Skrittura
Alma 32


Kapitlu 32

Alma jgħallem lill‑foqra li umiljaw ruħhom minħabba hemmhom—Il‑fidi hi tama f’dak li ma jidhirx u li hu veru—Alma jixhed li l‑anġli jaqdu lill‑irġiel, lin‑nisa, u lit‑tfal—Alma jqabbel il‑kelma ma’ żerriegħa—Jeħtieġ li niżirgħuha u nmantnuha—Imbagħad hija tikber u ssir siġra li minnha naqtgħu l‑frott tal‑ħajja ta’ dejjem. Madwar 74 Q.K.

1 U ġara li huma marru u bdew ixandru l‑kelma ta’ Alla lin‑nies, jidħlu fis‑sinagogi tagħhom, u fi djarhom; iva, u huma xandru wkoll il‑kelma fit‑triqat tagħhom.

2 U ġara li wara li ħadmu fosthom bla heda, huma beda jkollhom suċċess fost il‑klassi l‑fqira tal‑poplu; għax araw, huma ġew imkeċċijin ’il barra mis‑sinagogi minħabba l‑faqar ta’ lbieshom.

3 Għalhekk huma ma tħallewx jidħlu fis‑sinagogi tagħhom biex iqimu ’l Alla, għax kienu jitqiesu bħala nies maħmuġin; għalhekk huma kienu nies foqra; iva, ħuthom kienu jqisuhom bħala rmixk; għalhekk huma kienu foqra fejn jidħlu ħwejjeġ tad‑dinja; u kienu wkoll foqra f’qalbhom.

4 Issa, hekk kif Alma kien qed jgħallem u jkellem lin‑nies fuq l‑għolja Onida, ġew ħdejh għadd kbir ta’ nies, li kienu dawk li konna qed nitkellmu dwarhom, li kienu foqra f’qalbhom, minħabba l‑faqar tagħhom fejn jidħlu l‑ħwejjeġ tad‑dinja.

5 U huma ġew għand Alma; u dak li kien ewlieni fosthom qallu: Ara, x’għandhom jagħmlu dawn ħuti, għax huma mistmerra minn kulħadd minħabba l‑faqar tagħhom, iva, b’mod speċjali mill‑qassisin tagħna; għax huma keċċewna ’l barra mis‑sinagogi tagħna li tant ħdimna bla heda biex nibnuhom b’idejna stess; u huma keċċewna ’l barra minħabba l‑faqar kbir tagħna; u aħna m’għandniex fejn inqimu ’l Alla tagħna; u ara, x’għandna nagħmlu?

6 U issa meta Alma sema’ dan, huwa dar wiċċu lejhom, u ħares dritt lejh, b’ħarsa mimlija hena; għax hu seta’ jara li t‑taħbit tagħhom kien wassalhom biex verament jumiljaw ruħhom, u huma kienu lesti biex jisimgħu l‑kelma.

7 Għalhekk lill‑miġemgħa l‑oħra ma qalilhom xejn aktar; iżda huwa medd idu, u għajjat lil dawk li kien hemm quddiemu, li kienu nidmu verament, u qalilhom:

8 Qed nara li intom ta’ qalb umli; u jekk hu hekk, imberkin intom.

9 Araw ħukom qal, X’nistgħu nagħmlu?—għax aħna ġejna mkeċċijin ’il barra mis‑sinagogi tagħna, u ma nistgħux inqimu ’l Alla tagħna.

10 Araw jien ngħidilkom, taħsbu intom li lil Alla tistgħu tqimuh biss fis‑sinagogi tagħkom?

11 U barra minn hekk, nistaqsikom, taħsbu intom li lil Alla jeħtieġ li tqimuh biss darba f’ġimgħa?

12 Jien ngħidilkom, tajjeb għalikom li intom ġejtu mkeċċijin ’il barra mis‑sinagogi tagħkom, ħalli tkunu tistgħu tumiljaw ruħkom u tiksbu l‑għerf; għax hu meħtieġ li intom titgħallmu l‑għerf; għax huwa minħabba li ġejtu mkeċċijin, li ħutkom jistmerrukom minħabba l‑faqar kbir tagħkom, u dan wassalkom biex intom tkunu ta’ qalb umli; għax kienet in‑neċessità li wasslitkom biex issiru umli.

13 U issa, minħabba li intom ġejtu mġiegħla tkunu umli mberkin intom; għax xi kultant il‑bniedem, jekk ikun imġiegħel ikun umli, ifittex l‑indiema; u issa bla dubju li kull min jindem se jsib il‑ħniena; u dak li jsib il‑ħniena u jibqa’ sħiħ sal‑aħħar jikseb is‑salvazzjoni.

14 U issa, kif għidtilkom, li intom ġejtu mberkin għaliex ġejtu mġiegħla tkunu umli, ma taħsbux li huma aktar imberkin dawk li jumiljaw ruħhom minħabba l‑kelma?

15 Tabilħaqq, dak li verament jumlija ruħu, u jindem minn dnubietu, u jibqa’ sħiħ sal‑aħħar, huwa se jkun imbierek—iva, ikun imbierek ferm aktar minn dawk li jiġu mġiegħla jkunu umli minħabba l‑faqar kbir tagħhom.

16 Għalhekk, imberkin dawk li jumiljaw ruħhom mingħajr ma jiġu mġiegħla jkunu umli; jew, fi kliem ieħor, imberkin dawk li jemmnu fil‑kelma ta’ Alla, u jitgħammdu mingħajr ebusija tal‑qalb, iva, mingħajr ma jiġu mġiegħla jitgħallmu l‑kelma, jew saħansitra mġiegħla jkunu jafu, qabel ma jemmnu.

17 Iva, huma ħafna li jgħidu: Jekk turina sinjal mis‑smewwiet, hemm inkunu nafu fiż‑żgur; hemm aħna nemmnu.

18 Issa jiena nistaqsi, din issejħulha fidi? Araw, jien ngħidilkom, Le; għax jekk bniedem jaf xi ħaġa m’għandux għalfejn jemminha, għax jafha.

19 U issa, kemm hu misħut aktar dak li jaf ir‑rieda ta’ Alla u ma jwettaqhiex, minn dak li sempliċiment jemmen, jew għandu għalxiex jemmen, u jaqa’ fit‑trasgressjoni?

20 Issa dwar dan għandkom tiġġudikaw. Araw, jien ngħidilkom, hu fuq naħa bħalma hu fuq in‑naħa l‑oħra; u se jseħħ minn kull bniedem skont ħidmietu.

21 U issa kif jien għidt dwar il‑fidi—il‑fidi mhijiex li jkollkom għarfien perfett tal‑affarijiet; għalhekk jekk għandkom il‑fidi intom tittamaw għal affarijiet li ma jidhrux, li huma vera.

22 U issa, araw, jien ngħidilkom, u nixtieqkom tiftakru, li Alla hu ħanin ma’ dawk kollha li jemmnu f’ismu; għalhekk hu, fuq kollox, jixtieq li intom temmnu, iva, sewwasew fil‑kelma tiegħu.

23 U issa, huwa jiżvela l‑kelma tiegħu lill‑bnedmin permezz tal‑anġli, iva, mhux biss lill‑irġiel iżda wkoll lin‑nisa. Issa dan mhux kollox; it‑tfal ċkejknin ħafna drabi jiġi mogħti lilhom kliem li jħawwad lill‑għorrief u l‑istudjużi.

24 U issa, għeżież ħuti, hekk kif intom tixtiequ tkunu tafu mingħandi x’għandkom tagħmlu minħabba li qed tbatu u qed tiġu mwarrbin—issa ma nixtieqx li intom taħsbu li jien irrid nagħmel ħaqq minnkom ħlief skont dak li hu veru—

25 Għax jien mhux qed nimplika li intom ilkoll ġejtu mġiegħla tkunu umli; għax fis‑sewwa nemmen li hemm xi wħud fostkom li lesti jumiljaw ruħhom, ikunu xi jkunu ċ‑ċirkustanzi li jistgħu jkunu fihom.

26 Issa, kif għidt dwar il‑fidi—li mhijiex għarfien perfett—hekk ukoll kliemi. Għall‑ewwel ma tistgħux tkunu tafu b’mod perfett il‑verità tiegħu, daqs kemm ma tistgħux tkunu tafu li l‑fidi hija għarfien perfett.

27 Iżda araw, jekk intom tistenbħu u tqanqlu l‑fakultajiet tagħkom, li taslu li tesperimentaw bi kliemi, u teżerċitaw farka fidi, iva, anke jekk kull ma għandkom hija biss xewqa li temmnu, ħallu din ix‑xewqa taħdem fikom, sewwasew sakemm intom temmnu b’tali mod li tagħtu lok għal ftit minn kliemi.

28 Issa, ejjew inqabblu l‑kelma ma’ żerriegħa. Issa, jekk tagħtu lok, li żerriegħa tinżera’ ġewwa qalbkom, araw, jekk hi tkun żerriegħa vera, jew żerriegħa tajba, jekk ma tarmuhiex ’il barra permezz tan‑nuqqas ta’ fidi tagħkom, jekk ma tirreżistux l‑Ispirtu tal‑Mulej, araw, hi tibda tespandi ġewwa fikom; u meta tħossuha tespandi fikom, intom tibdew tgħidu lilkom infuskom—Bilfors li din żerriegħa tajba, jew li l‑kelma hija tajba, għaliex bdiet tkabbar ruħi; iva, bdiet iddawwal l‑għarfien tiegħi, iva, bdiet tkun delizzjuża għalija.

29 Issa araw, ma jwassalkomx dan biex tkabbru l‑fidi tagħkom? Jiena ngħidilkom, Iva; madankollu hija ma saritx għarfien perfett.

30 Iżda araw, hekk kif iż‑żerriegħa tespandi, u tinbet, u tibda tikber, bilfors taslu biex tgħidu li ż‑żerriegħa hija tajba; għax araw, hija tespandi, u tinbet, u tibda tikber. U issa, araw, ma jwassalkomx dan biex issaħħu l‑fidi tagħkom? Iva, dan isaħħaħ il‑fidi tagħkom: għax intom tgħidu jien naf li din hija żerriegħa tajba; għax araw hija tinbet u tibda tikber.

31 U issa, araw, intom ċerti li din hija żerriegħa tajba? Jien ngħidilkom, Iva; għax kull żerriegħa tipproduċi skont l‑għamla tagħha.

32 Għalhekk, jekk żerriegħa tikber hija tajba, iżda jekk ma tikbirx, araw mhijiex tajba, għalhekk tiġi mwarrba.

33 Għax issa, araw, peress li intom ippruvajtu l‑esperiment, u żrajtu ż‑żerriegħa, u hija tibda tespandi u tinbet, u tibda tikber, intom bilfors issiru tafu li ż‑żerriegħa hija tajba.

34 U issa, araw, l‑għarfien tagħkom huwa wieħed perfett? Iva, l‑għarfien tagħkom hu perfett f’dik il‑ħaġa, u l‑fidi tagħkom tinsab rieqda; u dan għaliex intom tafu, għax tafu li l‑kelma bdiet tespandi ruħkom, u tafu wkoll li hi bdiet tinbet, li l‑għarfien tagħkom beda jiddawwal, u moħħkom beda jespandi.

35 Allura, dan mhuwiex veru? Jien ngħidilkom, Iva, għax huwa dawl; u dak kollu li huwa dawl, huwa tajjeb, għaliex huwa dixxernibbli, għalhekk bilfors tafu li huwa tajjeb; u issa araw, wara li intom doqtu dan id‑dawl l‑għarfien tagħkom hu wieħed perfett?

36 Araw, jiena ngħidilkom, Le; lanqas m’għandkom tabbandunaw il‑fidi tagħkom, għax intom sempliċiment eżerċitajtu l‑fidi tagħkom biex tiżirgħu ż‑żerriegħa ħalli tkunu tistgħu tippruvaw l‑esperiment biex tkunu tafu jekk iż‑żerriegħa kenitx tajba.

37 U araw, hekk kif is‑siġra tibda tikber, intom tgħidu: Ejjew inmantnuha b’reqqa kbira, biex hija trabbi l‑għeruq, ħalli tkun tista’ tikber, u tagħtina l‑frott. U issa araw, jekk intom tmantnuha b’reqqa kbir hija trabbi l‑għeruq, u tikber, tipproduċi l‑frott.

38 Iżda jekk ma teħdux ħsieb is‑siġra, u ma tarawx li tmantnuha, araw hija ma trabbi l‑ebda għeruq; u meta tiġi s‑sħana tax‑xemx u taħraqha, peress li m’għandha l‑ebda għeruq hija tidbiel, u intom taqilgħuha u tarmuha.

39 Issa, dan ma jseħħx għax iż‑żerriegħa ma kenitx tajba, lanqas għax frottha ma kienx se jkunu ta’ min jixiequ; iżda dan iseħħ għax l‑art tagħkom hi ħawlija, u intom ma ħadtux ħsieb is‑siġra, għalhekk minnha ma jistax ikollkom frott.

40 U b’hekk, jekk intom ma teħdux ħsieb il‑kelma, u ma tistennewx frottha b’għajn ta’ fidi, intom qatt ma tkunu tistgħu taqtgħu mill‑frott tas‑siġra tal‑ħajja.

41 Iżda jekk intom tieħdu ħsieb il‑kelma, iva, tieħdu ħsieb is‑siġra hekk kif tibda tikber, permezz tal‑fidi tagħkom b’tant diliġenza u sabar, u tistennew frottha bil‑ħerqa, hija tinbet; u araw hija ssir siġra li tibqa’ tikber u twassal għall‑ħajja ta’ dejjem.

42 U minħabba d‑diliġenza tagħkom u l‑fidi tagħkom u s‑sabar li intom urejtu lejn il‑kelma intom u tieħdu ħsiebha, biex jinbtu fikom għeruqha, araw, f’qasir żmien intom tkunu tistgħu taqtgħu frottha, li hu l‑aktar prezzjuż, aktar ħelu minn kull ħaġa ħelwa, u aktar abjad minn kull ħaġa bajda, iva u aktar safi minn kull ħaġa safja; u jekk intom tmantnu lilkom infuskom b’dan il‑frott sewwasew sakemm tħossukom mimlija, u ma jkollkomx aktar ġuħ, u lanqas għatx.

43 Imbagħad, ħuti, intom tgawdu l‑barkiet tal‑fidi tagħkom, u tad‑diliġenza, tal‑paċenzja, u tas‑sabar tagħkom, fejn bqajtu tistennew sakemm is‑siġra tagħtikom il‑frott.