Librerija
Ħobbu lill-Għedewwa Tagħkom


Ħobbu lill-Għedewwa Tagħkom

L-għarfien li aħna wlied Alla jagħtina viżjoni dwar il-valur ta’ ħaddieħor u l-abbiltà li nelevaw ruħna ’l fuq mill-preġudizzju.

It-tagħlim tal-Mulej hu għall-eternità u għall-ulied kollha ta’ Alla. F’dan il-messaġġ se nagħti xi eżempji mill-Istati Uniti, iżda l-prinċipji li se ngħallem japplikaw għal kullimkien.

Ninsabu ngħixu fi żmien ta’ rabja u mibegħda fir-relazzjonijiet, u fil-polisis politiċi. Dan ħassejnieh dan is-sajf fejn minn protesti paċifiċi xi wħud spiċċaw jinbidlu fi mġieba mill-aktar distruttiva. Din nistgħu nħossuha f’ċerti kampanji kurrenti għall-uffiċċji pubbliċi. Sfortunatament, parti minn dan anke beda jidher f’ċerti dikjarazzjonijiet politiċi u f’referenzi xejn sbieħ waqt il-laqgħat tagħna tal-Knisja.

Fi gvern demokratiku dejjem se jkollna ċerti differenzi dwar xi kandidati u polisis proposti. Madankollu, bħala dixxipli ta’ Kristu jeħtieġ nirrinunzjaw ir-rabja u l-mibegħda li naraw meta jiġu diskussi jew denunzjati ċerti għażliet politiċi f’bosta sitwazzjonijiet.

Immaġni
Id-Diskors tal-Muntanja

Din hi waħda mit-tagħlim tas-Salvatur tagħna, probabbilment magħrufa sew iżda rari tiġi pprattikata:

“Smajtu x’intqal, Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.

“Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom” (Mattew 5:43–44).1

Għal ġenerazzjonijiet sħaħ il-Lhud ġew mgħallmin biex jobogħdu lill-għedewwa tagħhom, u f’dak iż-żmien huma kienu qed ibatu taħt id-dominju u l-krudeltajiet tal-okkupazzjoni Rumana. Madankollu, Ġesù għallimhom,“ħobbu l-għedewwa tagħkom” u “itolbu għal dawk li … jippersegwitawkom.”

Immaġni
Ġesù jgħallem fil-Kontinent Amerikan

X’tagħlim rivoluzzjonarju fejn jidħlu relazzjonijiet personali u politiċi! Iżda dan għadu dak li s-Salvatur jitlobna nagħmlu. Fil-Ktieb ta’ Mormon naqraw, “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, dak li għandu fih l-ispirtu tat-tilwim mhux ġej minni, iżda mix-xitan, li huwa missier it-tilwim, u huwa jqanqal qlub il-bnedmin sabiex jitlewmu bir-rabja ma’ xulxin” (3 Nephi 11:29).

Mhux faċli li tħobb lill-għedewwa u lill-avversarji tiegħek. “ Ħafna minna għadna ma lħaqniex dak il-livell ta’ … mħabba u maħfra,” osserva l-President Gordon B.Hinckley, fejn kompla qal, “Neħtieġu dixxiplina magħna nfusna kważi akbar milli kapaċi jkollna.”2 Iżda din hi ħaġa essenzjali, għax hi parti miż-żewġ kmandamenti l-kbar tas-Salvatur li “tħobb lil Alla tiegħek” u li “tħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mattew 22:37, 39). U żgur hi ħaġa possibbli, għax Hu għallem ukoll, “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom” (Mattew 7:7).3

Kif nistgħu nżommu dawn il-kmandamenti divini f’dinja fejn aħna suġġetti wkoll għal-liġijiet tal-bniedem? Fortunatament, għandna l-eżempju tas-Salvatur innifsu dwar kif nistgħu nibbilanċjaw il-liġijiet eterni tiegħu mal-prattiċitajiet tal-liġijiet li jagħmel il-bniedem. Meta l-avversarji ppruvaw jonsbuh b’mistoqsija dwar jekk il-Lhud kellhomx iħallsu t-taxxi lil Ruma, Hu wriehom l-immaġni ta’ Ċesari fuq il-muniti tagħhom u ddikjara, “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Luqa 20:25).4

Immaġni
Agħtu lil Ċesari

Għalhekk, aħna għandna nimxu wara l-liġijiet tal-bnedmin (nagħtu lil Ċesari) biex ngħixu fil-paċi taħt l-awtorità ċivili, u għandna nimxu wara l-liġijiet ta’ Alla lejn id-destinazzjoni eterna tagħna. Iżda kif nistgħu nagħmlu dan—fuq kollox, kif nistgħu nitgħallmu nħobbu lill-avversarji u lill-għedewwa tagħna?

It-tagħlim tas-Salvatur li ma “nitlewmux bir-rabja” hu l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba. Ix-xitan hu missier it-tilwim, u huwa hu li jqanqal il-bnedmin biex jitlewmu bir-rabja. Hu jippromwovi l-ostilità u ċerti relazzjonijiet kollha mibegħda fost individwi u gruppi. Il-President Thomas S. Monson għallem li r-rabja hija “l-għodda ta’ Satana,” għax “meta tkun irrabjat tkun qed taqa’ għall-influwenza ta’ Satana. Ħadd ma jista’ jirrabjana. Hija l-għażla tagħna.”5 Ir-rabja hi li twassal għall-firda u l-ostilità. Aħna nibdew nitgħallmu nħobbu l-avversarji tagħna meta nevitaw ir-rabja u l-ostilità lejn dawk li ma naqblux magħhom. Jgħin ukoll jekk aħna nkunu lesti wkoll li nitgħallmu minnhom.

Fost modi oħra kif nistgħu niżviluppaw il-qawwa li nħobbu lil ħaddieħor hemm il-metodu sempliċi deskritt f’xogħol mużikali li ħareġ żmien twil ilu. Meta nippruvaw nifhmu nies ta’ kultura differenti u nirrelataw magħhom, għandna nippruvaw insiru nafuhom. F’ħafna ċirkustanzi, is-suspett jew saħansitra l-ostilità tal-barranin tinbidel fi ħbiberija jew saħansitra imħabba meta permezz ta’ kuntatt personali naslu biex nifhmu u nirrispettaw lil xulxin.6

Ta’ għajnuna akbar biex nitgħallmu nħobbu lill-avversarji u lill-għedewwa tagħna hu li nfittxu li nifhmu l-qawwa tal-imħabba. Dawn huma tliet tagħlimiet profetiċi fost ħafna dwar dan.

Il-Profeta Joseph Smith għallem li “ilu jintqal għal żmien twil li l-imħabba twassal għal aktar imħabba. Ejjew inxerrdu l-imħabba—nuru t-tjubija tagħna mal-umanità kollha.”7

Il-President Howard W. Hunter għallem: “Id-dinja li fiha ngħixu tibbenifika bil-kbir jekk il-bnedmin kullimkien jeżerċitaw l-imħabba safja ta’ Kristu, li hija twajba, ħelwa, u umli. Hi mingħajr għira u kburija. … Ma tippretendi xejn lura. … M’għandhiex lok għall-preġudizzju, għall-mibegħda, jew għall-vjolenza. … Tħeġġeġ biex nies diversi jgħixu flimkien f’imħabba Kristjana irrispettivament it-twemmin reliġjuż, ir-razza, in-nazzjonalità, l-istat finanzjarju, l-edukazzjoni, jew il-kultura tagħhom.”8

U l-President Russell M. Nelson talabna biex “nespandu ċ-ċirku ta’ mħabba biex inħaddnu magħna lill-familja umana kollha.”9

Parti essenzjali li nħobbu l-għedewwa tagħna hi li nagħtu lil Ċesari billi nżommu l-liġijiet ta’ bosta pajjiżi. Minkejja li t-tagħlim ta’ Ġesù kien rivoluzzjonarju, Hu ma ħeġġiġx ir-rivoluzzjoni jew il-ksur tal-liġi. Hu għallem mod aqwa. Ir-rivelazzjoni moderna tgħallimna l-istess ħaġa:

“Araw li l-ebda bniedem ma jikser il-liġijiet tal-pajjiż, għax dak li jżomm il-liġijiet ta’ Alla m’għandux għalfejn jikser il-liġijiet tal-pajjiż.

“Għalhekk, obdu l-liġijiet stabbiliti” (Doctrine and Covenants 58:21–22).

U l-artiklu tal-fidi tagħna, miktub mill-Profeta Joseph Smith wara li l-Qaddisin tal-ewwel żminijiet kienu batew persekuzzjoni mill-aktar severa mill-uffiċjali ta’ Missouri, iddikjara, “Aħna nemmnu li għandna nkunu suġġett għas-slaten, għall-presidenti, għall-mexxejja, u l-maġistrati, billi nobdu, nonoraw, u nsostnu l-liġi” (Artiklu tal-fidi 1:12).

Dan ma jfissirx li aħna naqblu ma’ dak kollu li jsir mill-forzi tal-liġi. Ifisser li aħna nobdu l-liġi kurrenti u nużaw mezzi paċifiċi biex nibdluha. Ifisser ukoll li b’mod paċifiku naċċettaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet. Aħna mhux se nipparteċipaw fil-vjolenza mhedda minn dawk li huma diżappuntati bir-riżultat.10 F’soċjetà demokratika dejjem se jkollna l-opportunità u d-dmir li nippersistu b’mod paċifiku sal-elezzjoni li jmiss.

It-tagħlim tas-Salvatur li nħobbu l-għedewwa tagħna hu bbażat fuq ir-realtà li l-bnedmin mortali kollha huma wlied maħbuba ta’ Alla. Dak il-prinċipju etern u prinċipji bażiċi oħra tal-liġi ġew ippruvati fil-protesti riċenti f’bosta bliet Amerikani.

Immaġni
Protesta paċifika

F’eżempju wieħed estrem, xi wħud jidher li nsew li l-Ewwel Emenda tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti tiggarantixxi “id-dritt tan-nies li b’mod paċifiku jinġabru flimkien u jagħmlu petizzjoni lill-Gvern biex jara li ssir ġustizzja.” Dan hu l-mod awtorizzat kif tqajjem il-kuxjenza pubblika u kif tiffoka fuq l-inġustizzji fil-kontenut jew fl-amministrazzjoni tal-liġijiet. U fil-fatt kien hemm inġustizzji. Kemm fl-għemejjel pubbliċi kif ukoll fl-attitudni personali tagħna, twettqu atti ta’ razziżmu u kwistjonijiet relatati. F’artiklu personali mill-aktar persważiv, ir-Reverendu Theresa A. Dear tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali għall-Avvanz tan-Nies ta’ Kulur (NAACP) fakkritna li “ir-razziżmu jiffjorixxi permezz tal-mibegħda, l-oppressjoni, il-kollużjoni, il-passività, l-indifferenza u s-silenzju.”11 Bħala ċittadini u membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, jeħtieġ nagħmlu iżjed biex ngħinu ħalli neliminaw ir-razziżmu.

Immaġni
Rewwixta illegali

Imbagħad, l-estremità l-oħra: minoranza ta’ parteċipanti u nies li jissapportjaw dawn il-protesti u l-atti illegali li seħħew wara jidhru li nsew li l-protesti li huma protetti mill-Kostituzzjoni huma l-protesti paċifiċi . Dawk li jipprotestaw m’għandhomx dritt jeqirdu, ikissru, jew jisirqu l-propjetà jew jattakkaw il-qawwiet leġittimi tal-pulizija tal-gvern. Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ma jistiednu l-ebda stedina għar-rivoluzzjoni jew l-anarkija. Ilkoll kemm aħna—pulizija, spettaturi, nies li jipprotestaw, u li jissapportjaw— għandna nifhmu l-limiti tad-drittijiet tagħna u l-importanza tad-dmirijiet tagħna skont kif tippermetti l-liġi eżistenti. Abraham Lincoln kien korrett meta qal: “M’hemm l-ebda kwistjoni li tista’ tiġi risolta billi grupp ta’ nies jiksru l-liġi.”12 Li grupp ta’ nies jippruvaw jieħdu l-liġi f’idejhom hija mezz illegali. Dik tissejjaħ anarkija, kundizzjoni li m’għandha l-ebda governanza effettiva u l-ebda pulizija formali, li ddgħajjef lid-drittijiet individwali, minflok ma tipproteġihom.

Raġuni ewlenija għaliex il-protesti riċenti fl-Istati Uniti kienu daqstant xokkanti għal ħafna kienet li l-ostilità u l-atti illegali li jinħassu fost gruppi etniċi differenti f’pajjiżi oħra m’għandhomx jinħassu fl-Istati Uniti. Dan il-pajjiż għandu jkun aħjar milli hu biex jelimina r-razziżmu, mhux biss kontra l-Amerikani Suwed, li l-aktar li dehru fil-protesti riċenti, iżda wkoll kontra l-Latinos, l-Asjatiċi, u gruppi oħra. L-istorja tar-razziżmu ta’ dan il-pajjiż mhijiex waħda sabiħa u jeħtieġ nagħmlu aktar milli qed nagħmlu.

Immaġni
Il-Gżira Ellis
Immaġni
Immigranti

L-Istati Uniti twaqqfet mill-immigranti minn pajjiżi differenti u ta’ etniċitajiet differenti. L-għan unifikanti tagħha ma kienx biex tistabbilixxi xi reliġjon partikolari jew biex tipperpetwa xi waħda mill-bosta kulturi jew lealtajiet tribali tal-pajjiżi antiki. L-ewwel ġenerazzjoni tagħna fittxet l-għaqda permezz ta’ kostituzzjoni ġdida u liġijiet ġodda. Dan ma jfissirx li d-dokumenti unifikanti tagħna jew l-għarfien li kellhom dak iż-żmien tat-tifsira tagħhom kienu perfetti. L-istorja tal-ewwel żewġ sekli tal-Istati Uniti wriet il-bżonn għal ħafna raffinar, bħad-drittijiet tal-vot lin-nisa u, partikolarment, l-abolizzjoni tal-iskjavitù, inkluż liġijiet biex jassiguraw li dawk li kienu lsiera jkollhom il-kundizzjonijiet tal-ħelsien.

Żewġ studjużi mill-Università ta’ Yale m’ilux fakkruna:

“Bl-imperfezzjoni kollha tagħha, l-Istati Uniti hi ppreparata b’mod uniku biex tgħaqqad flimkien soċjetà diversa u maqsuma. …

“… Iċ-ċittadini tagħha m’għandhomx għalfejn jagħżlu bejn l-identità nazzjonali u l-multikulturaliżmu. L-Amerikani jistgħu jkunu t-tnejn li huma. Iżda s-sigriet hu l-patrijottiżmu kostituzzjonali. Jeħtieġ nibqgħu magħqudin permezz tal-Kostituzzjoni minkejja n-nuqqas ta’ qbil ideoloġiku.”13

Bosta snin ilu, segretarju Brittaniku tal-affarijiet barranin ta dan il-parir importanti waqt dibattitu fil-House of Commons: “Aħna m’għandniex alleati eterni u m’għandniex għedewwa perpetwi. L- interessi tagħna huma eterni u perpetwi, u hu d-dmir tagħna li nimxu warajhom.”14

Dik hi raġuni sekulari tajba biex nimxu wara l-interessi “eterni u perpetwi” fi ħwejjeġ politiċi. Barra minn hekk, id-duttrina tal-Knisja tal-Mulej tgħallimna interess etern ieħor biex jiggwidana: it-tagħlim tas-Salvatur tagħna li kien dak li ispira l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti u l-liġijiet bażiċi ta’ ħafna mill-pajjiżi tagħna. Il-lealtà lejn il-liġi stabbilita—minflok “alleati” temporanji—hi l-aqwa mod biex inħobbu l-avversarji u l-għedewwa tagħna hekk kif infittxu l-għaqda fid-diversità.

L-għarfien li aħna wlied Alla jagħtina viżjoni divina dwar il-valur ta’ kull persuna oħra u r-rieda u l-abbiltà li nelevaw ruħna ’l fuq mill-preġudizzji u r-razziżmu. Hekk kif għal ħafna snin jiena għixt f’postijiet differenti f’dan il-pajjiż, il-Mulej għallimni li hu possibbli li nobdu u nfittxu li ntejbu l-liġijiet ta’ pajjiżna kif ukoll li nħobbu l-avversarji u l-għedewwa tagħna. Filwaqt li mhux faċli, hi ħaġa possibbli bl-għajnuna tal-Mulej Ġesù Kristu. Hu tana dan il-kmand biex inħobbu, u Hu jwiegħed l-għajnuna tiegħu hekk kif infittxu li nobdu. Jien nixhed li aħna mmexxija b’imħabba minn Missierna fis-Smewwiet u minn Ibnu, Ġesù Kristu. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara wkoll Luqa 6:27–28, 30.

  2. Gordon B. Hinckley, “The Healing Power of Christ,” Ensign, Nov. 1988, 59; ara wkoll Teachings of Gordon B. Hinckley (1997), 230.

  3. Ara wkoll Doctrine and Covenants 6:5.

  4. Ara wkoll Mattew 22:21; Mark 12:17.

  5. Thomas S. Monson, “School Thy Feelings, O My Brother,” Liahona, Nov. 2009, 68.

  6. Ara Becky and Bennett Borden, “Moving Closer: Loving as the Savior Did,” Ensign, Sett. 2020, 24–27.

  7. Joseph Smith, f’ History of the Church, 5:517. Bl-istess mod, Martin Luther King Jr. (1929-68) qal: “Li npattu għall-vjolenza bil-vjolenza timmultipplika l-vjolenza, iżżid aktar dalma lil lejl li diġà nieqes mill-kwiekeb. Id-dalma ma tistax tkeċċi d-dalma: id-dawl biss jista’ jagħmel dan. Il-mibegħda ma tistax tkeċċi l-mibegħda; l-imħabba biss tista’ tagħmel dan” (Where Do We Go from Here: Chaos or Community? [2010], 64–65).

  8. Teachings of Presidents of the Church: Howard W. Hunter (2015), 263.

  9. Russell M. Nelson, “Blessed Are the Peacemakers,” Liahona, Nov. 2002, 41; ara wkoll Teachings of Russell M. Nelson (2018), 83.

  10. Ara “A House Divided,” Economist, 5 ta’ Sett., 2020, 17–20.

  11. Theresa A. Dear, “America’s Tipping Point: 7 Ways to Dismantle Racism,” Deseret News, 7 ta’ Ġunju, 2020, A1.

  12. Abraham Lincoln, diskors mogħti fil-Liċeo tal-Ġuvintur, Springfield, Illinois, 27 ta’ Jan., 1838, f’John Bartlett, Bartlett’s Familiar Quotations, 18th ed. (2012), 444.

  13. Amy Chua u Jed Rubenfeld, “The Threat of Tribalism,” Atlantic, Ott. 2018, 81, theatlantic.com.

  14. Henry John Temple, Viscount Palmerston, rimarki fil-House of Commons, 1 ta’ Mar., 1848; f’Bartlett, Bartlett’s Familiar Quotations, 392; enfażi miżjuda.