Skrittura
Alma 12


Kapitlu 12

Alma jitkellem ma’ Żeżrom—Il‑misteri ta’ Alla jistgħu jingħataw biss lill‑fidili—Il‑bnedmin se jsir ħaqq minnhom skont ħsibijiethom, twemminhom, kliemhom, u għemilhom—Il‑ħżiena se jesperjenzaw mewt spiritwali—Din il‑ħajja mortali hija stat ta’ prova—Il‑pjan ta’ fidwa jġib fis‑seħħ il‑Qawmien mill‑imwiet u, permezz tal‑fidi, maħfra tad‑dnubiet—Dak li jindem għandu dritt għall‑ħniena permezz tal‑Iben il‑Waħdieni. Madwar 82 Q.K.

1 Issa Alma, meta ra li Amuleki għalaq ħalq Żeżrom b’dak li qallu, għax huwa nduna li Amuleki kien qabdu jigdeb u jqarraq biex ikun jista’ jeqirdu, u meta ra li hu beda jirtogħdu peress li kien għaraf ħtijietu, hu fetaħ fommu u beda jkellmu, u jikkonferma kliem Amuleki, u beda jispjegalu ħwejjeġ oħra, jew ifissirlu l‑iskrittura b’aktar profondità milli beda jfissirha Amuleki.

2 Issa l‑kliem li Alma qal lil Żeżrom semgħuh in‑nies kollha li kienu madwaru; għax il‑miġemgħa kienet kbira, u hu tkellem b’dan il‑mod:

3 Issa Żeżrom, qed tara inti li int inqbadt tigdeb u tqarraq, għaliex inti mhux biss gdibt lill‑bnedmin iżda inti gdibt lil Alla; għax ara, hu jaf ħsibijietek kollha, u inti tista’ tara li ħsibijietek ġew żvelati lilna permezz tal‑Ispirtu tiegħu;

4 U inti tista’ tara li aħna nafu li l‑pjan tiegħek kien pjan mill‑aktar sottili, skont is‑sottiljezza tax‑xitan, sabiex tigdeb u tqarraq b’dawn in‑nies ħalli tkun tista’ tqanqalhom kontrina, biex iżebilħuna u jkeċċuna ’l barra—

5 Issa dan kien pjan tal‑avversarju tiegħek, u huwa eżerċita l‑qawwa tiegħu fuqek. Issa nixtieqek tiftakar li dak li qed ngħid lilek qed ngħidu lil kulħadd.

6 U ara jiena ngħidilkom ilkoll li din kienet nasba tal‑avversarju, li poġġa biex jaqbad lil dan il‑poplu, ħalli jkun jista’ jaħtafkom taħt idejh, biex ikun jista’ jorbotkom bil‑ktajjen tiegħu, ħalli jkun jista’ jżommkom marbutin għall‑qerda ta’ dejjem, skont il‑qawwa tal‑jasar tiegħu.

7 Issa meta Alma qal dan il‑kliem, Żeżrom beda jitriegħed b’aktar qawwa, għax aktar ma jmur aktar beda jikkonvinċi ruħu dwar il‑qawwa ta’ Alla; u hu kien konvint ukoll li Alma u Amuleki kienu jafuh, għax hu kien konvint li huma kienu konxji tal‑ħsibijiet u l‑intenzjonijiet ta’ qalbu; għax ġiet mogħtija lilhom qawwa li huma setgħu jkunu jafu dwar dawn il‑ħwejjeġ skont l‑ispirtu tal‑profezija.

8 U Żeżrom beda jistaqsihom bir‑reqqa biex forsi jitgħallem aktar dwar is‑saltna ta’ Alla. U huwa qal lil Alma: Xi jfisser dak li qal Amuleki dwar il‑qawmien mill‑imwiet, li kulħadd għad iqum mill‑mewt, sew min hu tajjeb u sew min m’huwiex, u kulħadd se jinġieb ħalli jieqaf quddiem Alla biex isir ħaqq minnu skont għemilu?

9 U issa Alma beda jispjegalu dawn il‑ħwejjeġ, u jgħidlu: Huma ħafna li ngħataw id‑don li jkunu jafu l‑misteri ta’ Alla; madankollu huma ngħataw ordni stretta li huma għandhom jiżvelaw biss skont il‑porzjon ta’ kelmtu li huwa jagħti lil ulied il‑bnedmin, skont il‑widen u d‑diliġenza li huma jagħtuh.

10 U għalhekk, dak li jwebbes qalbu, huwa jirċievi l‑iċken porzjon tal‑kelma; u dak li ma jwebbisx qalbu, lilu jingħata l‑akbar porzjon tal‑kelma, sakemm jingħata lilu li jkun jaf il‑misteri ta’ Alla sakemm isir jafhom kollha.

11 U dawk li jwebbsu qalbhom, lilhom jingħata l‑iċken porzjon tal‑kelma sakemm huma ma jibqgħu jafu xejn dwar il‑misteri tiegħu; u mbagħad huma jittieħdu fil‑jasar mix‑xitan, u jitmexxew lejn il‑qerda skont ir‑rieda tiegħu. Issa din hi t‑tifsira tal‑ktajjen tal‑infern.

12 U Amuleki tkellem ċar u ton dwar il‑mewt, u li aħna niġu mqajmin minn din il‑mortalità għal stat ta’ immortalità, u ninġiebu quddiem l‑iżbarra ta’ Alla, biex isir ħaqq minna skont għemilna.

13 Imbagħad jekk aħna nkunu webbisna qalbna, iva, jekk inkunu webbisna qalbna kontra l‑kelma, hekk li ma baqgħetx tinsab ġewwa fina, mela l‑istat tagħna se jkun wieħed terribbli, għax jekk hu hekk aħna se niġu kkundannati.

14 Għax kliemna jikkundannana, iva l‑għemejjel kollha tagħna jikkundannawna; aħna ma niġux misjuba mingħajr tebgħa; u ħsibijietna wkoll jikkundannawna; u f’dan l‑istat terribbli ma nazzardawx inħarsu ’l fuq lejn Alla; u jkun ta’ solliev għalina jekk lill‑blat u l‑muntanji nkunu nistgħu nordnawlhom biex jaqgħu fuqna ħalli jaħbuna mill‑preżenza tiegħu.

15 Iżda dan ma jistax iseħħ; jeħtieġ li aħna mmorru u nieqfu quddiemu fil‑glorja tiegħu, u fil‑qawwa tiegħu, u fis‑setgħa, fil‑majestà, u fid‑dominju tiegħu, u nammettu, bis‑sentiment tal‑ħtija eterna tagħna, li l‑ħaqq kollu tiegħu huwa ġusti; li huwa ġust fl‑għemejjel kollha tiegħu, u li hu ħanin ma’ wlied il‑bnedmin, u li għandu l‑qawwa kollha li jsalva lil kull bniedem li jemmen f’ismu u li jipproduċi frott li hu xieraq tal‑indiema.

16 U issa araw, jien ngħidilkom li mbagħad tasal il‑mewt, sewwasew it‑tieni mewt, li hija mewta spiritwali; dak ikun żmien li kull min imut fi dnubietu, u hawn qed nirreferi għall‑mewta temporali, se jmut ukoll mewta spiritwali; iva, huwa sejjer imut f’dawk li huma ħwejjeġ relatati mas‑sewwa.

17 Dan ikun iż‑żmien meta t‑turment tagħhom se jkun bħal belliegħa ta’ nar u kubrit, li l‑fjamma tagħha titla’ ’l fuq għal dejjem ta’ dejjem; u dak ikun iż‑żmien meta huma jinżammu marbutin għall‑qerda ta’ dejjem, skont il‑qawwa u l‑jasar ta’ Satana, hu li ħakimhom taħt idejh skont ir‑rieda tiegħu.

18 Għalhekk, jien ngħidilkom, huma jkunu bħallikieku ma seħħet l‑ebda fidwa; għax huma ma jkunux jistgħu jiġu mifdija skont il‑ġustizzja ta’ Alla; u huma ma jkunux jistgħu imutu, peress li ma jkunx hemm aktar taħsir.

19 Issa ġara li meta Alma temm jgħid dan il‑kliem, in‑nies bdew jimtlew aktar bil‑għaġeb;

20 Iżda kien hemm wieħed jismu Antjona, li kien kap ewlieni fosthom, li mar quddiemu u qallu: X’jiġifieri dak li għidt, li l‑bniedem sejjer iqum mill‑mewt u jinbidel minn dan l‑istat mortali għal wieħed immortali, li r‑ruħ ma tista’ tmut qatt?

21 Xi tfisser l‑iskrittura, li tgħid li Alla poġġa kerubini u sejf tan‑nar iżiġġ fin‑naħa tal‑lvant tal‑ġnien tal‑Għeden, ma jmorrux l‑ewwel ġenituri tagħna jidħlu u jieklu mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja, u jgħixu għal dejjem? U b’hekk naraw li ma kellhom l‑ebda ċans possibbli li huma setgħu jgħixu għal dejjem.

22 U Alma qallu: Din hi l‑ħaġa li jiena kont se nispjega. Issa naraw li Adam waqa’ billi kiel mill‑frotta pprojbita, skont il‑kelma ta’ Alla; u b’hekk naraw, li minħabba l‑waqgħa tiegħu, il‑bnedmin kollha saru nies mitlufa u dekaduti.

23 U issa ara, jiena ngħidlek li jekk dak iż‑żmien kien possibbli għal Adam li jiekol mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja, ma kien ikun hawn l‑ebda mewt, u l‑kelma kienet tkun għalxejn, u Alla kien jidher bħallikieku xi giddieb, għax huwa qal: Jekk inti tiekol int tmut żgur.

24 U naraw li l‑mewt tiġi fuq il‑bniedem, iva, il‑mewt li tkellem dwarha Amuleki, li hija l‑mewt temporali; madanakollu l‑bniedem ġie mogħti perjodu ta’ żmien li fih huwa jista’ jindem; għalhekk din il‑ħajja saret stat ta’ prova; żmien biex hu jitħejja ħalli jiltaqa’ ma’ Alla; żmien biex hu jitħejja għal dak l‑istat bla tmiem li aħna tkellimna dwaru, li jiġi wara l‑qawmien mill‑imwiet.

25 Issa, li kienu ma kienx għall‑pjan ta’ fidwa, li ġie mfassal sa mill‑ħolqien tad‑dinja, ma kien ikun hawn l‑ebda qawmien mill‑imwiet; iżda kien hemm pjan imfassal, li sejjer iġib fis‑seħħ il‑qawmien mill‑imwiet, li aħna tkellimna dwaru.

26 U issa ara, li kieku kien possibbli li l‑ewwel ġenituri tagħna tħallew imorru u jieklu mis‑siġra tal‑ħajja huma kienu jkunu miżerabbli għal dejjem, fejn ma kien ikollhom l‑ebda stat preparatorju; u b’hekk il‑pjan ta’ fidwa kien jiġi annullat, u l‑kelma ta’ Alla kienet tkun għal xejn, għax ma kien ikollha l‑ebda effett.

27 Iżda ara, mhux hekk ġara; iżda ġie ddekretat li l‑bnedmin jeħtieġ li jmutu; u wara l‑mewt, jeħtieġ li jinġiebu ħalli jsir ħaqq minnhom, sewwasew l‑istess ħaqq li aħna tkellimna dwaru, li huwa t‑tmiem.

28 U wara li Alla ddekreta li l‑bnedmin se jkollhom jgħaddu minn dawn il‑ħwejjeġ, ara, imbagħad hu ra li jkun jaqbel li l‑bnedmin isiru jafu dwar il‑ħwejjeġ li huwa ddekreta li għandhom jgħaddu minnhom.

29 Għalhekk huwa bagħat anġli biex jitkellmu magħhom, li ordnaw lill‑bnedmin biex iħarsu lejn il‑glorja tiegħu.

30 U minn dak iż‑żmien ’il quddiem huma bdew isejħu ismu; għalhekk Alla tkellem mal‑bnedmin, u żvelalhom il‑pjan tal‑fidwa, li ġie mħejji sa mill‑ħolqien tad‑dinja; u dan huwa żvelalhom skont il‑fidi u l‑indiema tagħhom u l‑opri qaddisa tagħhom.

31 Għalhekk, lill‑bnedmin huwa tahom kmandamenti, wara li huma m’obdewx l‑ewwel kmandamenti fir‑rigward ta’ ħwejjeġ li huma temporali, u huma saru bħall‑allat, jagħrfu t‑tajjeb mill‑ħażin, fejn poġġew lilhom infushom fi stat li jaġixxu, jew tpoġġew fi stat biex jaġixxu skont ir‑rieda u x‑xewqat tagħhom, jekk jagħmlux il‑ħażin jew jagħmlux it‑tajjeb—

32 Għalhekk Alla tahom kmandamenti, wara li żvelalhom il‑pjan tal‑fidwa, fejn huma m’għandhom iwettqu l‑ebda ħażen, fejn il‑penali tiegħu hija t‑tieni mewta, li kienet mewta għal dejjem fir‑rigward ta’ ħwejjeġ relatati mas‑sewwa; għax fuq nies bħal dawn il‑pjan tal‑fidwa ma seta’ jkollu l‑ebda effett, għax skont it‑tjieba suprema ta’ Alla, l‑għemejjel tal‑ġustizzja ma setgħux jiġu fix‑xejn.

33 Iżda Alla sejjaħ lill‑bnedmin, f’isem Ibnu, (dan kien il‑pjan tal‑fidwa li ġie mfassal) u qal: Jekk intom tindmu, u ma twebbsux qalbkom, imbagħad jiena jkolli ħniena minnkom, permezz ta’ Ibni l‑Waħdieni;

34 Għalhekk, kull min jindem, u ma jwebbisx qalbu, huwa għandu dritt għall‑ħniena permezz ta’ Ibni l‑Waħdieni, li twassal għall‑maħfra ta’ dnubietu; u dawn sejrin jiksbu l‑mistrieħ tiegħi.

35 U kull min iwebbes qalbu u jagħmel il‑ħażen, araw, jien naħlef fl‑għadab tiegħi li huwa mhuwiex se jikseb il‑mistrieħ tiegħi.

36 U issa, ħuti, araw jien ngħidilkom, li jekk intom twebbsu qalbkom intom ma tistgħux tiksbu l‑mistrieħ tal‑Mulej; għalhekk il‑ħażen tagħkom jipprovokah biex huwa jibgħat l‑għadab tiegħu fuqkom kif għamel fl‑ewwel provokazzjoni, iva, skont kelmtu fl‑aħħar provokazzjoni kif ukoll fl‑ewwel waħda, u dan iwassal għall‑qerda eterna ta’ ruħkom; għalhekk, dan hu skont kelmtu, sal‑aħħar mewt, kif ukoll għall‑ewwel.

37 U issa, ħuti, peress li aħna nafu dan kollu, u kollox huwa minnu, ejjew nindmu, u ma nwebbsux qalbna, biex ma nipprovokawx lill‑Mulej Alla tagħna u hu jixħet fuqna l‑għadab tiegħu f’dawn it‑tieni kmandamenti li huwa tana; iżda ejjew aħna niksbu l‑mistrieħ ta’ Alla, li ġie mħejji skont kelmtu.