Skrittura
Alma 26


Kapitlu 26

Għammon jeżulta fil‑Mulej—Il‑fidili jissaħħu permezz tal‑Mulej u jingħataw l‑għarfien—Permezz tal‑fidi l‑bnedmin jistgħu jwasslu eluf ta’ erwieħ għall‑indiema—Alla għandu kull qawwa u jifhem kull ħaġa. Madwar 90–77 Q.K.

1 U issa, dan hu l‑kliem li Għammon qal lil ħutu, fejn qalilhom: Ħuti u ħuti fil‑fidi, araw jien ngħidilkom, kemm għandna għalfejn nithennew; għax fejn qatt bsarna meta tlaqna mill‑art ta’ Żaraħemla li Alla kien se jsawwab fuqna barkiet daqstant kbar?

2 U issa, jien nistaqsi, x’barkiet kbar huwa sawwab fuqna? Tafu tgħiduli?

3 Araw, se nwieġeb għalikom; għax ħutna, il‑Lamaniti, kienu fid‑dlam, iva, kienu sewwasew fl‑aktar abbiss mudlam, iżda araw, kemm fosthom twasslu biex jaraw id‑dawl tal‑għaġeb ta’ Alla! U din hija l‑barka li aħna rċevejna, li aħna ġejna maħtura bħala strument f’idejn Alla biex tiġi fis‑seħħ din il‑ħidma kbira.

4 Araw, hemm eluf minnhom li qed jithennew, u li twasslu fil‑merħla ta’ Alla.

5 Araw, l‑għalqa kienet lesta għall‑ħsad, u mberkin intom, għaliex xejjirtu l‑minġel, u bdejtu taħsdu bil‑qawwa tagħkom kollha, iva, għaddejtu l‑jum kollu taħdmu; u araw l‑għadd ta’ qatet tagħkom! U dawn sejrin jinġabru lkoll fl‑imħażen, biex ma jinħlewx.

6 Iva, it‑tempesta mhijiex se ġġarrafhom fl‑aħħar jum; iva, lanqas mhuma se jixxerdu ’l hemm u ’l hawn permezz tal‑irwiefen; iżda meta tqum it‑tempesta huma se jinġabru flimkien f’posthom, biex it‑tempesta ma tkunx tista’ tilħaqhom; iva, u lanqas mhuma se jispiċċaw jittajru permezz tal‑irjieħ qawwija kull fejn jagħżel li jġorrhom l‑għadu.

7 Iżda araw, huma jinsabu f’idejn Sid il‑ħsad, u huma tiegħu; u lilhom huwa jqajjem fl‑aħħar jum.

8 Ikun imbierek isem Alla tagħna; ejjew lilu ngħannu b’tifħir, iva, ejjew inroddu ħajr lill‑isem qaddis tiegħu, għax huwa jwettaq il‑ġustizzja għal dejjem.

9 Għax li kieku aħna ma tlaqniex mill‑art ta’ Żaraħemla, dawn ħutna mill‑aktar għeżież, li ħabbewna b’tant għożża, kieku għadhom mimlijin mibegħda lejna, iva, u kieku għadhom ma għarfux lil Alla.

10 U ġara li meta Għammon qal dan il‑kliem, ħuh Aron beda jċanfru u jgħidlu: Għammon, qed inħoss li l‑hena li inti qed tħoss qed twasslek biex tiftaħar bik innifsek.

11 Iżda Għammon qallu: jien ma niftaħarx bil‑qawwa tiegħi, lanqas bl‑għerf tiegħi; iżda ara, jien inħossni mimli hena, iva, qalbi qed tfur bil‑hena, u jiena nithenna f’Alla tiegħi.

12 Iva, jiena naf li m’jien xejn; għax minn saħħti jiena dgħajjef; għalhekk jien ma niftaħarx bija nnifsi, iżda niftaħar b’Alla tiegħi, għaliex bil‑qawwa tiegħu nista’ nagħmel kollox; iva, ara, aħna wettaqna ħafna mirakli tal‑għaġeb f’din l‑art, li għalihom infaħħru ismu għal dejjem.

13 Ara, kemm eluf u eluf minn ħutna huwa ħeles mit‑turment tal‑infern; u huma twasslu biex jgħannu l‑imħabba feddejja, u dan minħabba l‑qawwa ta’ kelmtu li tinsab fina, għalhekk m’għandniex aħna verament għalfejn nithennew?

14 Iva, għandna għalfejn infaħħruh għal dejjem, għax hu Alla l‑Għoli, u huwa ħeles lil ħutna mill‑ktajjen tal‑infern.

15 Iva, huma kienu jinsabu mdawwrin bid‑dalma u l‑qerda ta’ dejjem; iżda ara, huwa wassalhom għad‑dawl ta’ dejjem tiegħu; iva, għas‑salvazzjoni ta’ dejjem; u huma jinsabu mdawrin bl‑abbundanza inkomparabbli ta’ mħabbtu; iva, u aħna konna strumenti f’idejh fit‑twettieq ta’ din il‑ħidma kbira u tal‑għaġeb.

16 Għalhekk, ejjew neżultaw, iva, neżultaw fil‑Mulej; iva, nithennew, għax mimlijin bil‑hena; iva, aħna nfaħħru lil Alla tagħna għal dejjem. Ara, min qatt jixba’ jeżulta fil‑Mulej? Ara, min qatt jixba’ jitkellem dwar il‑qawwa kbira tiegħu, u dwar il‑ħniena tiegħu, u dwar is‑sabar tiegħu lejn ulied il‑bnedmin? Ara, jiena ngħidlek, m’għandix kliem biex niddeskrivi imqar farka minn dak li qed inħoss.

17 Min qatt kien jaħseb li Alla tagħna kien se jkun daqstant ħanin li wasal biex ħatafna mill‑istat terribbli, midneb, u mniġġes tagħna?

18 Ara, bil‑qilla u b’ħafna theddid aħna morna biex neqirdu l‑knisja tiegħu.

19 Mela allura, għalfejn huwa ma wassalniex għal qerda terribbli, iva, għalfejn ma ħalliex ix‑xabla tal‑ġustizzja tiegħu taqa’ fuqna, u tikkundannana għad‑disprament ta’ dejjem?

20 O, din ruħi kienet għoddha se tgħib ma’ dan il‑ħsieb. Ara, huwa ma eżerċitax il‑ġustizzja tiegħu fuqna, iżda fil‑ħniena kbira tiegħu għaddiena minn fuq dak l‑abiss etern tal‑mewt u l‑miżerja, u wassalna sewwasew għas‑salvazzjoni ta’ ruħna.

21 U issa araw, ħuti, hawn xi bniedem naturali li jaf dawn il‑ħwejjeġ? Jien ngħidilkom, ħadd ma jaf dawn il‑ħwejjeġ, ħlief il‑bniedem penitenti.

22 Iva, dak illi jindem u jeżerċita l‑fidi, u jipproduċi opri tajba, u jitlob bla heda—bħal dawn jingħatalhom l‑għarfien tal‑misteri ta’ Alla; iva, bħal dawn se jiġu żvelati lilhom ħwejjeġ li qatt ma ġew żvelati; iva, u bħal dawn se jingħatalhom li jwasslu eluf ta’ erwieħ għall‑indiema, l‑istess kif ingħata lilna biex nwasslu lil dawn ħutna għall‑indiema.

23 Issa tiftakru, ħuti, li aħna għidna lil ħutna fl‑art ta’ Żaraħemla, li se mmorru sal‑art ta’ Nefi, biex inxandru lil ħutna, il‑Lamaniti, u huma bdew jiddieħku bina?

24 Għax huma qalulna: Taħsbu intom li lil‑Lamaniti tistgħu twassluhom għall‑għarfien tal‑verità? Taħsbu intom li lil‑Lamaniti tistgħu tikkonvinċuhom dwar l‑inkorrettezza ta’ drawwiet missirijiethom, nies ta’ ras iebsa bħalhom; fejn qalbhom tieħu gost bit‑tixrid tad‑demm; u li ħajjithom għaddewha f’ħażen mill‑aktar kbir; u li triqathom kienu t‑triqat ta’ wieħed trasgressur sa mill‑bidu? Issa ħuti, intom tiftakru li hekk kien diskorshom.

25 U huma qalu wkoll: Ejja naqbdu l‑armi kontrihom, ħalli neqirdu lilhom u lil ħżunithom minn din l‑art, ma jmorrux jegħlbuna u jeqirduna.

26 Issa araw, għeżież ħuti, aħna ġejna fix‑xagħri mhux bl‑intenzjoni li neqirdu lil ħutna, iżda bl‑intenzjoni li forsi nkunu nistgħu nsalvaw ir‑ruħ ta’ xi wħud minnhom.

27 Issa mela kellna qalbna mimlija diqa, u konna se nerġgħu nduru lura, araw, il‑Mulej farraġna u qalilna: Morru fost ħutkom, il‑Lamaniti, u ġarrbu bis‑sabar l‑hemm tagħkom, u jiena nara li intom tirnexxu.

28 U issa araw, aħna ġejna u bdejna nduru fosthom; u ġarrejna b’sabar it‑tbatija tagħna, u ċċaħħadna minn bosta ħwejjeġ; iva, aħna bdejna nduru minn dar għal dar, niddependu mill‑ħniena tad‑dinja—u mhux biss mill‑ħniena tad‑dinja iżda wkoll mill‑ħniena ta’ Alla.

29 U aħna dħalna fi djarhom u għallimnihom, u għallimnihom fi triqathom; iva, u għallimnihom fuq għoljiethom; u dħalna wkoll fit‑tempji tagħhom u fis‑sinagogi tagħhom u għallimnihom; u ġejna mkeċċijin, u mżebilħin, u fuqna beżqu, u tawna bil‑ħarta; u ġejna mħaġġra, u qabduna u rabtuna permezz ta’ ħbula b’saħħithom, u tefgħuna f’ħabs; u permezz tal‑qawwa u l‑għerf ta’ Alla erġajna ġejna meħlusin.

30 U ġarrabna kull tip ta’ taħbit, u dan kollu biex forsi permezz tagħna jiġu salvati xi erwieħ; u konna nemmnu li stajna nimtlew bil‑hena jekk permezz tagħna setgħu jiġu salvati xi wħud.

31 Issa araw, aħna nistgħu nħarsu u naraw frott ħidmietna; u huwa ftit? Jiena ngħidilkom, Le, huwa ħafna; iva, u aħna nistgħu nixhdu dwar is‑sinċerità tagħhom, minħabba l‑imħabba tagħhom lejn ħuthom kif ukoll lejna.

32 Għax araw, huma kienu jippreferu jissagrifikaw ħajjithom milli jneħħu sewwasew il‑ħajja tal‑għadu tagħhom; u huma difnu l‑armi tal‑gwerra tagħhom fl‑art, minħabba l‑imħabba tagħhom għal ħuthom.

33 U issa araw jiena ngħidilkom, qatt kien hawn imħabba daqshekk kbira fil‑pajjiż kollu? Araw, jiena ngħidilkom, Le, ma kienx hawn, lanqas fost in‑Nefiti.

34 Għax araw, huma kienu lesti jaqbdu l‑armi kontra ħuthom; ma kenux lesti li jħallu lilhom infushom jinqatlu. Iżda araw kemm kien hemm fost dawn li taw ħajjithom; u nafu li huma marru għand Alla tagħhom, minħabba l‑imħabba tagħhom u l‑mibegħda tagħhom għad‑dnub.

35 Issa m’għadniex aħna għalfejn nithennew? Iva, jien ngħidilkom, sa mill‑bidu tad‑dinja qatt ma kien hawn nies li kellhom raġuni aktar għalfejn jithennew minna; iva, l‑hena tiegħi qed twassalni biex niftaħar f’Alla tiegħi; għax huwa għandu kull qawwa, kull għerf, u kull għarfien; huwa jifhem kollox, u huwa Esseru ħanin, li jwassal għas‑salvazzjoni lil dawk li jindmu u jemmnu f’ismu.

36 Issa jekk dan huwa ftaħir, mela ħalluni niftaħar; għax din hija l‑ħajja tiegħi u d‑dawl tiegħi, l‑hena tiegħi u s‑salvazzjoni tiegħi, u l‑fidwa tiegħi mill‑miżerja ta’ dejjem. Iva, ikun imbierek isem Alla tiegħi, li ftakar f’dan il‑poplu, li huwa fergħa mis‑siġra ta’ Iżrael, li kien intilef miz‑zokk tagħha f’art barranija; iva, jiena ngħid, ikun imbierek isem Alla tiegħi, li ftakar fina, aħna li aħna poplu vagabond f’art barranija.

37 Issa ħuti, qed naraw li Alla jiftakar f’kull poplu, jinsab f’liema art jinsab; iva, hu jgħodd lill‑poplu tiegħu, u huwa mimli ħniena lejn id‑dinja kollha. Issa din hija l‑hena tiegħi, u r‑radd il‑ħajr kbir tiegħi; u jiena nrodd ħajr lil Alla tiegħi għal dejjem. Ammen.