Skrittura
Alma 1


Il‑Ktieb ta’ Alma
Bin Alma

Rakkont ta’ Alma, li kien bin Alma, l‑ewwel prim imħallef tal‑poplu ta’ Nefi, kif ukoll il‑qassis il‑kbir tal‑Knisja. Rakkont tas‑saltna tal‑imħallfin, u l‑gwerer u t‑tilwim fost il‑poplu. Kif ukoll rakkont ta’ gwerra bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti, skont il‑kitba ta’ Alma, l‑ewwel prim imħallef.

Kapitlu 1

Neħor jgħallem duttrina falza, iwaqqaf knisja, jintroduċi l‑frodi saċerdotali, u joqtol lil Gidgħon—Neħor jingħata l‑mewt minħabba r‑reati tiegħu—Il‑frodi saċerdotali u l‑persekuzzjoni jikbru fost il‑poplu—Il‑qassisin imantnu lilhom infushom, in‑nies jieħdu ħsieb il‑foqra, u l‑Knisja tissaħħaħ. Madwar 91–88 Q.K.

1 Issa ġara li fl‑ewwel sena tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, minn issa ’l quddiem, is‑sultan Mosija qabad it‑triq tal‑bnedmin kollha tal‑art, hu li tqabad taqbida tajba, li mexa fis‑sewwa quddiem Alla, li ma ħalla lil ħadd isaltan minfloku; madankollu huwa waqqaf ċerta liġijiet, u dawn ġew aċċettati min‑nies; għalhekk huma kienu obbligati li jobdu l‑liġijiet li huwa għamel.

2 U ġara li fl‑ewwel sena tas‑saltna ta’ Alma fis‑siġġu tat‑tribunal, inġieb quddiemu raġel biex huwa jagħmel ħaqq minnu, raġel ta’ statura kbira, li kien magħruf għas‑saħħa kbira li kellu.

3 U hu kien mar idur fost il‑poplu, ixandrilhom dik li kien jiddeskriviha bħala l‑kelma ta’ Alla, li kienet tmur kontra l‑knisja; jiddikjara lin‑nies li kien hemm bżonn li kull qassis u għalliem ikun popolari; u li huma ma kellhomx jaħdmu b’idejhom, iżda kellu jagħmel tajjeb għalihom il‑poplu.

4 U huwa xehed ukoll mal‑poplu li l‑umanità kollha kienet se ssalva fl‑aħħar jum, u li ma kellhomx għalfejn jibżgħu jew jirtogħdu, iżda huma setgħu jerfgħu rashom u jithennew; għax il‑Mulej ħoloq lill‑bnedmin kollha, u hu feda wkoll lill‑bnedmin kollha; u, maż‑żmien, il‑bnedmin kollha sejrin jiksbu l‑ħajja eterna.

5 U ġara li huwa għallem dawn il‑ħwejjeġ tant li bosta kienu li emmnu fi kliemu, u huma tant kienu li bdew jagħmlu tajjeb għalih u jagħtuh il‑flus.

6 U hu beda jsir arroganti fil‑kburija ta’ qalbu, u beda jilbes ilbies jiswa’ ħafna flus, iva, u saħansitra beda jwaqqaf knisja skont dak li kien jippriedka.

7 U ġara li waqt li kien sejjer biex jippriedka lil dawk li emmnu fi kliemu, huwa ltaqa’ ma’ raġel li kien fil‑knisja ta’ Alla, iva, sewwasew wieħed mill‑għalliema tagħhom; u hu beda jeħodha miegħu b’qawwa, biex forsi jkun jista’ jirbaħ lin‑nies tal‑knisja; iżda r‑raġel waqaflu, u widdbu permezz tal‑kelma ta’ Alla.

8 Issa dan ir‑raġel kien jismu Gidgħon; u kien hu li kien strument f’idejn Alla biex inħelsu n‑nies ta’ Limħi mill‑jasar.

9 Issa, peress li Gidgħon waqaflu permezz tal‑kelma ta’ Alla huwa nkorla bil‑kbir għal Gidgħon, u silet ix‑xabla u beda jagħtih. Issa Gidgħon kien imdaħħal sew fiż‑żmien, għalhekk ma kienx kapaċi jirreżisti d‑daqqiet tiegħu, għalhekk hu ġie maqtul permezz tax‑xabla.

10 U r‑raġel li qatlu ttieħed min‑nies tal‑knisja, u ħaduh quddiem Alma, biex jagħmel ħaqq minnu skont ir‑reati li huwa wettaq.

11 U ġara li hu waqaf quddiem Alma u talbu b’tant qawwa biex iħenn għalih.

12 Iżda Alma qallu: Ara, din hi l‑ewwel darba li l‑frodi saċerdotali ġiet introdotta fost dan il‑poplu. U ara, inti mhux biss ħati ta’ frodi saċerdotali, iżda ppruvajt timplimentaha permezz tax‑xabla; u kieku l‑frodi saċerdotali tiġi implimentata fost dan il‑poplu hi twassal għall‑qerda sħiħa tagħhom.

13 U inti xerridt id‑demm ta’ bniedem ġust, iva, bniedem li wettaq tant ġid fost dan il‑poplu; u li kieku jien kelli neħilsek kieku demmu jiġi fuqna biex jitlob vendetta.

14 Għalhekk inti kkundannat għall‑mewt, skont il‑liġi li ġiet mogħtija lilna minn Mosija, l‑aħħar sultan tagħna; u li ġiet aċċettata minn dan il‑poplu; għalhekk dan il‑poplu jeħtieġ li jobdi l‑liġi.

15 U ġara li huma ħaduh; u ismu kien Neħor; u ġarrewh lejn il‑quċċata tal‑għolja Manti, u hemmhekk huwa ġie mitlub jgħid, jew aħjar jistqarr, bejn is‑sema u l‑art, li dak li kien għallem lin‑nies kien imur kontra l‑kelma ta’ Alla; u hemmhekk huwa sofra mewta umiljanti.

16 Madankollu, dan ma ġabx fi tmiemu t‑tixrid tal‑frodi saċerdotali madwar il‑pajjiż; għax kien hemm ħafna li kienu jħobbu l‑frugħa tad‑dinja, u huma marru jxandru duttrina falza; u huma għamlu dan għall‑imħabba li kellhom lejn ir‑rikkezzi u l‑unuri.

17 Madankollu, huma ma ażżardawx jigdbu, jekk dan kien magħruf, minħabba l‑biża’ tal‑liġi, għax il‑giddibin kienu jiġu kkastigati; għalhekk huma ppretendew li kienu qed jippridkaw skont twemminhom; u issa l‑liġi ma seta’ jkollha l‑ebda setgħa fuq xi ħadd minħabba twemminu.

18 U huma ma ażżardawx jisirqu, għax kienu jibżgħu mil‑liġi, għax min jisraq kien jiġi kkastigat; lanqas ma ażżardaw jieħdu dak li mhux tagħhom, jew joqtlu, għax min joqtol kien jingħata l‑mewt.

19 Iżda ġara li kull min ma kienx jagħmel parti mill‑knisja ta’ Alla beda jippersegwita lil dawk li kienu jagħmlu parti mill‑knisja ta’ Alla, u ħadu fuqhom isem Kristu.

20 Iva, huma ppersegwitawhom, u għaddewhom minn tant imrar bil‑ħafna diskors tagħhom, u dan minħabba l‑umiltà tagħhom; għaliex f’għajnejhom ma kinux imkabbrin, u għaliex huma qasmu l‑kelma ta’ Alla, bejniethom, mingħajr flus u mingħajr ħlas.

21 Issa kien hemm liġi stretta fost il‑poplu tal‑knisja, li l‑ebda bniedem, li kien jagħmel parti mill‑knisja, ma kellu jqum u jippersegwita lil dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja, u ma kellu jkun hemm l‑ebda persekuzzjoni bejniethom.

22 Madankollu, kien hemm bosta fosthom li bdew jitkabbru, u b’saħna bdew jitlewmu mal‑avversarji tagħhom, u saħansitra ġew fl‑idejn; iva, huma spiċċaw jagħtu bil‑ponn bejniethom.

23 Issa dan seħħ fit‑tieni sena tas‑saltna ta’ Alma, u kien il‑kawża għax il‑knisja kellha tgħaddi minn daqstant taħbit; iva, kien il‑kawża għax il‑knisja kellha tgħaddi minn daqstant sfidi.

24 Għax kienu ħafna li qalbhom twebbset, u isimhom ġie mħassar, fejn ħadd ma baqa’ jiftakarhom aktar fost il‑poplu ta’ Alla. U ħafna wkoll spiċċaw biex tbiegħdu minnhom.

25 Issa din kienet sfida mill‑aktar kbira għal dawk li baqgħu sħaħ fil‑fidi; madankollu, huma kienu sodi u immobbli fil‑ħarsien tal‑kmandamenti ta’ Alla, u bis‑sabar kollu qagħdu għall‑persekuzzjoni li waqgħet fuqhom.

26 U meta l‑qassisin telqu xogħolhom biex jaqsmu l‑kelma ta’ Alla man‑nies, in‑nies ukoll telqu xogħolhom biex jisimgħu l‑kelma ta’ Alla. U meta l‑qassis qasam magħhom il‑kelma ta’ Alla huma reġgħu lura lkoll fuq xogħolhom b’ħerqa; u l‑qassis, ma kienx iqis lilu nnifsu aħjar mis‑semmiegħa tiegħu, għax ix‑xandâr ma kienx aħjar mis‑semmiegħ, lanqas l‑għalliem ma kien aħjar minn min qed jitgħallem; u b’hekk kienu lkoll ugwali, u lkoll ħadmu, kull bniedem skont is‑saħħa li kellu.

27 U huma qasmu ġidhom mal‑foqra, ma’ dawk fil‑bżonn, u mal‑morda, u l‑magħkusa, kull bniedem skont dak li kellu; u ma kinux jilbsu lbies jiswa’ l‑flus, madankollu kienu jilbsu pulit u sabiħ.

28 U b’dal‑mod huma organizzaw l‑affarijiet tal‑knisja; u b’hekk beda jkollhom paċi kontinwa għal darb’oħra, minkejja l‑persekuzzjoni tagħhom kollha.

29 U issa, minħabba l‑istabbiltà tal‑knisja huma bdew isiru mill‑aktar għonja, fejn beda jkollhom abbundanza ta’ dak kollu li huma kellhom bżonn—abbundanza ta’ merħliet u baqar, u bhejjem imsemmna ta’ kull għamla, kif ukoll abbundanza ta’ qamħ, u ta’ deheb, u ta’ fidda, u ta’ ħwejjeġ prezzjużi, u abbundanza ta’ ħarir u għażel fin, u kull xorta ta’ drapp durabbli u sempliċi.

30 U b’hekk, fiċ‑ċirkustanzi ta’ ġid tagħhom, ma bagħtu ’l hemm lil ħadd li kien għeri, jew bil‑ġuħ, jew bil‑għatx jew marid jew li kien nieqes minn dak li hu neċessarju; u huma ma rabtux qalbhom mal‑ġid materjali; għalhekk taw lil kulħadd b’id miftuħa, miż‑żgħir sal‑kbir, kemm lill‑ilsir kif ukoll lill‑ħieles, kemm lill‑irġiel kif ukoll lin‑nisa, kemm jekk kienu barra l‑knisja jew fil‑knisja, u ma ħarsu lejn wiċċ ħadd fost dawk li kienu fil‑bżonn.

31 U b’hekk huma kibru fil‑ġid u saru ferm aktar għonja minn dawk li ma kinux parti mill‑knisja tagħhom.

32 Għax dawk li ma kinux jagħmlu parti mill‑knisja tagħhom bdew jagħtuha għas‑seħer, u għall‑idolatrija jew l‑indolenza, u għall‑kliem fieragħ, u għall‑għira u l‑ġlied; jilbsu lbies jiswa’ l‑flus; bdew ikunu arroganti fil‑kburija ta’ għajnejhom; jippersegwitaw, jigdbu, jisirqu, jieħdu dak li mhux tagħhom, jaqgħu fiż‑żína, u joqtlu, u jwettqu kull xorta ta’ ħażen; madankollu, il‑liġi bdiet tiġi nfurzata, kemm jista’ jkun possibbli, fuq dawk kollha li kisruha.

33 U ġara li bil‑mod kif bdiet tiġi eżerċitata l‑liġi fuqhom, fejn kull bniedem beda jħallas għal dak li huwa wettaq, huma saru aktar trankwilli, u ma azzardawx iwettqu xi tip ta’ ħażen, jekk dan kien magħruf; għalhekk, kien hemm paċi kbira fost il‑poplu ta’ Nefi sal‑ħames sena tas‑saltna tal‑imħallfin.