Konferenza Ġenerali
Niftħu s-Smewwiet għall-Għajnuna
Konferenza Ġenerali April 2020


Niftħu s-Smewwiet għall-Għajnuna

Ejjew nattivaw il-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu!

X’sessjoni mil-aktar unika u meraviljuża kellna! Grazzi, għeżież Laudy u Enzo. Intom irrappreżentajtu tajjeb ħafna lit-tfajliet u l-ġuvintur tal-Knisja.

Għeżież ħuti, illum aħna smajna ħafna dwar ir-Restawrazzjoni tal-Knisja—l-istess Knisja li s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, waqqaf waqt il-ministeru tiegħu fid-dinja. Ir-Restawrazzjoni bdiet 200 sena ilu, f’dan l-istess żmien tar-rebbiegħa meta Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, dehru lit-tfajjel Joseph Smith.

Għax snin wara din il-viżjoni traxxendenti, il-Profeta Joseph Smith u ħames persuni oħra ġew imsejħin bħala l-membri fundaturi tal-Knisja rrestawrata tal-Mulej.

Minn dak il-grupp żgħir li nġabar flimkien fis-6 ta’ April, 1830, ħarġet organizzazzjoni globali ta’ aktar minn 16-il miljun membru. It-tajjeb kollu li twettaq din il-Knisja madwar id-dinja biex ittaffi s-sofferenza umana u tipprovdi għajnuna lill-umanità huwa magħruf minn ħafna. Iżda l-għan ewlieni tagħha hu li tgħin lill-irġiel u nisa u tfal jimxu wara l-Mulej Ġesù Kristu, iżommu l-kmandamenti tiegħu, u jikkwalifikaw għall-akbar fost il-barkiet kollha—dik ta’ ħajja eterna ma’ Alla u mal-maħbubin tagħhom.1

Hekk kif aħna nfakkru l-ġrajja li ngħata bidu għaliha fl-1820, importanti niftakru li waqt li aħna nonoraw lil Joseph Smith bħala profeta ta’ Alla, din mhijiex il-knisja ta’ Joseph Smith, lanqas mhi l-knisja ta’ Mormon. Din hi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Huwa ddikjara eżattament x’kellu jkun l-isem tal-Knisja tiegħu: “Għax hekk għandkom issejħulha l-knisja tiegħi fl-aħħar żminijiet, sewwasew Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.”2

Jiena diġà tkellimt dwar li ħtieġa li nibdlu l-mod li aħna nirreferu għall-isem tal-Knisja.3 Minn dak iż-żmien ’l hawn, sar ħafna biex dan it-tibdil jiġi fis-seħħ. Jiena grat ħafna għall-President M. Russell Ballard u l-Kworum kollu tat-Tnax-il Appostlu, li ħadmu ħafna biex jiġi implimentat dan l-isforz kif ukoll dak relatat ma’ inizjattiva oħra li se nħabbar illejla.

Il-mexxejja u d-dipartimenti tal-Knisja u ċerti entitajiet relatati, u miljuni ta’ membri tagħha—u oħrajn—issa qed jużaw l-isem korrett tal-Knisja. Il-gwida tal-istil uffiċjali tal-Knisja ġiet aġġustata. Il-website prinċipali tal-Knisja issa hi ChurchofJesusChrist.org. L-indirizzi tal-imejl, tal-ismijiet tad-dominju, u tal-kanali tal-midja soċjali ġew aġġornati. Il-kor għażiż tagħna issa sar il-Kor tat-Tabernaklu fil-Pjazza tat-Tempju.

Aħna wasalna biex għamilna dawn l-isforzi straordinarji għaliex meta nneħħu l-isem tal-Mulej mill-isem tal-Knisja tiegħu , aħna involontarjament inkunu qed inneħħu lilu bħala l-element ewlieni tal-qima u l-ħajja tagħna. Meta fil-magħmudija nieħdu fuqna isem is-Salvatur, aħna nkunu qed nikkommettu ruħna li nixhdu, permezz ta’ kliemna, ħsibijietna u għemilna, li Ġesù hu l-Kristu.4

Jiena qabel kont wegħidtkom li jekk aħna “nagħmlu l-almu tagħna biex nirrestawraw l-isem korrett tal-Knisja tal-Mulej,” Hu “jixħet fuq il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, il-qawwa u l-barkiet tiegħu b’abbundanza li qatt ma rajna bħalha.”5 Illum jiena se nerġa’ nġedded dik il-wegħda.

Biex jgħinna niftakru fih u nidentifikaw Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien bħala l- Knisja tal-Mulej, aħna bi pjaċir nintroduċu simbolu li jissinifika l-post ċentrali ta’ Ġesù Kristu fil-Knisja tiegħu.

Dan is-simbolu jinkludi l-isem tal-Knisja ġo ġebla tax-xewka. Ġesù Kristu huwa l-ġebla tax-xewka.6

Immaġni
Logo bil-ġebla tax-xewka

Fiċ-ċentru tas-simbolu hemm rappreżentazzjoni tal-istatwa tal-irħam ta’ Thorvaldsen, il- Christus. Din turi il-Mulej ħaj imqajjem mill-imwiet b’dirgħajh maħruġin biex iħaddan lil dawk kollha li jersqu lejh.

B’mod simboliku, Ġesù Kristu jinsab wieqaf taħt arkata. L-arkata tfakkarna fis-Salvatur imqajjem mill-imwiet ħiereġ mill-qabar fit-tielet jum wara l-Kruċifissjoni tiegħu.

Immaġni
Simbolu ġdid tal-Knisja

Dan is-simbolu għandu jkun familjari għal ħafna, għaliex aħna ilna żmien nidentifikaw l-evanġelju rrestawrat ma’ Kristu l-ħaj, imqajjem mill-imwiet.

Is-simbolu issa se jibda jintuża bħala identifikatur viżwali għall-letteratura, aħbarijiet, u avvenimenti uffiċjali tal-Knisja.7 Hu jfakkarna lkoll li din hi l-Knisja tas-Salvatur u ċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu, bħala membri tal-Knisja tiegħu, hu Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu.

Issa, għeżież ħuti, għada Ħadd il-Palm, kif għallem il-Presbiteru Gong b’mod daqstant elokwenti. Imbagħad nibdew il-ġimgħa speċjali li tilħaq il-qofol tagħha fil-jum tal-Għid. Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, li qed ngħixu fi żmien fejn il-pandemija tal-COVID-19 poġġiet id-dinja kollha f’aġitazzjoni kbira, ejjew mhux biss nitkellmu dwar Kristu jew inxandru lil Kristu jew nużaw simbolu li jirrappreżenta lil Kristu.

Ejjew napplikaw il-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu!

Kif tafu, darba fix-xahar il-membri tal-Knisja josservaw il-liġi tas-sawm.

Id-duttrina tas-sawm ilha minn żmien il-qedem. Kienet tiġi pprattikata mill-eroj bibbliċi mill-bidu taż-żminijiet. Mosè, David, Esdra, Neħemija, Ester, Isaija, Danjel, Ġoel, u ħafna oħrajn kienu jsumu u jgħallmu dwar is-sawm.8 Permezz tal-kitbiet ta’ Isaija, il-Mulej qal: “Jaqaw mhux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri, li tħoll l-irbit tal-ħażen, u tqaċċat ix-xkiel tal-madmad, li tibgħat ħielsa l-maħqurin?”9

L-Appostlu Pawlu talab lill-Qaddisin ġewwa Korintu biex “tagħtu ruħkom għas-sawm u t-talb.”10 Is-Salvatur innifsu ddikjara li ċerti ħwejjeġ ma “jistgħu jitkeċċew b’xejn ħlief bit-talb u s-sawm.”11

M’ilux jiena għidt permezz ta’ vidjo fuq il-midja soċjali li “bħala tabib u kirurgu, jiena għandi ammirazzjoni kbira lejn il-professjonisti mediċi u l-ixjenzati, u dawk kollha li qed jaħdmu bla waqfien biex inaqqsu t-tixrid tal-COVID-19.”12

Illum, bħala l-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, jiena naf li Alla “għandu kull qawwa, kull għerf, u kull għarfien; hu jifhem kull ħaġa, u hu Esseru ħanin, anke għas-salvazzjoni, għal dawk li jindmu u jemmnu f’ismu.”13

Għalhekk, waqt żminijiet ta’ miżerja kbira, bħal meta marda tilħaq proporzjonijiet pandemiċi, l-aktar ħaġa naturali li aħna nagħmlu hi li nduru fuq Missierna tas-Smewwiet u fuq Ibnu—l-Aqwa Tabib—biex juruna l-qawwa meraviljuża tagħhom biex ibierku lin-nies tad-dinja.

Fil-messaġġ tiegħi bil-vidjo, jiena stedint lil kulħadd biex jingħaqad miegħi fis-sawm nhar il-Ħadd, 29 ta’ Marzu, 2020. Jista’ jkun li ħafna minnkom rajtu l-vidjo u ngħaqadtu fis-sawma. Xi wħud jafu m’għamlux dan. Issa aħna xorta għad għandna bżonn l-għajnuna mis-sema.

Għalhekk illejla, għeżież ħuti, fl-ispirtu ta’ wlied Mosija, li għaddew ħin twil isumu u jitolbu,14 u bħala parti mill-konferenza ġenerali tagħna ta’ April 2020, jiena qed insejħilkom biex nagħmlu sawma oħra dinjija. Għal dawk kollha li saħħithom tippermetti, ejjew insumu, nitolbu, u nerġgħu ngħaqqdu l-fidi tagħna flimkien. Ejjew bl-għajnuna tat-talb nitolbu ħalli ninħelsu minn din il-pandemija globali.

Nistieden lilkom ilkoll, inkluż dawk mhux tat-twemmin tagħna, biex nhar il-Ġimgħa l-Kbira, 10 ta’ April, insumu u nitolbu sabiex il-pandemija ta’ bħalissa tkun tista’ tiġi kkontrollata, il-kuranti jiġu protetti, l-ekonomija tirpilja, u l-ħajja terġa’ tiġi għan-normal.

Kif għandna nsumu? Normalment żewġ ikliet jew perjodu ta’ 24 siegħa. Iżda intom tiddeċiedu xi jfisser sagrifiċċju għalikom, hekk kif tiftakru fis-sagrifiċċju suprem li għamel għalikom is-Salvatur. Ejjew ningħaqdu fit-talb għall-fejqan madwar id-dinja.

Il-Ġimgħa l-Kbira tkun il- jum perfett biex fih Missierna tas-Smewwiet u Ibnu jisimgħu t-talba tagħna!

Għeżież ħuti, jiena nesprimi l-imħabba kbira tiegħi għalikom, flimkien mat-testimonjanza tiegħi dwar id-divinità tal-ħidma li fiha ninsabu ngaġġati. Din hi Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Huwa l-kap tagħha u jmexxi dak kollu li aħna nagħmlu. Jien naf li Hu jisma’ t-talb tal-poplu tiegħu. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.