Skrittura
Alma 22


Kapitlu 22

Aron jgħallem lil missier Lamoni dwar il‑Ħolqien, il‑ Waqgħa ta’ Adam, u l‑pjan tal‑fidwa permezz ta’ Kristu—Is‑sultan u n‑nies kollha ta’ daru jikkonvertu—Spjegat kif ġiet imqassma l‑art bejn in‑Nefiti u l‑Lamaniti. Madwar 90–77 Q.K.

1 Issa, hekk kif Għammon kien għaddej bla heda jgħallem lin‑nies ta’ Lamoni, aħna se nerġgħu lura għar‑rakkont ta’ Aron u ħutu; għax wara li telaq mill‑art ta’ Middoni huwa ġie mmexxi permezz tal‑Ispirtu lejn l‑art ta’ Nefi, sewwasew lejn id‑dar tas‑sultan li kien isaltan fuq l‑art kollha ħlief għall‑art ta’ Ismagħel; u hu kien missier Lamoni.

2 U ġara li hu daħal fil‑palazz tas‑sultan u mar quddiemu, flimkien ma’ ħutu, u miel quddiem is‑sultan u qallu: Ara, O sultan, aħna ħut Għammon, li inti ħlist mill‑ħabs.

3 U issa, O sultan, jekk inti tħallina ngħixu, aħna nkunu l‑qaddejja tiegħek. U s‑sultan qalilhom: Qumu, għax jien lest inħallikom tgħixu, u m’iniex se nħallikom tkunu l‑qaddejja tiegħi; iżda se ninsisti li intom tkunu ta’ għajnuna għalija; għaliex moħħi jinsab xi ftit imħawwad minħabba l‑ġenerożità u l‑kobor ta’ kliem ħukom, Għammon; u jien nixtieq inkun naf ir‑raġuni għalfejn huwa ma telgħax minn Middoni magħkom.

4 U Aron qal lis‑sultan: Ara, l‑Ispirtu tal‑Mulej sejjaħlu biex jaqbad triq oħra; huwa mar fl‑art ta’ Ismagħel, biex jgħallem lin‑nies ta’ Lamoni.

5 Issa s‑sultan qalilhom: X’ifisser dak li intom għidtu dwar l‑Ispirtu tal‑Mulej? Araw, din hija l‑ħaġa li qed tħawwadni.

6 Kif ukoll, x’ifisser dak li qal Għammon—Jekk inti tindem inti ssalva, u jekk ma tindimx, inti tiġi mwarrab fl‑aħħar jum?

7 U Aron wieġbu u qallu: Temmen inti li hemm Alla? U s‑sultan qal: Jiena naf li l‑Għamalekin jgħidu li hemm Alla, u jiena lilhom ħallejthom jibnu s‑santwarji, ħalli huma jkunu jistgħu jinġabru flimkien biex iqimuh. U jekk issa intom tgħidu li hemm Alla, araw jiena nemmen.

8 U issa meta Aron sema’ dan, beda jħoss qalbu tithenna, u qal: Ara, fiż‑żgur daqs kemm inti ħaj int, O sultan, hemm Alla.

9 U s‑sultan qal: Allura Alla huwa dak l‑Ispirtu l‑Kbir li ħareġ lil missirijietna ’l barra mill‑art ta’ Ġerusalemm?

10 U Aron qallu: Iva, hu sewwasew dak l‑Ispirtu l‑Kbir, u huwa ħoloq kull ħaġa kemm fis‑sema u kemm fl‑art. Temmnu inti dan?

11 U huwa qal: Iva, jien nemmen li l‑Ispirtu l‑Kbir ħoloq kull ħaġa, u nixtieq li inti tgħidli dwar dan kollu, u jiena nemmen kliemek.

12 U ġara li meta Aron ra li s‑sultan kien lest jemmen kliemu, huwa beda mill‑ħolqien ta’ Adam, jaqra l‑iskrittura lis‑sultan—kif Alla ħoloq lill‑bniedem fi xbieha tiegħu, u li Alla tah kmandamenti u li minħabba t‑trasgressjoni, il‑bniedem waqa’.

13 U Aron beda jfissirlu l‑iskrittura mill‑ħolqien ta’ Adam, fejn beda jispjegalu dwar il‑waqgħa tal‑bniedem, u dwar l‑istat karnali tagħhom, kif ukoll dwar il‑pjan tal‑fidwa, li kien ġie mħejji sa mill‑ħolqien tad‑dinja, permezz ta’ Kristu, għal dawk kollha li jemmnu f’ismu.

14 U peress li l‑bniedem waqa’, bil‑mertu tiegħu ma kien jimmeritah xejn; iżda t‑tbatija u l‑mewt ta’ Kristu jpattu għal dnubiethom, permezz tal‑fidi u l‑indiema, u aktar; u li huwa kisser il‑ktajjen tal‑mewt, u li l‑qabar mhu se jikseb l‑ebda rebħa, u li n‑niggieża tal‑mewt sejra tinbela fit‑tamiet tal‑glorja; u Aron fisser dan kollu lis‑sultan.

15 U ġara li wara li Aron fissirlu dan kollu, is‑sultan qal: X’għandi nagħmel biex inkun nista’ nikseb din il‑ħajja ta’ dejjem li inti tkellimt dwarha? Iva, x’għandi nagħmel biex inkun nista’ niġi mwieled minn Alla, u biex dan l‑ispirtu ħażin jinqala’ mill‑għeruq ta’ qalbi, u jiena nirċievi l‑Ispirtu tiegħu, ħalli nkun nista’ nimtela bil‑hena, biex ma niġix imwarrab fl‑aħħar jum? U hu qal, ara, jiena lest nerħi minn idejja dak kollu li għandi, iva, lest nabbanduna s‑saltna tiegħi, biex inkun nista’ nikseb din l‑hena daqstant kbira.

16 Iżda Aron qallu: Jekk din hija x‑xewqa tiegħek, jekk inti tmil quddiem Alla, iva, jekk inti tindem mid‑dnubiet kollha tiegħek, u tmil quddiem Alla, u ssejjaħ ismu b’fidi, u temmen li inti se tirċievi, imbagħad inti tikseb it‑tama li tant tixtieq.

17 U ġara li meta Aron qal dan il‑kliem, is‑sultan inxteħet għarkupptejh quddiem il‑Mulej; iva huwa saħansitra nxteħet minn tulu mal‑art, u beda jgħajjat b’leħen qawwi u jgħid:

18 O Alla, Aron qalli li hemm Alla; u jekk hemm Alla, u jekk inti Alla, lest inti turini lilek innifsek, u jiena nabbanduna dnubieti kollha biex insir nafek, u nkun nista’ niġi mqajjem mill‑imwiet, u nikseb is‑salvazzjoni fl‑aħħar jum. U issa meta s‑sultan qal dan il‑kliem, huwa ntlaqat bħallikieku miet.

19 U ġara li l‑qaddejja tiegħu telqu b’ġirja biex jgħidu lis‑sultana b’dak kollu li kien ġara lis‑sultan. U hi daħlet ħdejn is‑sultan; u meta ratu mindud mal‑art bħallikieku mejjet, u meta rat ukoll lil Aron u lil ħutu weqfin ħdejh bħallikieku kienu huma l‑kawża tal‑waqgħa tiegħu, hija nkorlat għalihom, u ordnat lill‑qaddejja tagħha, jew lill‑qaddejja tas‑sultan, li kellhom jaqbduhom u joqtluhom.

20 Issa l‑qaddejja kienu raw x’kien wassal għall‑waqgħa tas‑sultan, għalhekk huma m’ażżardawx jerfgħu idejhom fuq Aron u fuq ħutu; u huma talbu b’ħerqa lis‑sultana u qalulha: Għalfejn qed tordnalna biex noqtlu lil dawn l‑irġiel, meta wieħed minnhom huwa aqwa minnha lkoll? Għalhekk aħna nispiċċaw naqgħu quddiemhom.

21 Issa meta s‑sultana rat il‑biża’ li kellhom il‑qaddejja hija wkoll bdiet tibża’ bil‑kbir, li ma tmurx tintlaħaq minn xi ħsara. U hi ordat lill‑qaddejja tagħha biex imorru u jsejħu lin‑nies, ħalli huma joqtlu lil Aron u lil ħutu.

22 Issa meta Aron ra d‑determinazzjon tas‑sultana, hu, li kien jaf ukoll dwar l‑ebusija ta’ qalb il‑nies, beża’ li kienet se tinġabar xi folla nies, u li kien se jqum bosta tilwim u storbju bejniethom; għalhekk huwa medd idu u qajjem lis‑sultan mill‑art, u qallu: Qum. U hu qam fuq riġlejh, hekk kif ħa saħtu lura.

23 Issa dan kollu seħħ fil‑preżenza tas‑sultana, u ta’ bosta mill‑qaddejja. U meta huma raw dan huma stagħġbu bil‑kbir, u bdew jibżgħu. U s‑sultan mar quddiemhom u beda jgħallimhom il‑kelma. U hu għallimhom tant li n‑nies kollha ta’ daru spiċċaw biex ikkonvertew għall‑Mulej.

24 Issa nġabret folla kbira flimkien minħabba l‑ordni tas‑sultana, u beda jqum ħafna tgergir bejniethom minħabba Aron u ħutu.

25 Iżda s‑sultan waqaf f’nofshom u beda jdur bihom. U huma warrbu kull sentiment ta’ rabja li kellhom lejn Aron u lejn dawk li kienu miegħu.

26 U ġara li meta s‑sultan ra li n‑nies warrbu kull sentiment ta’ rabja, huwa ordna lil Aron u lil ħutu biex jieqfu f’nofs il‑miġemgħa, u jxandrulhom il‑kelma.

27 U ġara li s‑sultan bagħat proklama madwar il‑pajjiż kollu, fost il‑nies tiegħu kollha li kienu jinsabu mal‑pajjiż kollu, li kienu fl‑inħawi kollha tal‑madwar, li kien imiss saħansitra mal‑baħar, fin‑naħa tal‑lvant u fin‑naħa tal‑punent, u li kien mifrud mill‑art ta’ Żaraħemla permezz ta’ strixxa dejqa ta’ art xagħrija, li kienet tibda mill‑baħar tal‑lvant u tasal sewwasew sal‑baħar tal‑punent, u madwar il‑fruntieri ta’ xatt il‑baħar, u l‑fruntieri tax‑xagħri li kien hemm fin‑naħa tat‑tramuntana ħdejn l‑art ta’ Żaraħemla, mal‑fruntieri ta’ Manti, ħdejn ras ix‑xmara Sidon, li kienet tibda mil‑lvant u tasal sal‑punent—u kien b’dal‑mod li l‑Lamaniti u n‑Nefiti kienu mifrudin minn xulxin.

28 Issa, l‑aktar nies għażżenin fost il‑Lamaniti kienu jgħixu fix‑xagħri, u kienu jgħammru fit‑tined; u kienu mifruxin madwar ix‑xagħri fin‑naħa tal‑punent, fl‑art ta’ Nefi; iva, kif ukoll fin‑naħa tal‑punent tal‑art ta’ Żaraħemla, fil‑fruntieri ta’ ħdejn xatt il‑baħar, u fin‑naħa tal‑punent fl‑art ta’ Nefi, fil‑post tal‑ewwel wirt ta’ missirijiethom, u b’hekk kienu jiffurmaw fruntiera ma’ xatt il‑baħar.

29 U kien hemm ukoll bosta Lamaniti fin‑naħa tal‑lvant ħdejn xatt il‑baħar, in‑naħa fejn kienu xerrduhom in‑Nefiti. U b’hekk in‑Nefiti kienu kważi spiċċaw mdawrin mil‑Lamaniti; madankollu in‑Nefiti kienu ħadu f’idejhom il‑partijiet ta’ fuq kollha tal‑art li kien hemm mal‑fruntiera tax‑xagħri, f’ras ix‑xmara Sidon, mil‑lvant sal‑punent, mad‑dawra kollha tax‑xagħri; fin‑naħa tat‑tramuntana, sewwasew sakemm huma waslu fl‑art li semmewha Kotra.

30 U din kienet mal‑fruntiera tal‑art li semmewha Ħerba, li tant kienet ’il fuq li kienet tasal sal‑art li fiha kienu jgħammru n‑nies li kienu nqerdu, li konna tkellimna dwar għadamhom, li kien instab min‑nies ta’ Żaraħemla, għax kien l‑ewwel post li huma niżlu fih.

31 U minn hemm huma telgħu fin‑naħa t’isfel tax‑xagħri. Għalhekk l‑art fin‑naħa tat‑tramuntana kien jisimha Ħerba, u l‑art fin‑naħa tan‑nofsinhar kien jisimha Kotra, u kienet ix‑xagħri li kien mimli b’kull xorta ta’ annimali selvaġġi ta’ kull għamla, li wħud minnhom kienu ġew għall‑ikel min‑naħa tat‑tramuntana.

32 U issa, dan kien vjaġġ li lil wieħed Nefita kien jeħodlu biss jum u nofs, rotta li kienet tgħaddi mill‑fruntiera ta’ bejn Kotra u l‑art ta’ Ħerba, mill‑baħar tal‑lvant sal‑baħar tal‑punent; u għalhekk l‑art ta’ Nefi u l‑art ta’ Żaraħemla kienu kważi mdawrin bl‑ilma, u kien hemm strixxa dejqa ta’ art bejn l‑art fit‑tramuntana u l‑art fin‑nofsinhar.

33 U ġara li n‑Nefiti bdew jgħammru fl‑art ta’ Kotra, sewwasew mill‑baħar tal‑lvant sal‑baħar tal‑punent, u b’hekk in‑Nefiti fl‑għerf tagħhom, permezz tal‑għassiesa tagħhom u l‑armati tagħhom, spiċċaw dawru lil‑Lamaniti min‑naħa tan‑nofsinhar, ħalli ma jkunux jistgħu jieħdu aktar art fin‑naħa ta’ fuq, li ma jmorrux jinvadu l‑art tat‑tramuntana.

34 B’hekk il‑Lamaniti ma jkunx jista’ jkollhom aktar territorju ’il barra mill‑art ta’ Nefi, u x‑xagħri tal‑madwar. Din kienet mossa għaqlija min‑naħa tan‑Nefiti—peress li l‑Lamaniti kienu għedewwa tagħhom, ma kinux se jħalluhom jattakawhom minn kull naħa, u barra minn hekk ikun jista’ jkollhom art ’il fejn jaħarbu, skont xewqathom.

35 U issa jiena, wara li għidt dan kollu, se nerġa’ lura għar‑rakkont ta’ Għammon u Aron, Omner u Ħimni, u ħuthom.