Skrittura
Alma 23


Kapitlu 23

Titħabbar il‑libertà reliġjuża—Il‑Lamaniti f’seba’ artijiet u bliet jikkonvertu—Huma jsejħu lilhom infushom Anti‑Nefi‑Leħiti u jeħilsuha mis‑saħta—L‑Għamalekin u l‑Amuloniti jirriffjutaw il‑verità. Madwar 90–77 Q.K.

1 Araw, issa ġara li s‑sultan tal‑Lamaniti bagħat proklama fost il‑poplu tiegħu kollu, li huma m’għandhomx jerfgħu idejhom fuq Għammon, jew Aron, jew Omner, jew Ħimni, jew fuq dawk ħuthom li jmorru jxandru l‑kelma ta’ Alla, ikunu fejn ikunu, f’kwalunkwe naħa ta’ pajjiżhom.

2 Iva, huwa bagħat digriet fosthom, li huma ma kellhomx jerfgħu idejhom fuqhom biex jorbtuhom, jew biex jixħtuhom il‑ħabs; lanqas ma kellhom jibżqu fuqhom, jew isawtuhom, jew ikeċċuhom ’il barra mis‑sinagogi tagħhom, jew jikkastigawhom; lanqas ma kellhom iħaġġruhom, iżda huma għandhom ikollhom aċċess ħieles għal djarhom, kif ukoll għat‑tempji tagħhom, u s‑santwarji tagħhom.

3 U b’hekk huma jkunu jistgħu jmorru jxandru l‑kelma skont xewqathom, għaliex is‑sultan kien ikkonverta għall‑Mulej, u l‑istess in‑nies kollha ta’ daru; għalhekk huwa bagħat proklama lin‑niesu madwar il‑pajjiż kollu, li l‑kelma ta’ Alla ma kellha tiltaqa’ mal‑ebda ostaklu, iżda kellha tiġi mxandra mal‑pajjiż kollu, ħalli niesu jkunu jistgħu jikkonvinċu ruħhom dwar id‑drawwiet ħżiena ta’ missirijiethom, u ħalli huma jkunu jistgħu jikkonvinċu ruħhom li huma kienu lkoll aħwa, u li ma kellhomx joqtlu, jew jissakkeġġjaw, jew jisirqu, jew ikunu ħatja ta’ adulterju, jew ħatja ta’ xi forma ta’ ħażen.

4 U issa ġara li meta s‑sultan bagħat din il‑proklama, Aron u ħutu marru minn belt għal belt, u minn dar ta’ qima għall‑oħra, iwaqqfu knejjes, u jikkonsagraw qassisin u għalliema madwar il‑pajjiż fost il‑Lamaniti, biex huma jxandru u jgħallmu l‑kelma ta’ Alla fosthom; u b’hekk beda jkollhom suċċess kbir.

5 U kienu eluf li twasslu għall‑għarfien tal‑Mulej, iva, kienu eluf li twasslu biex jemmnu fid‑drawwiet tan‑Nefiti; u huma ġew mgħallma dwar l‑annali u l‑profeziji li baqgħu jgħaddu minn ġenerazzjoni għall‑oħra sewwasew sa dan iż‑żmien.

6 U daqs kemm jien ċert li hu ħaj il‑Mulej, ċert li dawk kollha li emmnu, jew dawk kollha li twasslu għall‑għarfien tal‑verità, permezz tal‑predikazzjoni ta’ Għammon u ħutu, skont l‑ispirtu tar‑rivelazzjoni u tal‑profezija, u l‑qawwa ta’ Alla li twettaq il‑mirakli permezz tagħhom—iva, jien ngħidilkom, daqs kemm hu ħaj il‑Mulej, dawk il‑Lamaniti kollha li emmnu fil‑predikazzjoni tagħhom, u kkonvertew għall‑Mulej, qatt ma qabdu triq ħażina.

7 Għax huma saru poplu ġust; huma abbandunaw l‑armi tar‑ribelljoni tagħhom, u b’hekk ma ħaduhiex aktar kontra Alla, lanqas kontra xi ħadd minn ħuthom.

8 Issa, dawn huma dawk li ġew ikkonvertiti għall‑Mulej:

9 Il‑poplu tal‑Lamaniti li kien fl‑art ta’ Ismagħel;

10 Kif ukoll il‑poplu tal‑Lamaniti li kien fl‑art ta’ Middoni;

11 Kif ukoll il‑poplu tal‑Lamaniti li kien fil‑belt ta’ Nefi;

12 Kif ukoll il‑poplu tal‑Lamaniti li kien fl‑art ta’ Xilom, u li kien fl‑art ta’ Xemlon, u fil‑belt ta’ Lemwel, u fil‑belt ta’ Ximnilom.

13 U dawn huma l‑ismijiet tal‑bliet tal‑Lamaniti li ġew ikkonvertiti għall‑Mulej; u dawn huma dawk li abbandunaw l‑armi tar‑ribelljoni tagħhom, iva, l‑armi tal‑gwerra kollha tagħhom; u huma kienu lkoll Lamaniti.

14 U ħadd mill‑Għamalekin ma kkonverta ħlief wieħed; u minn fost l‑Amuloniti l‑ebda wieħed ma kkonverta; iżda huma webbsu qalbhom, kif ukoll qalb il‑Lamaniti fin‑naħa tal‑pajjiż ta’ kull fejn kienu jgħammru, iva, u fl‑irħula kollha tagħhom u fl‑ibliet kollha tagħhom.

15 Għalhekk, aħna semmejna l‑bliet kollha tal‑Lamaniti li fihom huma nidmu u waslu għall‑għarfien tal‑verità, u kkonvertew.

16 U issa ġara li s‑sultan u dawk li kienu kkonvertew kellhom xewqa li jiksbu isem, li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiddistingwu ruħhom minn ħuthom; għalhekk is‑sultan ħa parir mingħand Aron u mingħand ħafna mill‑qassisin tagħhom, dwar l‑isem li għandhom jieħdu fuqhom, ħalli huma jkunu jistgħu jiddistingwu ruħhom.

17 U ġara li huma sejħu lilhom infushom Anti‑Nefi‑Leħiti; u huma bdew jissejħu b’dan l‑isem u ma bdewx jissejħu aktar Lamaniti.

18 U huma bdew isiru nies mill‑aktar ħabrieka; iva, u bdew juru ħbiberija man‑Nefiti; għalhekk, huma taw bidu għal relazzjoni tajba magħhom, u s‑saħta ta’ Alla ma kenitx fuqhom aktar.