’ eżattezza. Il-patti li aħna nagħmlu jorbtuna Miegħu u jagħtuna qawwa divina. Bħala dixxipli fidili, aħna nindmu u nimxu warajh fl-ilmijiet tal-magħmudija. Jeħtieġ li aħna nimxu fit-triq tal-patt biex aħna nkunu nistgħu nirċievu ċerti ordinanzi essenzjali oħra.17 U nirringrazzjaw lil Alla, il-pjan ta’ Alla jagħti wkoll iċ-ċans biex dawk il-barkiet jiġu estiżi wkoll lill-antenati tagħna li mietu mingħajr l-opportunità li huma jiksbuhom tul il-ħajja mortali tagħhom.18

Dawk l-irġiel u n-nisa li jaraw li jżommu l-patti tagħhom dejjem ifittxu modi kif huma jżommu lilhom infushom bla tebgħa mid-dinja ħalli ma jkun hemm xejn li jista’ jibblokka l-aċċess tagħhom għall-qawwa tas-Salvatur. Waħda mara u omm fidila m’ilux kitbet dan li ġej: “Dawn huma żminijiet imqanqla u perikolużi. Kemm aħna mberkin li aħna għandna l-għarfien akbar tal-pjan tas-salvazzjoni u li nirċievu l-gwida spirata mingħand il-profeti, l-appostli u l-mexxejja maħbubin tagħna, liema gwida tgħinna nsalpaw mingħajr periklu fuq dawn l-ibħra qliel. Aħna ma komplejniex għaddejjin bid-drawwa li filgħodu nixegħlu r-radju. Minflok, kull filgħodu aħna bdejna nisimgħu xi diskors mill-konferenza ġenerali fuq il-mowbajls tagħna hekk kif aħna nħejju lilna nfusna għal jum ieħor.”

Mod ieħor kif aħna nistgħu nirċievu aktar il-qawwa tas-Salvatur f’ ħajjitna hu billi nersqu lejh bil-fidi. Biex aħna nersqu lejh bil-fid jeħtieġ li aħna nagħmlu sforz aktar diliġenti u ffokat.

Immaġni
Mara tmiss it-tarf tal-libsa tas-Salvatur

Tiftakruha l-istorja bibblika tal-mara li għamlet 12-il sena ssofri bi problema mill-aktar diffiċli?19 Hija eżerċitat fidi kbira fis-Salvatur, meta ddikjarat, “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa.”20

Din il-mara fidila u ffokata kellha bżonn tiġġebbed kemm setgħet biex hija setgħet taċċessa l-qawwa Tiegħu. Il-tiġbid fiżiku tagħha kien jissimbolizza t-tiġbid spiritwali tagħha.

Ħafna minna tlabna b’ karba kbira mill-fond ta’ qalbna kliem simili għal dak li lissnet din il-mara: “Jekk jiena nista’ niġġebbed biżżejjed spiritwalment li nkun kapaċi nirċievi l-qawwa tas-Salvatur f’ ħajti, jien nasal biex insir naf x’ għandi nagħmel fis-sitwazzjoni daqstant stressanti li jien ninsab fiha. Jiena nsir naf x’ nista’ nagħmel. U jien ikolli l-qawwa li nwettaq dak li għandi nagħmel.”

Meta intom tippruvaw taċċessaw il-qawwa tal-Mulej f’ ħajjitkom bl-istess intensità li bniedem li jkun qed jegħreq jara x’ jagħmel biex ikun jista’ jieħu l-arja u jitlob għall-għajnuna, imbagħad intom verament tkunu tistgħu tirċievu din il-qawwa mingħand Ġesù Kristu. Meta s-Salvatur ikun jaf li intom verament tridu tersqu lejh—meta Huwa jkun jista’ jagħraf li l-akbar xewqa ta’ qalbkom hi li tirċievu l-qawwa Tiegħu f’ ħajjitkom—imbagħad intom tkunu tistgħu tiġu mmexxija mill-Ispirtu s-Santu biex tkunu tafu eżatt x’ għandkom tagħmlu.21

Meta intom tippruvaw tiġġebdu spiritwalment aktar milli qatt iġġebbidtu qabel, imbagħad il-qawwa Tiegħu tkun tista’ tgħaddi għal ġo fikom.22 U mbagħad intom tifhmu t-tifsira profonda tal-kliem li aħna nkantaw fl-għanja “l-Ispirtu ta’ Alla”:

Il-Mulej ikabbar għerf il-Qaddisin. …

L-għarfien u l-qawwa ta’ Alla qed jikbru;

Il-velu fuq id-dinja m’għadux hemm kif darba kien.23

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa mimli bil-qawwa Tiegħu, li hi disponibbli għal ulied kollha ta’ Alla li jinsabu bil-ħerqa kollha jfittxu din il-qawwa. It-testimonjanza tiegħi hi li sewwasew meta aħna nirċievu l-qawwa Tiegħu f’ ħajjitna, kemm Hu kif ukoll aħna nispiċċaw nifirħu b’ dan.24

Bħala wieħed mix-xhieda speċjali Tiegħu, jien niddikjara li Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu. Il-Knisja Tiegħu ġiet irrestawrata fid-dinja! Il-profeta ta’ Alla fid-dinja llum hu l-President Thomas S. Monson, li jiena nsostni b’ qalbi kollha. Jiena nixhed dwar dan, b’ turija ta’ mħabbti u bħala barka lilkom ilkoll, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen

Noti

  1. Ara 2 Nephi 28:19–30.

  2. Ara Ġwanni 03:16.

  3. Ġesù kien il-Midluk—midluk minn Missierna tas-Smewwiet biex ikun ir-rappreżentant personali Tiegħu f’ dak kollu li għandu x’ jaqsam mas-salvazzjoni tal-umanità. Ġesù ġie midluk biex ikun is-Salvatur u l-Feddej tagħna. Qabel ma nħolqot id-dinja, Ġesù ġie midluk biex permezz Tiegħu l-immortalità ssir realtà u l-ħajja eterna ssir possibiltà għall-ulied kollha ta’ Alla (ara Ġwanni 17:24; 1 Pietru 1:20). B’hekk, Ġesù ġie mogħti żewġ titli uniċi: il- Messija (Lhudi) u il- Kristu (Grieg)—it-tnejn ifissru “midluk.” (Ara Dizzjunarju tal-Bibbja, “Anointed One.”)

  4. Aħna nistgħu nipproteġu lilna nfusna billi nitgħallmu u ngħixu l-kelma ta’ Alla (ara Efesin 6:17–18; Doctrine and Covenants 27:18).

  5. Taħt id-direzzjoni ta’ Missieru, Ġesù kien il-Ħallieq tad-dinja (ara John 1:2–3) u ta’ dinjiet oħra bla għadd (ara Moses 1:33). Żmien twil qabel it-twelid mortali Tiegħu, Ġesù kien il-kbir Ġehova—Alla tat-Testment il-Qadim. Kien Ġehova li tkellem ma’ Mosè fuq il-Muntanja Sinaj. Kien Ġehova li għamel patt ma’ Abraham li l-ġnus kollha tad-dinja se jkunu mberkin permezz tan-nisel ta’ Abraham. U kien Ġehova li għamel ċerti patti mal-familji tad-dar ta’ Israel. Ġesù kien ukoll l-imwiegħed Għimmanu-el, kif imbassar minn Isaija (ara Isaija 7:14).

  6. Doctrine and covenants 131:6.

  7. Ara Doctrine and Covenants 76:40–41.

  8. Ara 2 Nephi 31:2–21.

  9. Bibbja Mqaddsa, Ktieb ta’ Mormon, Duttrina u Patti u Ġawhra ta’ Valur Kbir.

  10. Ara Gwida tas-Suġġetti, “Jesus Christ.” Minbarra l-kitba li hemm taħt it-titlu prinċipali, hemm 57 sottotitolu ieħor dwaru. Għall-edizzjonijiet tal-iskrittura mhux bl-Ingliż, użaw il-Gwida tal-Iskrittura.

  11. Aktar minn 2,200 referenza huma mniżżlin f’ dawk it-18-il paġna tal-Gwida tas-Suġġetti.

  12. 3 Nephi 27:13–14.

  13. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 49.

  14. Ara “Il-Kristu l-Ħaj: It-Testimonjanza tal-Appostli,” Liahona, Apr. 2000, 2–3.

  15. Ara Helaman 8:15.

  16. Ara Doctrine and Covenants 6:36.

  17. Ġesù Kristu għallimna dwar l-importanza tal-ordinanzi sagri, bħall-magħmudija (ara Ġwanni 3:5), is-sagrament (ara Doctrine and Covenants 59:9), u l-għotja mqaddsa u l-ordinanzi tas-siġill tat-tempju (ara Doctrine and Covenants 124:39–42).

  18. Ara Doctrine and Covenants 124:29–32.

  19. Ara Luqa 8:43–44.

  20. Mark 5:28.

  21. Ara Doctrine and Covenants 88:63.

  22. Meta l-mara fidila misset l-ilbies tas-Salvatur, Huwa fil-pront irrisponda, “Ħassejt li xi qawwa [mill-Grieg dunamis, li tfisser “qawwa”] ħarġet minni” (Luqa 8:46; enfażi miżjuda).

  23. “L-Ispirtu ta’ Alla,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, pġ. 28.

  24. Ara 3 Nephi 17:20.