2010-2019
It-Tieni Kmandament Kbir
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


It-Tieni Kmandament Kbir

L-akbar ferħ tagħna niksbuh hekk kif ngħinu lil ħutna.

Għeżież ħuti, grazzi ta’ dak kollu li qed tagħmlu biex tgħinu tiġbru flimkien lil Iżrael miż-żewġ naħat tal-velu, biex issaħħu l-familji tagħkom, u tbierku l-ħajja ta’ dawk fil-bżonn. Grazzi talli qed tgħixu bħala dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.1 Intom tafu u tħobbu tobdu ż-żewġ kmandamenti l-kbar Tiegħu, li tħobbu lil Alla u li tħobbu lill-proxxmu tagħkom.2

Tul dawn l-aħħar sitt xhur, jien u Sister Nelson iltqajna ma’ eluf ta’ Qaddisin hekk kif flimkien żorna l-Amerka Ċentrali u l-Amerka t’Isfel, il-gżejjer tal-Paċifiku, u bosta bliet fl-Istati Uniti. Hekk kif inkunu qed nivvjaġġaw, it-tama tagħna hi li nibnu l-fidi tagħkom . Madankollu aħna dejjem ġejna lura bil-fidi tagħna msaħħa mill-membri u l-ħbieb li niltaqgħu magħhom. Tippermettuli naqsam magħkom tliet mumenti sinifikanti mill-esperjenzi riċenti li kellna?

Immaġni
Il-President Nelson fi New Zealand
Immaġni
Il-President Nelson fi New Zealand

F’Mejju, jien u Sister Nelson ivvjaġġajna flimkien mal-Presbiteru Gerrit W. u Sister Susan Gong san-Nofsinhar tal-Paċifiku. Meta konna Auckland, fi New Zealand, aħna kellna l-unur li niltaqgħu mal-imam ta’ żewġ moskej ġewwa Christchurch, fi New Zealand, fejn xahrejn biss qabel nies innoċenti li kienu qed iqimu flimkien ġew maqtulin b’tiri ta’ arma tan-nar f’att ta’ vjolenza orribbli.

Aħna estendejna s-simpatija tagħna lil dawn ħutna ta’ twemmin differenti u rriaffermajna l-impenn mutwali tagħna għall-ħelsien reliġjuż.

Aħna offrejna wkoll ħidma manwali volontarja u assistenza finanzjarja modesta biex jinbnew mill-ġdid il-moskej tagħhom. Il-laqgħa tagħna ma’ dawn il-mexxejja Musulmani kienet ikkaratterizzata minn espressjoni tenera ta’ fratellanza.

Immaġni
Reċipjenti tas-siġġu tar-roti fl-Arġentina
Immaġni
Reċipjenti tas-siġġu tar-roti fl-Arġentina

F’Awwissu, flimkien mal-Presbiteru Quentin L. U Sister Mary Cook, jiena u Sister Nelson iltqajna ma’ numru ta’ individwi ġewwa Buenos Aires, fl-Arġentina—ħafna minnhom mhux ta’ twemmin tagħna—li ħajjithom inbidlet permezz ta’ siġġijiet tar-roti li ġew ipprovduti lilhom permezz tal-Karitajiet tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tagħna. Aħna ġejna verament ispirati hekk kif b’ferħ huma esprimew il-gratitudni tagħhom għall-mobilità ġdida tagħhom.

It-tielet mument prezzjuż seħħ sewwasew ftit tal-ġimgħat ilu hawn fil-Belt ta’ Salt Lake. Kien riżultat ta’ ittra mill-aktar unika li jien irċevejt f’jum għeluq snini minn waħda tfajla li se nsejħilha Mary—li għandha 14-il sena.

Mary kitbet dwar xi ħwejjeġ li huma komuni bejni u bejnha: “Inti għandek 10 itfal. “Aħna qegħdin 10 itfal. Inti titkellem bil-Mandarin. Seba’ mit-tfal fil-familja tiegħi, fosthom jien, ġejna adottati miċ-Ċina, għalhekk l-ewwel lingwa tagħna hi l-Mandarin. Inti kirurgu tal-qalb. Oħti għamlet żewġ operazzjonijiet tal-qalb. Inti tħobb knisja li ddum sejra sagħtejn. Aħna nħobbu knisja li ddum sejra sagħtejn. Inti intunat b’mod perfett. Ħija wkoll intunat b’mod perfett. Huwa agħma bħali.”

Ħassejtni verament kommoss bi kliem Mary, li żvela mhux biss l-ispirtu meraviljuż tagħha iżda wkoll il-konsagrazzjoni ta’ ommha u missierha.

Il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, bħal dixxipli oħra ta’ Ġesù Kristu, dejjem jinsabu jfittxu modi kif jistgħu jgħinu, jelevaw, u jħobbu lil ħaddieħor. Dawk li huma lesti li jissejħu l-poplu tal-Mulej “lesti jġorru t-tagħbija ta’ xulxin, … li jibku ma’ dawk li jibku; … u li jfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ.”3

Huma verament jippruvaw jgħixu l-ewwel u t-tieni kmandament kbir. Meta aħna nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, Huwa jiftħilna qalbna għall-benesseri ta’ ħaddieħor f’ċiklu mill-aktar sabiħ u virtuż.

Impossibbli nikkalkulaw l-ammont ta’ servizz li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jagħtu madwar id-dinja f’kull jum ta’ kull sena, iżda hu possibbli nikkalkulaw it-tajjeb li twettaq il-Knisja bħala organizzazzjoni biex tbierek lil dawk l-irġiel u nisa—subien u bniet—li huma fil-bżonn.

L-outreach umanitarju tal-Knisja tnieda fl-1984. Imbagħad saret sawma mal-Knisja kollha biex jinġabru fondi ħalli nassistu lil dawk li kienu qed isofru minn nixfa devastanti fil-Lvant tal-Afrika. Il-membri tal-Knisja taw 6.4 miljun dollaru Amerikan f’dak il-jum wieħed ta’ sawm.

Immaġni
Dak li kien il-Presbiteru Ballard fl-Etjopja

Dak li kien il-Presbiteru M. Russell Ballard u Brother Glenn L. Pace telqu lejn l-Etjopja biex jevalwaw liema kien l-aħjar mod li jintużaw dawk il-fondi kkonsagrati. Dan l-isforz irriżulta bħala l-bidu ta’ dak li aktar tard sar magħruf bħala l-Karitajiet tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Karitajiet tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ipprovdew aktar minn żewġ biljun dollaru f’għajnuna biex nassistu lil dawk fil-bżonn madwar id-dinja. Din l-assistenza tiġi offruta lir-reċipjenti irrispettivament x’twemmin reliġjuż jew politiku jħaddnu, u x’nazzjonalità, razza, orjentazzjoni sesswali, u sess huma.

Dan mhux kollox. Biex nassistu lill-membri tal-Knisja tal-Mulej li jinsabu jbatu, aħna nħobbu u ngħixu l-liġi tal-qedem tas-sawm.4 Aħna nibqgħu bil-ġuħ biex ngħinu lil oħrajn li huma bil-ġuħ. Ġurnata fix-xahar, aħna nibqgħu mingħajr ikel u nagħtu l-flus li kieku konna se nonfqu fl-ikel (u aktar) biex ngħinu lil dawk fil-bżonn.

Jiena qatt mhu se ninsa l-ewwel żjara tiegħi fil-Punent tal-Afrika fl-1986. Il-Qaddisin ġew għal-laqgħat tagħna f’numri kbar. Filwaqt li ħafna minnhom ftit kienu jipposjedu affarijiet materjali, il-biċċa l-kbira minnhom ġew lebsin ilbies abjad daqs is-silġ.

Jiena staqsejt lill-president tal-wited kif kien jieħu ħsieb il-membri li ftit li xejn kellhom flus. Hu wieġeb li l-isqfijiet tagħhom kienu jafu lin-nies tagħhom tajjeb ħafna. Jekk il-membri setgħu jaffordjaw żewġ ikliet kuljum, ma kellhom bżonn tal-ebda għajnuna. Iżda jekk huma setgħu jaffordjaw biss ikla waħda jew anqas—anke bl-għajnuna tal-familja—l-isqfijiet kienu jipprovdulhom l-ikel, li kien iffinanzjat mill-offerti tas-sawm. Imbagħad huwa qalli dan il-fatt meraviljuż: il-kontribuzzjoni tagħhom tal-offerta tas-sawm normalment kienet tkun akbar mill-ispejjeż tagħhom. Wara, il-flus tal-offerti tas-sawm li ma jintużawx kienu jintbagħtu lil nies oħra x’imkien ieħor li kienu aktar fil-bżonn minnhom. Dawn il-Qaddisin tal-azzar Afrikani għallmuni lezzjoni kbira dwar il-qawwa tal- liġi u l- ispirtu tas-sawm.

Bħala membri tal-Knisja, aħna nħossu konnessjoni speċjali ma’ dawk li b’xi mod qed isofru.5 Bħala wlied Alla, aħna lkoll aħwa. Aħna nisimgħu mit-twiddiba tat-Testment il-Qadim: “Iftaħ idek sewwa lil ħuk, lill-fqir u lill-miskin f’artek.”6

Aħna wkoll nagħmlu li nistgħu biex ngħixu t-tagħlim tal-Mulej Ġesù Kristu kif jissemma f’ Mattew 25:

“Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni: kont bil-għatx u sqejtuni: kont barrani u lqajtuni:

“Kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni. …

“… Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi.”7

Ippermettuli nsemmi xi ftit eżempji ta’ kif il-Knisja timxi wara dan it-tagħlim tas-Salvatur.

Immaġni
Maħżen tal-isqof

Biex tgħin tnaqqas il-ġuħ, il-Knisja topera 124 maħżen tal-isqfijiet madwar id-dinja. Permezz tagħhom, mal-400,000 ordni ta’ ikel tingħata kull sena lill-individwi fil-bżonn. F’postijiet fejn ma jeżisti l-ebda maħżen, l-isqfijiet u l-presidenti tal-fergħa jużaw il-fondi tal-offerta tas-sawm tal-Knisja biex jipprovdu l-ikel u l-bżonnijiet għall-membri tagħhom fil-bżonn.

Madankollu, l-isfida tal-ġuħ tmur lil hinn mill-fruntieri tal-Knisja. Qed tikber madwar id-dinja kollha. Rapport riċenti tal-Ġnus Magħquda jindika li n-numru ta’ nies sottnutriti fid-dinja issa jaqbeż it-820 miljun—jew kważi wieħed minn kull disa’ abitanti fid-dinja .8

Tassew statistika mill-aktar serja! Kemm aħna grati għall-kontribuzzjonijiet tagħkom. Grazzi għall-ġenerożità mill-qalb tagħkom, miljuni ta’ nies fil-bżonn madwar id-dinja qed jirċievu l-ikel, il-ħwejjeġ, saqaf fuq rashom temporanju, siġġijiet tar-roti, mediċini, ilma nadif, u tant affarijiet li jeħtieġu.

Ħafna mard madwar id-dinja jiġi kkawżat minħabba ilma mniġġes. Sal-lum il-ġurnata, l-inizjattiva umanitarja tal-Knisja għenet biex jiġi pprovdut ilma nadif f’mijiet ta’ komunitajiet f’76 pajjiż differenti.

Eżempju ta’ dan huwa proġett ġewwa Luputa, fir-Repubblika Demokratika tal-Congo. B’popolazzjoni li taqbeż il-100,000 ruħ, fil-belt ma hemm l-ebda ilma ġieri. Iċ-ċittadini ikollhom jimxu distanzi twal biex isibu ilma tajjeb għax-xorb. Ġiet skoperta fawwara bl-ilma tal-muntanja 18-il mil ’il bogħod, iżda n-nies tal-belt ma jistgħux jaċċessaw dak l-ilma fuq bażi regolari.

Immaġni
Tħaffir ta’ trinka għall-ilma

Meta l-missjunarji umanitarji tagħna saru jafu dwar din l-isfida, huma ħadmu mal-mexxejja ta’ Lupata billi fornew lin-nies b’materjal u taħriġ biex l-ilma jasal fil-belt permezz ta’ sistema ta’ pajpijiet. In-nies ta’ Lupata għaddew tliet snin iħaffru trinka metru fond qalb il-blat u l-ġungla. Għax ħadmu flimkien, il-jum mill-aktar feliċi wasal meta finalment l-ilma nadif u frisk sar disponibbli għan-nies kollha ta’ dak il-villaġġ.

Immaġni
Ġarr ta’ ilma

Il-Knisja tgħin ukoll lil refuġjati, dawk li qed jaħarbu kemm minn ġlied ċivili, kemm minn diżastri naturali, u anki minn persekuzzjoni reliġjuża. Aktar minn 70 miljun ruħ illum jinsabu maħrubin minn darhom.9

Immaġni
Nimministraw lir-refuġjati

Fis-sena 2018 biss, il-Knisja pprovdiet provvisti ta’ emerġenza għal refuġjati f’56 pajjiż. Barra minn hekk, ħafna membri tal-Knisja joffru ħinhom biex jgħinu lir-refuġjati jintegraw fil-komunitajiet ġodda tagħhom. Aħna nirringrazzjaw lil kull wieħed u waħda minnkom li qed tagħmlu li tistgħu biex tgħinu lil dawk li qed jippruvaw jistabbilixxiu dar ġdida.

Immaġni
Tqassim ta’ ħwejjeġ

Permezz ta’ donazzjonijiet ġenerużi liċ-ċentri tal-Industriji ta’ Deseret ġewwa l-Istati Uniti, kull sena jinġabru u jingħażlu miljuni ta’ tunellati ta’ ħwejjeġ. Filwaqt li l-isqfijiet lokali jużaw dan l-inventarju vast biex jgħinu lill-membri fil-bżonn, l- akbar porzjon jingħata lil organizzazzjonijiet karitattevoli oħra li jqassmu dawn l-affarijiet madwar id-dinja.

Is-sena l-oħra biss, il-Knisja pprovdiet kura tal-għajnejn għal aktar minn 300,000 ruħ f’35 pajjiż, kura għat-trabi għal eluf ta’ ommijiet u tfal f’39 pajjiż, u siġġijiet tar-roti għal aktar minn 50,000 ruħ li jinsabu jgħixu f’għadd ta’ pajjiżi oħra.

Il-Knisja hija magħrufa li hi fost tal-ewwel li tmur tgħin meta x’imkien jintlaqat minn traġedja. Saħansitra minn qabel mal-uragan jolqot xi reġjun, il-mexxejja u l-istaff tal-Knisja fil-postijiet affettwati jkunu qed ifasslu pjanijiet kif huma jkunu jistgħu jwasslu l-provvisti ta’ għajnuna u joffru l-assistenza lil dawk li jkunu se jintlaqtu.

Immaġni
Inservu permezz tal-Idejn tal-Għajnuna

Is-sena l-oħra biss, il-Knisja mexxiet aktar minn 100 proġett ta’ għajnuna waqt diżastru madwar id-dinja, fejn għenet lill-vittmi ta’ uragani, nirien, għargħar, terrimoti, u diżastri oħra. Fejn hu possibbli, il-membri tal-Knisja tagħna lebsin flokkijiet sofor tal-Idejn tal-Għajnuna imorru f’numri kbar jgħinu lil dawk milquta mid-diżastru. Dan it-tip ta’ servizz, li jingħata minn bosta minnkom, huwa l-essenza vera tal-ministeru.

Għeżież ħuti, l-attivitajiet li jiena ddeskrivejt huma sempliċiment parti żgħira mill-għajnuna dejjem tikber u l-outreach umanitarja tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.10 U intom huma dawk li jagħmlu dan kollu possibbli. Minħabba l-ħajja eżemplari tagħkom, il-qalb ġeneruża tagħkom, u l-idejn tal-għajnuna tagħkom, mhijiex xi ħaġa sorprendenti li bosta mexxejja tal-komunitajiet u tal-gvern qegħdin ifaħħru l-isforzi tagħkom.11

Minn meta sirt President tal-Knisja, jiena nħossni nimmeravilja ruħi kemm-il president, prim ministru u ambaxxatur ġew jirringrazzjawni b’sinċerità għall-għajnuna umanitarja li aħna noffru lill-poplu tagħhom. U huma esprimew ukoll il-gratitudni tagħhom għal ċerta qawwa li l-membri fidili tagħna jwasslu f’pajjiżhom bħala ċittadini leali u li jagħtu kontribut.

Jiena mmeraviljajt ruħi wkoll hekk kif mexxejja tad-dinja żaru lill-Ewwel Presidenza fejn esprimew it-tama tagħhom li l-Knisja tiġi stabbilita f’pajjiżhom. Għalfejn? Għaliex huma jafu li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien sejrin jgħinu biex jinbnew familji u komunitajiet b’saħħithom, li jagħmlu l-ħajja aħjar għal ħaddieħor kull fejn huma jgħixu.

Irrispettivament aħna minn fejn ġejjin, il-membri tal-Knisja jħossu ġo fihom ċerta passjoni dwar il-paternità ta’ Alla u l-fratellanza tal-bniedem. B’hekk, l-akbar ferħ tagħna niksbuh hekk kif ngħinu lil ħutna, irrispettivament fejn huma jgħixu f’din id-dinja meraviljuża.

Li ngħinu lil ħaddieħor—li nagħmlu sforz kuxjenzjuż biex nieħdu ħsieb ħaddieħor daqs jew aktar milli nieħdu ħsieb tagħna nfusna—huwa l-ferħ tagħna. Speċjalment, nixtieq inżid, meta dan ma jkunx konvenjenti u jeħodna lil hinn miz-zona li nħossuna komdi fiha.. Li ngħixu dak it-tieni kmandament kbir huwa l-element ewlieni kif nistgħu nsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, intom eżempju ħaj tal-frott li jinkiseb meta wieħed jimxi wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Jiena nirringrazzjakom! Jiena nħobbkom!

Jiena naf li Alla jgħix. Ġesù hu l-Kristu. Il-Knisja Tiegħu ġiet irrestawrata f’dawn l-aħħar żminijiet biex iġġib fis-seħħ l-għanijiet divini tagħha. Jiena nixhed dan f’isem Ġesù Kristu, amen.