2010-2019
Impenn Determinat lejn Ġesù Kristu
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Impenn Determinat lejn Ġesù Kristu

Alla jistedinna biex inwarrbu lil hinn kemm jista’ jkun id-drawwiet tagħna tal-passat u nibdew ħajja ġdida fi Kristu.

F’April li għadda jiena kelli l-privileġġ li niddedika t-Tempju ta’ Kinshasa fir-Repubblika Demokratika tal-Congo.1 M’għandix biżżejjed kliem biex nesprimi l-ferħ li jien u l-qaddisin fidili fil-Congo ħassejna hekk hekk kif rajna t-tempju jiġi ddedikat f’pajjiżhom.

Immaġni
Pittura tal-Kaskati tal-Congo

L-individwi li jidħlu fit-Tempju ta’ Kinshasa jistgħu jaraw pittura oriġinali li ġġib l-isem Kaskati tal-Congo.2 Hija tfakkar b’mod mill-aktar uniku lin-nies li jidħlu fit-tempju dwar l-impenn determinat daqstant meħtieġ biex huma jankraw irwieħhom ma’ Ġesù Kristu u jimxu t-triq tal-patt tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet. Il-kaskati li jidhru fil-pittura jfakkruk fi drawwa li kienet komuni aktar minn seklu ilu fost l-ewwel nies li kkonvertew għall-Kristjanità ġewwa l-Congo.

Immaġni
Pittura tal-Kaskati ta’ Nzongo

Qabel il-konverżjoni tagħhom, huma kienu jqimu oġġetti inanimati, fejn kienu jemmnu li dawn l-affarijiet kienu jippossedu qawwa sopranaturali.3 Wara l-konverżjoni tagħhom, kienu ħafna li għamlu pellegrinaġġ lejn waħda mill-ħafna kaskati li hemm tul ix-Xmara Congo, bħall-Kaskati ta’ Nzongo.4 Dawn l-ikonvertiti xeħtu l-oġġetti li kienu jqimu qabel fil-kaskati bħala simbolu lejn Alla u lejn ħaddieħor li huma kienu warrbu t-tradizzjonijiet antiki tagħhom u aċċettaw lil Ġesù Kristu. Intenzjonalment huma ma xeħtux l-oġġetti tagħhom f’ilma kalm u baxx; huma xeħtuhom fl-ilmijiet imqallba ta’ kaskata massiva, minn fejn żgur ma setgħux iġibu dawk l-oġġetti lura. Dawn l-għemejjel kienu sinjal tal-bidu ta’ impenn mill-aktar determinat lejn Ġesù Kristu.

Kien hemm nies f’postijiet u fi żminijiet oħra li wkoll urew l-impenn tagħhom lejn Ġesù Kristu b’mod simili.5 In-nies tal-Ktieb ta’ Mormon magħrufin bħala Anti-Nefi-Leħiti “irħew minn idejhom l-armi tar-ribelljoni tagħhom,” difnuhom “fil-fond taħt l-art” bħala “testimonjanza lejn Alla … li huma qatt aktar ma kienu se jużaw l-armi tagħhom.”6 Permezz ta’ dan il-ġest, huma wiegħdu li kienu se jimxu wara t-tagħlim ta’ Alla u qatt ma kienu se jmorru lura mill-kelma tagħhom. Dan l-għemil kien il-bidu li wassal biex huma saru “ikkonvertiti fil-Mulej” u qatt aktar ma kienu se jitbiegħdu mis-sewwa.7

Li tkun “ikkonvertit fil-Mulej” ifisser li twarrab il-manuvri tiegħek li kienu mmexxija minn sistema ta’ twemmin antik, u tadotta sistema ġdida bbażata fuq il-fidi fil-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet u f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni Tiegħu. Din il-bidla hija aktar minn sempliċi aċċettazzjoni intelletwali tat-tagħlim tal-evanġelju. Din il-bidla tifforma l-identità tagħna, tittrasforma l-għarfien tagħna dwar it-tifsira tal-ħajja, u twassalna għal fedeltà lejn Alla li ma tinbidel qatt. Ix-xewqat personali tagħna li jmorru kontra li aħna nkunu ankrati mas-Salvatur u nimxu fit-triq tal-patt jibdew ftit ftit iħalluna u posthom jittieħed minn determinazzjon li nissottomettu ruħna għar-rieda ta’ Missierna tas-Smewwiet.

L-impenn determinat min-naħa tagħna huwa l-bidu li jwassal biex aħna nikkonvertu lejn il-Mulej u mbagħad jeħtieġ li nagħmlu dak l-istess impenn parti integrali minn dak li aħna. Li aħna nassimilaw impenn bħal dan huwa proċess tul ħajjitna li jeħtieġ minna kontinwament il-paċenzja u l-indiema. Eventwalment, dan l-impenn isir parti minn dak li aħna, inkorporat fl-istess karattru tagħna, u dejjem preżenti f’ħajjitna. L-istess kif aħna qatt ma ninsew isimna, hu x’inhu dak li nkunu qed naħsbu dwaru, aħna qatt ma ninsew l-impenn li jinsab imnaqqax f’qalbna.8

Alla jistedinna biex inwarrbu lil hinn kemm jista’ jkun id-drawwiet tagħna tal-passat u nibdew ħajja ġdida fi Kristu. Dan iseħħ hekk kif aħna niżviluppaw il-fidi fis-Salvatur, li tibda billi nisimgħu t-testimonjanza ta’ dawk li għandhom il-fidi.9 Minn dakinhar ‘il quddiem, il-fidi tissaħħaħ hekk kif aħna naġixxu b’mod li jankrana waħda sew Miegħu.10

Issa, tkun ħaġa sabiħa jekk il-fidi akbar tiġi trasmessa bħall-influwenza jew xi riħ li jkun qabadna. Imbagħad, sempliċiment “għatsa waħda spiritwali” tista’ twassal biex tibni l-fidi f’ħaddieħor. Iżda fil-fatt mhux hekk jiġri. L-uniku mod kif il-fidi tikber hu li l-individwu jaġixxi bil-fidi. Dawn l-għemejjel ħafna drabi jiġu mqanqla minn xi stedina li jagħmlilna ħaddieħor, iżda aħna ma nistgħux “inkabbru” l-fidi ta’ ħaddieħor jew niddependu biss fuq ħaddieħor biex insaħħu l-fidi tagħna. Biex il-fidi tagħna tikber, jeħtieġ li nagħżlu għemejjel li jwasslu biex il-fidi tikber, bħat-talb, l-istudju tal-iskrittura, li nieħdu sehem fis-sagrament, inżommu l-kmandamenti, u li nservu lil ħaddieħor.

Hekk kif il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu tikber, Alla jistedinna biex nagħmlu wegħdiet Miegħu. Dawn il-patti, kif nirreferu għal dawn it-tip ta’ wegħdiet, huma manifestazzjoni tal-konverżjoni tagħna. Il-patti joħolqu wkoll pedament sod biex nibqgħu mexjin ’il quddiem spiritwalment. Hekk kif fil-magħmudija nibdew nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu11 aħna nagħżlu li nidentifikaw ruħna Miegħu. Aħna nagħtu l-kelma tagħna li se nsiru bħalu, u niżviluppaw il-kwalitajiet Tiegħu.

Il-patti jankrawna mas-Salvatur, u jgħinuna nimxu t-triq li twassalna sad-dar tagħna fis-smewwiet. Il-qawwa tal-patti tgħinna biex insostnu l-bidla setgħana f’qalbna, insaħħu l-konverżjoni tagħna lejn il-Mulej, u nirċievu fuqna bi sħiħ x-xbieha ta’ Kristu.12 Iżda impenn b’nofs qalb lejn il-patti tagħna ma jagħtina l-ebda garanzija.13 Taf tiġina t-tentazzjoni li noqogħdu naħsbuha biex nikkomettu ruħna u nixħtu d-drawwiet tagħna tal-passat f’ilma kalm jew nidfnu l-armi tagħna tar-ribelljoni bil-manku ’l fuq mill-art. Iżda impenn nofs qalb lejn il-patti tagħna ma jiftħilniex il-bieb għall-qawwa tal-qdusija ta’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu.

Immaġni
Tempju ta’ Kinshasa

L-impenn tagħna li nżommu l-patti tagħna m’għandu jkollu l-ebda kundizzjonijiet u lanqas m’għandu jvarja skont iċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu ta’ ħajjitna. Il-kostanza tagħna lejn Alla għandha tkun affidabbli bħax-Xmara Congo li tgħaddi minn ħdejn it-Tempju ta’ Kinshasa. Din ix-xmara, b’differenza għal ħafna xmajjar oħra fid-dinja, hija regolari tul is-sena kollha14 u tixħet kważi 11-il miljun gallun ilma fis-sekonda fl-Oċean Atlantiku.

Is-Salvatur stieden lid-dixxipli Tiegħu biex ikunu daqstant affidabbli u fermi. Huwa qal, “Għalhekk, ħudu deċiżjoni dwar dan f’qalbkom, sabiex intom twettqu dak li jiena se ngħallimkom, u nikkmandakom.”15 Determinazzjoni “deċiża” li nżommu l-patti tagħna tippermetti li tiġi fis-seħħ fil-milja kollha tagħha l-wegħda ta’ Alla ta’ ferħ bla tmiem.16

Bosta Qaddisin tal-Aħħar Jiem fidili wrew li huma “deċiżi” li jżommu l-patti tagħhom ma’ Alla u li l-bidla li seħħet fihom hija waħda eterna. Ippermettuli nkellimkom dwar tliet individwi bħal dawn—Brother Banza Mucioko, Sister Banza Régine, u Brother Mbuyi Nkitabungi.

Immaġni
Il-familja Banza

Fl-1977, il-koppja Banza kienet tgħix ġewwa Kinshasa fiż-Żaire, pajjiż li issa hu magħruf bħala r-Repubblika Demokratika tal-Congo. Kienu mill-aktar rispettati fil-komunità tagħhom tal-knisja Protestanta. Minħabba t-talenti tagħhom, il-knisja tagħhom irranġatilhom borża ta’ studju biex huma jmorru ma’ wliedhom jistudjaw ġewwa l-Isvizzera

Waqt li kienu Ġinevra, hekk kif kienu jkunu fi triqithom fuq tal-linja lejn l-università, Brother Banza spiss kien jinnota dar tal-laqgħat żgħira bl-isem “Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.” Huwa qal bejnu u bejn ruħu, “Allura Ġesù Kristu llum, fl-aħħar jiem, għandu l-Qaddisin?” Hu eventwalment iddeċieda li jmur u jara.

Brother u Sister Banza ġew milqugħin tajjeb fil-fergħa. Huma staqsew uħud mill-mistoqsijiet persistenti li huma kellhom dwar in-natura ta’ Alla, bħal, “Jekk Alla huwa spirtu, bħar-riħ, aħna kif stajna niġu maħluqin fix-xbieha Tiegħu? Hu kif jista’ jkun ipoġġi bilqiegħda fuq tron?” Huma qatt ma kienu sabu tweġiba sodisfaċenti sakemm il-missjunarji spjegawlhom id-duttrina rrestawrata f’lezzjoni qasira. Meta l-missjunarji telqu, il-koppja Banza ħarsu lejn xulxin u qalu, “Mhijiex din il-verità li għadna kif smajna?” Huma komplew jattendu l-knisja u jiltaqgħu mal-missjunarji. Huma kienu jafu li l-magħmudija fil-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu kellha l-konsegwenzi tagħha. Huma kienu se jitwaqqfu mill-borża ta’ studju tagħhom, tittiħdilhom il-visa tagħhom, u huma u ż-żewġ uliedhom kien se jkollhom jitilqu mill-Isvizzera. Huma għażlu li jitgħammdu u jiġu kkonfermati f’Ottubru 1979.

Ġimgħatejn wara l-magħmudija tagħhom, Brother u Sister Banza reġgħu lura f’Kinshasa bħala l-ewwel u t-tieni membru tal-Knisja f’pajjiżhom. Il-membri tal-fergħa ta’ Ġinevra baqgħu f’kuntatt magħhom u għenuhom jagħmlu kuntatt mal-mexxejja tal-Knisja. Il-familja Banza ġew imħeġġin biex b’fedeltà jistennew iż-żmien imwiegħed meta Alla kien se jistabbilixxi l-Knisja Tiegħu fiż-Żaire.

Immaġni
Il-Presbiteru Mbuyi

Sadattant, student ieħor fuq skambju miż-Żaire, Brother Mbuyi, kien qed jistudja ġewwa l-Belġju. Huwa tgħammed fl-1980 ġewwa l-Qasam ta’ Brussel. Ftit wara, huwa serva missjoni full-time ġewwa l-Ingilterra. U Alla wettaq il-mirakli Tiegħu. Brother Mbuyi reġa’ lura fiż-Żaire bħala t-tielet membru tal-Knisja f’pajjiżu. Bil-permess tal-ġenituri tiegħu, il-laqgħat tal-Knisja bdew isiru fid-dar tal-familja. Fi Frar 1986, saret petizzjoni lill-gvern biex il-Knisja tiġi uffiċjalment rikonoxxuta. Kien hemm bżonn il-firem ta’ tliet ċittadini miż-Żaire. It-tliet firmatarji mill-aktar kuntenti tal-petizzjoni kienu Brother Banza, Sister Banza, u Brother Mbuyi.

Immaġni
Brother Mbuyi u l-Familja Banza

Dawn it-tliet membri tal-azzar għarfu l-verità meta semgħuha; fil-magħmudija huma għamlu patt li ankrahom mas-Salvatur. B’mod metaforiku huma xeħtu d-drawwiet tagħhom tal-passat f’kaskata kollha ilma mqalleb minn fejn ma kellhom l-ebda intenzjoni li jerġgħu jirkuprawhom. It-triq tal-patt qatt ma kienet waħda faċli. L-inkwiet politiku, kuntatt xejn frekwenti mal-mexxejja tal-Knisja, u ċerti sfidi oħra inerenti biex tinbena komunità ta’ Qaddisin jafu setgħu wasslu biex jaqtgħu qalb individwi oħra anqas dedikati minnhom. Iżda Brother u Sister Banza u Brother Mbuyi baqgħu jipperseveraw fil-fidi tagħhom. Huma kienu preżenti fid-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Kinshasa, 33 sena wara li huma ffirmaw il-petizzjoni li wasslet għar-rikonoxximent uffiċjali tal-Knisja fiż-Żaire.

Immaġni
Brother u Sister Banza

Il-familja Banza tinsab hawn magħna llum fiċ-Ċentru għall-Konferenzi. Huma akkumpanjati miż-żewġ uliedhom subien, Junior u Phil, u n-nisa ta wliedhom, Annie u Youyou. Fl-1986, Junior u Phil, kienu l-ewwel żewġ individwi li tgħammdu fil-Knisja fiż-Żaire. Brother Mbuyi jinsab isegwi din is-sezzjoni minn Kinshasa flimkien ma’ martu, Maguy, u l-ħames uliedhom.

Immaġni
Sister u Brother Mbuyi

Dawn il-pijunieri fehmu t-tifsira u l-konsegwenzi ta’ patti li permezz tagħhom huma wasslu biex kisbu “l-għarfien tal-Mulej Alla tagħhom, u l-ferħ f’Ġesù Kristu l-Feddej tagħhom.”17

Aħna kif nistgħu nankraw irwieħna mas-Salvatur u nibqgħu fidili bħal dawn l-aħwa u għexieren ta’ eluf ta’ Qaddisin oħra mill-Congo li mxew warajhom u miljuni oħrajn madwar id-dinja? Is-Salvatur għallimna kif. Kull ġimgħa aħna nieħdu sehem fis-sagrament u nagħmlu patt ma’ Missierna tas-Smewwiet. Aħna nwiegħdu li ngħaqqdu flimkien l-identità tagħna ma’ dik tas-Salvatur billi nwiegħdu d-dispożizzjoni tagħna li nieħdu fuqna Ismu, dejjem niftakru fih, u nżommu l-kmandamenti Tiegħu.18 Li kuxjenzjożament aħna nitħejjew għal dawn il-patti u kull ġimgħa nieħdu sehem fihom iwassalna biex nankraw ruħna mas-Salvatur, jgħinna nassimilaw l-impenn tagħna,19 u nibqgħu nimbuttaw ‘il quddiem tul it-triq tal-patt.

Jiena nistedinkom biex bħala dixxipli intom tikkommettu ruħkom għal proċess li jibqa’ għaddej tul ħajjitkom. Agħmlu u żommu l-patti. Ixħtu d-drawwiet tagħkom tal-passat f’kaskati kollha ilma mqalleb. Idfnu l-armi tar-ribelljoni tagħkom mingħajr ma tħallu l-manku ’l fuq mill-art. Minħabba l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, li tagħmlu patti b’intenzjoni ġenwina li b’mod affidabbli tonorawhom iwassal biex ħajjitkom tiġi mbierka għal dejjem. Intom issiru tixbhu aktar lis-Salvatur hekk kif dejjem tiftakru fih, timxu warajh, u tadurawh. Jiena nixhed li Ġesù hu l-pedament sod. Huwa ta’ min jafdah, u l-wegħdiet Tiegħu huma ċerti. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Id-dedikazzjoni saret nhar Ħadd il-Palm, 14 ta’ April, 2019, kif assenjat mill-Presbiteru Russell M. Nelson.

  2. L-artist, David Meikle, pitter Kaskati tal-Congo fejn ħadem minn ritratti tal-kaskati ta’ Kiubu. Il-Kaskati ta’ Kiubu jinsabu bejn wieħed u ieħor 249 mil fit-tramuntana ta’ Lubambashi fil-parti tal-lbiċ tar-Repubblika Demokratika tal-Congo.

  3. Dawn l-oġġetti kienu magħrufa bħala inkisi bil-Kikongo u bħala fétiches bil-Franċiż. Il-kelma tiġi tradotta bil-Malti bħala “amuletti,” “taliżmani,” jew “fetiċċi.”

  4. David Meikle pitter ukoll Kaskati ta’ Nzongo fejn ħadem minn ritratti tal-kaskati. Il-Kaskati ta’ Nzongo jinsabu bejn wieħed u ieħor 81 mil ’il bogħod minn Kinshasa, fir-Repubblika Demokratika tal-Congo. Ix-xmara f’dawn il-kaskati hi magħrufa bħala Nzadi Inkisi, jew “Xmara tal-Fetiċċi.” L-isem jirrifletti d-drawwa deskritta fit-test.

  5. Fis-sena 1000 W.K., il-kapijiet tal-klans mill-Iżlanda ltaqgħu flimkien għal-laqgħa annwali tagħhom Allting, assemblea informali li fiha jsiru liġijiet li jolqtu lil kulħadd. Wieħed raġel jismu Thorgeir ġie mistoqsi biex jieħu deċiżjoni f’isem kulħadd dwar jekk għandhomx jikkonvertu għall-Kristjanità jew ikomplu jaduraw lil allat Norveġiżi. Wara tliet ijiem magħluq waħdu fit-tinda tiegħu, Theorgeir ħabbar id-deċiżjoni tiegħu; il-klans kellhom isiru Kristjani. Hekk kif Thorgeir kien sejjer lura lejn ir-raħal tiegħu, huwa qabad l-idoli allat-Norveġiżi tiegħu li tant kienu għal qalbu u xeħithom fil-kaskata, li llum hi magħrufa bħala Godafoss, jew “Kaskata tal-Allat.” Dan l-għemil kien ifisser il-konverżjoni kompleta ta’ Thorgeir għall-Kristjanità.

  6. Alma 23:13; 24:17–18.

  7. Ara Alma 23:6; David A. Bednar, “Converted unto the Lord,” Liahona, Nov. 2012, 106–9.

  8. Ara Eżekjel 11:19–20; 2 Korintin 3:3.

  9. Ara Rumani 10:14, 17.

  10. Ara Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service, ed. riv. (2018), 203.

  11. Ara Dallin H. Oaks, “Taking upon Us the Name of Jesus Christ,” Ensign, Mejju 1985, 80–83.

  12. Ara Alma 5:12–14.

  13. Ara Doctrine and Covenants 82:10.

  14. Ix-Xmara Congo hija l-aktar xmara fonda, it-tieni l-aktar waħda b’saħħitha u d-disa’ l-itwal xmara fid-dinja. Peress li hi taqsam l-ekwatur darbtejn, tal-anqas sezzjoni waħda tax-xmara tkun tinsab dejjem fl-istaġun tax-xita, u dan jirriżulta fi pressa ta’ ilma regolari. Il-pressa hija relattivament konsistenti s-sena kollha, u tkun bejn wieħed u ieħor 41,000 metru kubu ta’ ilma kull sekonda, minkejja li r-rata tal-pressa taf tvarja tul is-snin (bejn 23,000–75,000 metru kubu fis-sekonda).

  15. Joseph Smith Translation, Luke 14:28 (f’ Luke 14:27, nota f’qiegħ il-paġna b).

  16. Ara 2 Nephi 9:18; Russell M. Nelson, “Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 81–84. Il-President Nelson qal, “Il-ferħ huwa rigal għal min hu fidil.” (paġna 84).

  17. Alma 37:9.

  18. Ara Doctrine and Covenants 20:77. Fis-Seminar għat-Tmexxija tal-Missjoni f’Ġunju 2019, wara li ħa sehem fis-sagrament, qabel beda l-messaġġ formali tiegħu, il-President Russell M. Nelson qal, “għaddieli ħsieb minn moħħi li l-patt li jien qed nagħmel illum huwa ferm aktar importanti mill-messaġġ li jiena ħejjejt. Jiena għamilt patt hekk kif ħadt sehem fis-sagrament li jien se nieħu fuqi l-isem ta’ Ġesù Kristu u li jiena lest nobdi l-kmandamenti Tiegħu. Ħafna drabi, jiena nisma’ l-espressjoni li aħna nieħdu sehem fis-sagrament biex inġeddu l-patti li aħna għamilna fil-magħmudija. Filwaqt li dan hu minnu, huwa ferm aktar minn hekk. Jiena għamilt patt ġdid. Intom għamiltu patti ġodda. … Min-naħa Tiegħu Huwa jiddikjara li aħna dejjem ikollna l-Ispirtu Tiegħu magħna. X’barka!”

  19. Ara 3 Nephi 18:12.