Skrittura
Alma 11


Kapitlu 11

Deskrizzjoni tas‑sistema monetarja tan‑Nefiti—Amuleki jargumenta ma’ Żeżrom—Kristu mhux se jsalva lin‑nies fi dnubiethom—Huma biss dawk li jirtu s‑saltna tas‑smewwiet li se jsalvaw—Il‑bnedmin kollha se jqumu għall‑immortalità—M’hemmx mewt wara l‑Qawmien. Madwar 82 Q.K.

1 Issa kien hemm fil‑liġi ta’ Mosija li kull raġel li kien imħallef tal‑liġi, jew dawk li ġew maħtura biex ikunu mħallfin, kellhom jirċievu ħlas skont il‑ħin li huma jgħaddu jagħmlu ħaqq minn dawk li jinġiebu quddiemhom biex isir ħaqq minnhom.

2 Issa jekk xi ħadd kellu jagħti lil ħaddieħor, u hu ma jroddx lura dak li kellu jagħti, hu kien jittieħed quddiem l‑imħallef; u l‑imħallef jeżerċita l‑awtorità tiegħu, u kien jibgħat uffiċjali biex dak il‑bniedem ikun jista’ jittieħed quddiemu; u hu kien jagħmel ħaqq minnu skont il‑liġi u l‑evidenzi li kienu jinġabu kontrih, u b’hekk hu kien jiġi mġiegħel irodd lura dak li kellu jagħti, jew jitteħidlu dak li kellu, jew jiġi mkeċċi minn qalb il‑poplu bħala bniedem ħalliel u brigant.

3 U l‑ħlas li l‑imħallef kien jingħata kien ikun skont il‑ħin tiegħu—senina tad‑deheb għal ġurnata, jew senum tal‑fidda, li tiswa daqs senina tad‑deheb; u dan skont il‑liġi li ngħatat.

4 Issa dawn huma l‑ismijiet tal‑biċċiet differenti tad‑deheb tagħhom, u tal‑fidda tagħhom, skont il‑valur tagħhom. U l‑ismijiet ġew mogħtija min‑Nefiti, għax ma kinux jikkalkulaw kif kienu jikkalkulaw il‑Lhud li kienu f’Ġerusalemm; lanqas il‑kejl tagħhom ma kien bħall‑kejl tal‑Lhud; iżda huma bidlu l‑kalkolu tagħhom u l‑kejl tagħhom, skont l‑opinjoni u ċ‑ċirkustanzi tal‑poplu, f’kull ġenerazzjoni, sas‑saltna tal‑imħallfin, wara li dawn ġew stabbiliti mis‑sultan Mosija.

5 Issa l‑kalkolu tagħhom kien hekk—senina tad‑deheb, seon tad‑deheb, xum tad‑deheb, u limna tad‑deheb.

6 Senum tal‑fidda, amnor tal‑fidda, eżrom tal‑fidda, u onti tal‑fidda.

7 Senum tal‑fidda kienet tiswa daqs senina tad‑deheb, u t‑tnejn li huma daqs sea xgħir, kif ukoll daqs sea qamħ ta’ kull għamla.

8 Issa l‑kwantità ta’ seon tad‑deheb kienet id‑doppju tal‑valur ta’ senina.

9 U xum tad‑deheb kienet tiswa d‑doppju ta’ seon.

10 U limna tad‑deheb kienet tiswa daqshom kollha.

11 U amnor tal‑fidda kienet tiswa daqs żewġ senumi.

12 U eżrom tal‑fidda kienet tiswa daqs erba’ senumi.

13 U onti kienet tiswa daqshom kollha.

14 Issa dan hu l‑valur tal‑kejl iżgħar tagħhom—

15 Xiblon hija nofs senum; għalhekk, xiblon għal nofs sea xgħir.

16 U xiblum hija nofs xiblon.

17 U lija hija nofs xiblum.

18 Issa dan hu l‑għadd tagħhom, skont il‑kalkolu tagħhom.

19 Issa antjon tad‑deheb tiswa daqs tliet xibloni.

20 Issa, l‑uniku skop għal dan kollu kien biex jakkwistaw, għaliex huma kienu jingħataw il‑ħlas tagħhom skont xogħolhom, għalhekk, lin‑nies wassluhom biex jirvellaw, u jagħmlu kull tip ta’ storbju u ħażen, biex ikun jista’ jkollhom aktar xogħol, ħalli jkunu jistgħu jakkwistaw aktar flus skont il‑kawżi li kienu jinġiebu quddiemhom; għalhekk huma pprovokaw lin‑nies kontra Alma u Amuleki.

21 U dan Żeżrom beda jinterroga lil Amuleki u jgħidlu: Lest twieġeb għal xi ftit mistoqsijiet li se nagħmillek? Issa Żeżrom kien raġel espert fl‑istrateġiji tax‑xitan, ħalli jkun jista’ jeqred dak li hu tajjeb; għalhekk, huwa qal lil Amuleki: Lest twieġeb il‑mistoqsijiet li se npoġġilek?

22 U Amuleki qallu: Iva, jekk dan iseħħ skont l‑Ispirtu tal‑Mulej, li jinsab fija; għax jien m’jien se ngħid xejn li jmur kontra l‑Ispirtu tal‑Mulej. U Żeżrom qallu: Ara, dawn huma sitt ontijiet tal‑fidda, u dawn kollha jien lest nagħtik jekk inti tiċħad l‑eżistenza ta’ xi Esseru Suprem.

23 Issa Amuleki qal: Ja iben l‑infern, għalfejn qed tipprova ġġarrabni? Ma tafx inti li min hu twajjeb ma jaqax għal dan it‑tip ta’ tiġrib?

24 Temmen inti li m’hemm l‑ebda Alla? Jien ngħidlek, Le, inti taf li hemm Alla, iżda int tħobb il‑profitt aktar minnu.

25 U issa inti gdibt miegħi quddiem Alla. Int lili għidtli—Qed tara dawn is‑sitt ontijiet, li jiswew ħafna, jien lest nagħtihomlok—meta f’qalbek int taf li ma kontx se tagħtihomli; u l‑unika xewqa tiegħek kienet li jiena niċħad lil Alla veru u ħaj, ħalli inti jkollok raġuni biex teqridni. U issa ara, inti għad tħallas għal dan il‑ħażen daqstant kbir.

26 U Żeżrom qallu: Allura inti trid tgħid li hemm Alla veru u ħaj?

27 U Amuleki qal: Iva, hemm Alla veru u ħaj.

28 Issa Żeżrom qal: Hemm aktar minn Alla wieħed?

29 U hu wieġbu, Le.

30 Issa Żeżrom reġa’ qallu: Allura inti kif taf dawn il‑ħwejjeġ?

31 U hu qallu: Anġlu kien li għarrafni bihom.

32 U Żeżrom reġa’ qal: Min hu dak li għandu jiġi? L‑Iben ta’ Alla?

33 U huwa qallu, Iva.

34 U Żeżrom reġa’ qal: Allura hu sejjer isalva lill‑poplu tiegħu fi dnubietu? U Amuleki wieġbu u qallu: Jiena ngħidlek li le, għaliex impossibbli li huwa jmur kontra kelmtu.

35 Issa Żeżrom qal lin‑nies: Araw li intom tiftakru dawn il‑ħwejjeġ; għax hu qal li hemm biss Alla wieħed; madankollu hu qed jgħid li Bin Alla għandu jiġi, iżda mhuwiex se jsalva lill‑poplu tiegħu—bħallikieku hu għandu xi awtorità li jikkmanda lil Alla.

36 Issa Amuleki reġa’ qallu: Ara int qed tgħid gidba, għax inti qed tgħid li jien tkellimt bħallikieku għandi xi awtorità li nikkmanda lil Alla għax għidt li hu mhuwiex se jsalva lill‑poplu tiegħu fi dnubietu.

37 U jien ngħidilkom għal darb’oħra li hu ma jistax jifdihom fi dnubiethom; għax jien ma nistax niċħad kelmtu, u hu qal li l‑ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tiret is‑saltna tas‑smewwiet; għalhekk, intom kif tistgħu ssalvaw, jekk ma tirtux is‑saltna tas‑smewwiet? Għalhekk, intom ma tistgħux tiġu salvati fi dnubietkom.

38 Issa Żeżrom reġa’ qallu: Allura l‑Iben ta’ Alla huwa l‑veru Missier Etern?

39 U Amuleki qallu: Iva, huwa l‑veru Missier Etern tas‑sema u tal‑art, u ta’ dak kollu li hemm fihom; huwa l‑bidu u t‑tmiem, l‑ewwel u l‑aħħar;

40 U hu sejjer jiġi fid‑dinja biex jifdi lill‑poplu tiegħu; u huwa se jieħu fuqu t‑trasgressjonijiet ta’ dawk li jemmnu f’ismu; u dawn huma dawk li se jkollhom il‑ħajja ta’ dejjem, u s‑salvazzjoni ma jiksibha ħadd ħliefhom.

41 Għalhekk il‑ħżiena jibqgħu daqslikieku ma kien hemm l‑ebda fidwa, ħlief għall‑ħelsien mill‑irbit tal‑mewt; għax ara, għad jasal il‑jum meta kulħadd se jqum mill‑mewt u jieqaf quddiem Alla, biex isir ħaqq minnu skont għemilu.

42 Issa, hemm mewt li tissejjaħ mewt temporali; u l‑mewt ta’ Kristu sejra tħoll l‑irbit ta’ din il‑mewt temporali, biex kulħadd ikun jista’ jqum minn din il‑mewt temporali.

43 L‑ispirtu u l‑ġisem sejrin jingħaqdu flimkien mill‑ġdid fil‑forma perfetta tagħhom; kemm ir‑riġel u kemm il‑ġog se jerġa’ lura għall‑istruttura proprja tiegħu, sewwasew kif aħna ninsabu bħalissa; u aħna se nittieħdu sabiex nieqfu quddiem Alla, bl‑istess għarfien li għandna bħalissa, fejn se niftakru ħtijietna kollha b’ċarezza.

44 Issa din ir‑restawrazzjoni se jgawdi minnha kulħadd, kemm ix‑xiħ u kemm iż‑żgħir, kemm l‑ilsir u kemm il‑ħieles, kemm ir‑raġel u kemm il‑mara, kemm il‑ħażin u kemm il‑twajjeb; u saħansitra lanqas xagħra waħda minn rashom m’hi se tintilef; iżda kollox se jerġa’ lura għall‑ġisem naturali tagħhom, kif inhu issa, jew kif inhu fil‑ġisem mortali, u huma se jinġiebu u jitressqu quddiem l‑iżbarra ta’ Kristu, li hu Alla wieħed etern, biex isir ħaqq minnhom skont l‑għemejjel tagħhom, kemm jekk tajbin kif ukoll jekk ħżiena.

45 Issa, ara, jien kellimtek dwar il‑mewt tal‑ġisem mortali, kif ukoll dwar il‑qawmien mill‑imwiet tal‑ġisem mortali. Jiena ngħidlek li dan il‑ġisem mortali jiġi mqajjem għal ġisem immortali, jiġifieri mill‑mewt, sewwasew mill‑ewwel mewt għall‑ħajja, biex huma ma jmutu qatt aktar; l‑ispirti tagħhom jingħaqdu ma’ ġisimhom, u ma jinfirdu qatt aktar; b’hekk il‑ġisem kollu jsir wieħed spiritwali u immortali, li ma jitħassar qatt aktar.

46 Issa, meta Amuleki temm jgħid dan il‑kliem in‑nies reġgħu bdew jistagħġbu, u Żeżrom beda jitriegħed ukoll. U b’hekk kliem Amuleki ġie fi tmiemu, jew aħjar dan hu dak kollu li jiena ktibt.