Skrittura
Alma 63


Kapitlu 63

Xiblon u warajh Ħelaman jieħdu għandhom l‑annali sagri—Bosta Nefiti jerħulha lejn l‑art tat‑tramuntana—Ħagot jibni iġfna li jsalpaw fil‑baħar tal‑punent—Moronija jegħleb lil‑Lamaniti waqt battalja. Madwar 56–52 Q.K.

1 U ġara li fil‑bidu tas‑sena sitta u tletin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi, Xiblon ħa għandu dawk il‑ħwejjeġ sagri li Alma kien għadda lil Ħelaman.

2 U huwa kien bniedem ġust, u mexa fis‑sewwa quddiem Alla u hu ra li jagħmel dejjem dak li huwa xieraq, li jħares il‑kmandamenti tal‑Mulej Alla tiegħu; u l‑istess għamel ħuh.

3 U ġara li Moroni miet ukoll. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sitta u tletin tas‑saltna tal‑imħallfin.

4 U ġara li fis‑sena sebgħa u tletin tas‑saltna tal‑imħallfin, kien hemm grupp kbir ta’ rġiel, sewwasew kienu jgħoddu mal‑ħamest elef u erba’ mitt raġel, flimkien man‑nisa tagħhom u wliedhom, li telqu ’l barra mill‑art ta’ Żaraħemla lejn l‑art li kienet tinsab fit‑tramuntana.

5 U ġara li Ħagot, għax kien raġel li jħobb jiskopri, għalhekk huwa mar u bena ġifen mill‑aktar kbir, fil‑fruntieri tal‑art ta’ Kotra, qrib l‑art ta’ Ħerba, u telqu biex isalpa lejn il‑baħar tal‑punent, minn ħdejn l‑istmu dejjaq li jwasslek lejn l‑art tat‑tramuntana.

6 U araw, kien hemm ħafna minn fost in‑Nefiti li daħlu fih u salpaw b’għadd kbir ta’ provvisti, u kien hemm ukoll bosta nisa u tfal; u huma ġibdu lejn l‑art tat‑tramuntana. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena sebgħa u tletin.

7 U fis‑sena tmienja u tletin, dan ir‑raġel bena iġfna oħra. U l‑ewwel ġifen reġa’ lura għal darb’oħra, u ħafna aktar nies daħlu fih; u huma wkoll ħadu magħhom għadd kbir ta’ provvisti, u bdew bil‑vjaġġ tagħhom lejn l‑art tat‑tramuntana.

8 U ġara li ħadd ma sema’ bihom aktar. U aħna naħsbu li huma spiċċaw mgħerqa f’qiegħ il‑baħar. U ġara li kien hemm ġifen ieħor li salpa; u ’l fejn mar ma nafux.

9 U ġara li f’din is‑sena kien hemm bosta nies li rħewlha lejn l‑art tat‑tramuntana. U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena tmienja u tletin.

10 U ġara li fis‑sena disgħa u tletin tas‑saltna tal‑imħallfin, Xiblon miet ukoll, u Kurjantun irħielha lejn l‑art tat‑tramuntana ġo ġifen, biex iwassal il‑provvisti lin‑nies li kienu marru f’dik l‑art.

11 Għalhekk kien jaqbel li Xiblon, qabel imut, jagħti dawk il‑ħwejjeġ sagri lil bin Ħelaman, li kien jismu Ħelaman, li kien imsemmi għal missieru.

12 Issa araw, dawk l‑inċiżjonijiet kollha li kienu f’idejn Ħelaman ġew ikkupjati u mibgħuta fost ulied il‑bnedmin madwar il‑pajjiż kollu, ħlief għal dawk l‑inħawi li Alma ordna li ma jintbagħtux.

13 Madankollu, dawn il‑ħwejjeġ kellhom jinżammu b’mod sagru, u kellhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għall‑oħra; għalhekk, din is‑sena, huma għaddew għand Ħelaman, qabel il‑mewt ta’ Xiblon.

14 U ġara wkoll li matul din is‑sena kien hemm xi dissidenti li marru għand il‑Lamaniti; u huma ġew imxewxa għal darb’oħra biex jimtlew bil‑korla kontra n‑Nefiti.

15 U wkoll f’din l‑istess sena huma niżlu b’armata mill‑aktar numeruża biex jaħbtu għan‑nies ta’ Moronija, jew aħjar għall‑armata ta’ Moronija, f’battalja li fiha ġew megħluba u mreġġa’ lura għal darb’oħra lejn artijiethom, u ħafna minnhom spiċċaw biex tilfu ħajjithom.

16 U b’hekk ġiet fi tmiemha s‑sena disgħa u tletin tas‑saltna tal‑imħallfin fuq il‑poplu ta’ Nefi.

17 U b’hekk ġie fi tmiemu r‑rakkont ta’ Alma, u ta’ ibnu Ħelaman, kif ukoll ta’ Xiblon, li kien ibnu.